Diviżjoni għall-Proġetti u għall-Koordinazzjoni Terminoloġika
Id-Diviżjoni għall-Proġetti u għall-Koordinazzjoni Terminoloġika tamministra prinċipalment it-terminoloġija legali multilingwi kkomparata u tieħu ħsieb l-implimentazzjoni tagħha fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja.
B’mod konkret, id-Diviżjoni tiddefinixxi u tikkoordina l-proġetti terminoloġiċi u tistabbilixxi proċeduri u mekkaniżmi għat-titjib tal-kwalità ġenerali tat-testi. Il-ħidma tagħha ssostni lid-dipartimenti kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ħtiġijiet differenti tagħhom, inklużi t-traduzzjoni, l-interpretazzjoni, l-abbozzar u t-tqabbil ta’ testi u kunċetti legali.
Id-Diviżjoni tamministra l-ipproċessar minn qabel tad-dokumenti sabiex tgħin lill-ġuristi lingwisti, lill-interpreti u lil dawk li jabbozzaw dokumenti fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja jifhmu l-kunċetti li jinsabu fid-dokumenti legali ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-fehim tal-kunċetti li jinsabu fit-testi oriġinali jgħin lill-persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-traduzzjoni, fl-abbozzar ta’ noti u fl-abbozzar ta’ deċiżjonijiet. Id-Diviżjoni tikkoordina wkoll il-grupp ta’ ħidma dwar it-terminoloġija legali tan-Network Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea (NĠUE).
X’inhi t-terminoloġija legali multilingwi kkomparata?
Li wieħed jifhem u jittratta t-testi legali f’kuntest professjonali ma huwiex kompitu sempliċi, b’mod partikolari fl-Unjoni, fejn jeżistu 27 ordinament ġuridiku nazzjonali u 24 lingwa uffiċjali flimkien mal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Kull wieħed minn dawn l-ordinamenti ġuridiċi żviluppa b’mod indipendenti, kull wieħed bil-kunċetti, l-ideat u t-terminoloġija tiegħu stess. Xi ordinamenti ġuridiċi jistgħu jaqsmu l-istess lingwa, iżda t-tifsira ta’ ċerti termini tista’ tvarja minn ordinament għall-ieħor. F’każijiet oħra, ordinament ġuridiku jista’ juża terminu li ma jkollux ekwivalenti dirett f’ordinamenti oħra, jew ma jkunx ekwivalenti għal kollox.
Meta sentenza tiġi tradotta, din għandha tkun tista’ tinftiehem, mhux biss fuq il-livell lingwistiku, iżda fuq il-livell ġuridiku, f’dawn l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kollha. Dan ifisser li mhux biss il-kliem, iżda wkoll l-ideat u l-kunċetti stess li jinsabu fis-sentenzi għandhom jiġu trasposti wkoll.
Konsegwentement, waħda mill-isfidi prinċipali f’dan l-ambjent tax-xogħol hija l-ewwel fehim tat-terminoloġija użata fid-dokumenti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Qorti Ġenerali. Sfida oħra hija li jinstab l-aħjar mod sabiex jiġi espress kunċett legali meta ma jkun hemm l-ebda ekwivalenti dirett jew kelma xierqa fil-lingwa mira.
Dan huwa fejn tidħol it-terminoloġija legali multilingwi kkomparata.
Id-Diviżjoni għall-Proġetti u għall-Koordinazzjoni Terminoloġika tikkollabora mal-kollegi tagħha fil-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi terminoloġija legali affidabbli u rilevanti sabiex tiffaċilita l-aċċess u l-fehim tal-ġurisprudenza fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Ir-riżultati tat-tfittxija u tad-diskussjonijiet dwar is-similaritajiet u d-differenzi bejn l-ordinamenti ġuridiċi jinħażnu f’database kondiviża. Meta kunċett legali nazzjonali jiġi traspost b’suċċess, b’mod partikolari wara tqabbil legali ddettaljat, dan jiġi rreġistrat bl-informazzjoni rilevanti kollha b’mod ċar u strutturat. Iż-żamma ta’ reġistru ta’ dawn it-tfittxijiet tgħin sabiex jiġi żgurat li x-xogħol ma jintilifx u li t-terminoloġija tibqa’ konsistenti maż-żmien.
Għaliex it-terminoloġija legali multilingwi kkomparata hija importanti
Ir-reġistrazzjoni tar-riżultati tat-tfittxija legali ddettaljata mwettqa mill-ġuristi lingwisti, mit-terminologi u minn membri oħra tal-persunal tiżgura użu uniformi u konsistenti tal-kliem.
L-informazzjoni tinġabar u tinħażen f’database terminoloġika organizzata f’reġistri, fejn kull wieħed jirrappreżenta kunċett legali wieħed. Dan jgħin lill-avukati, lit-tradutturi, lill-interpreti u liċ-ċittadini
- jifhmu l-kunċett
- iqiegħdu l-kunċett f’kuntest ċar
- jiskopru jekk il-kunċett jeżistix f’ordinamenti ġuridiċi oħra u t-terminu jew it-termini użati sabiex jesprimuh
- jidentifikaw l-oriġini ta’ terminu
- jaċċedu għal diversi referenzi u eżempji tat-terminu użat
- jagħrfu kwalunkwe żvantaġġ jew problema potenzjali marbut mat-terminu
L-amministrazzjoni tat-terminoloġija legali multilingwi kkomparata u l-ipproċessar minn qabel jgħinu sabiex jittieħed vantaġġ mit-tfittxijiet imwettqa mill-membri tal-persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan jiżgura l-użu konsistenti tat-terminoloġija f’dokumenti differenti kemm fl-istess kawża kif ukoll maż-żmien, u jtejjeb il-kwalità ġenerali tad-dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan iħaffef ukoll il-proċess tat-traduzzjoni, u b’hekk jagħmlu iktar effiċjenti u kosteffettiv.
Aċċedi għat-terminoloġija legali kkomparata tal-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ IATE
It-terminoloġija legali multilingwi kkomparata tal-Qorti tal-Ġustizzja hija disponibbli għall-pubbliku permezz ta’ database interistituzzjonali msejħa Interactive Terminology for Europe, magħrufa bħala IATE.
Kull reġistru jsemmi l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni li jkunu ħolqu. L-utenti jistgħu għalhekk ifittxu r-reġistri kollha jew jillimitaw it-tfittxija għal termini speċifikament ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja billi jużaw l-opzjoni iftaħ tiftixa wiesgħa.
Sabiex tesplora t-terminoloġija legali multilingwi kkomparata tal-Qorti tal-Ġustizzja, tista’
Għal mistoqsijiet oħra, u sabiex tikkuntattja lid-Diviżjoni għall-Proġetti u għall-Koordinazzjoni Terminoloġika, tista’ tibgħat messaġġ bil-posta elettronika fl-indirizz terminologie@curia.europa.eu.
