Direttorat għall-Bibljoteka
Il-Bibljoteka tal-Qorti tal-Ġustizzja tispeċjalizza fid-dritt tal-Unjoni u għandha kollezzjoni kbira ta’ xogħlijiet fuq dan is-suġġett. Hija għandha wkoll kollezzjonijiet estensivi dwar id-dritt internazzjonali, id-dritt tal-Istati Membri tal-Unjoni u d-dritt ta’ ċerti Stati terzi. Id-Direttorat għall-Bibljoteka huwa kompost minn żewġ diviżjonijiet responsabbli għall-amministrazzjoni tal-użu ta’ din il-kollezzjoni u sabiex jiżgura li tkun aċċessibbli għall-utenti.
Il-katalogu tal-Bibljoteka huwa disponibbli online. Jekk jogħġbok żur it-termini u l-kundizzjonijiet tas-siti internet esterni meta tniżżel, tirriproduċi u normalment tuża kwalunkwe kontenut minn dawk is-siti konnessi permezz tal-katalogu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex responsabbli għall-użu mhux xieraq ta’ dan il-kontenut.
Il-Bibljoteka għandha wkoll rwol sabiex issostni l-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tipprovdi riċerka fuq talba ta’ pubblikazzjonijiet f’ġurnali akkademiċi sabiex tassisti lill-Membri u lill-membri tal-persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-ħidma legali tagħhom. Barra minn hekk, hija tieħu ħsieb il-pubblikazzjonijiet f’ġurnali akkademiċi sabiex l-utenti jinżammu informati dwar l-iżviluppi reċenti fid-duttrina relatati mal-attivitajiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Il-Bibljoteka hija responsabbli wkoll għall-pubblikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fid-database tal-ġurisprudenza fis-sit internet u fuq EUR-Lex, id-database interistituzzjonali li tkopri d-dritt kollu tal-Unjoni.
Il-Bibljoteka hija prinċipalment għas-servizz tal-Membri u tal-membri tal-persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, il-viżitaturi esterni jistgħu jaċċedu għar-riżorsi tal-Bibljoteka b’awtorizzazzjoni minn qabel. Tista’ ssib iktar informazzjoni dwar il-politika ta’ ammissjoni għall-Bibljoteka fuq il-paġna taż-żjarat tal-Bibljoteka tagħna.
Sabiex taqra dwar l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-bibljoteki tad-dritt moderni, tista’ tikkonsulta l-pubblikazzjoni tad-Direttorat għall-Bibljoteka dwar is-suġġett. Dan huwa disponibbli bil-Franċiż.
Id-Direttorat għall-Bibljoteka huwa responsabbli wkoll għall-arkivji storiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja u għall-ipproċessar ta’ talbiet għal aċċess għal dokumenti amministrattivi.
