Reġistru tal-Qorti Ġenerali

Ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali jiżgura amministrazzjoni effiċjenti u effikaċi tal-ġustizzja. Huwa jiżgura l-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri ġudizzjarji, miż-żamma tal-atti proċedurali sal-amministrazzjoni tal-fajls. Huwa għandu rwol essenzjali fl-organizzazzjoni tas-seduti, fl-aġġornament tad-databases proċedurali u fil-faċilitazzjoni tal-komunikazzjoni bejn il-Qorti Ġenerali u l-partijiet f’kawża.

X’inhu r-Reġistru tal-Qorti Ġenerali u x’inhuma l-kompiti tiegħu?

Ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali huwa l-uniku dipartiment li jirrappreżenta lill-Qorti Ġenerali. Dan huwa kompost minn madwar 75 persuna, prinċipalment assenjati lil tliet diviżjonijiet funzjonali, kull wieħed minnhom immexxi minn kap ta’ diviżjoni u kollha mmexxija mir-Reġistratur, sostnut minn Assistent Reġistratur. Taqsimiet differenti ta’ żewġ diviżjonijiet jipproċessaw il-fajls f’kull waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni. It-tielet diviżjoni hija ddedikata għas-sistemi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni, għall-arkivji u għall-istatistika.

Ir-Reġistru għandu 3 kompiti prinċipali:

  • Komunikazzjoni mal-partijiet u mar-rappreżentanti tagħhom kif ukoll mal-Imħallfin fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali
  • L-iżgurar ta’ tmexxija bla xkiel tal-proċeduri u ż-żamma tal-proċessi aġġornati
  • Provvista ta’ assistenza legali u teknika attiva lill-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali u lill-membri tal-persunal tagħhom.

Ir-Reġistru għandu rwol ċentrali fl-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u fl-amministrazzjoni tajba tal-kawżi. Huwa jservi bħala punt ta’ kuntatt bejn ir-rappreżentanti tal-partijiet, il-membri tal-ġudikatura nazzjonali, id-dipartimenti amministrattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Uffiċċji tal-Membri tal-Qorti Ġenerali. Matul il-proċedura ġudizzjarja, ir-Reġistru jipprovdi wkoll sostenn attiv lill-Membri u lit-timijiet tagħhom.

Ir-Reġistru għandu jżomm ir-reġistru uffiċjali tal-atti proċedurali u jamministra l-kawżi fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali. Huwa jittratta l-preżentata, it-trażmissjoni u ż-żamma tad-dokumenti skont l-Istatut u r-Regoli tal-Proċedura, filwaqt li jżomm il-korrispondenza mal-partijiet u mat-terzi kkonċernati mill-kawżi pendenti. Ir-Reġistru jieħu ħsieb il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali u ta’ materjal ieħor, filwaqt li jiżgura li l-kawżi kollha jiddaħħlu fl-arkivji korrettament.

B’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċji tal-Membri u ma’ dipartimenti amministrattivi oħra, ir-Reġistru jorganizza s-seduti tal-Qorti Ġenerali. Rappreżentant tar-Reġistru jkun preżenti f’kull seduta sabiex jittratta kull kwistjoni proċedurali u jabbozza l-minuti. Dawn ikunu preżenti wkoll fl-għoti tal-konklużjonijiet u tas-sentenzi. Ir-Reġistru għandu jittratta wkoll it-talbiet għal traduzzjoni tal-atti proċedurali fil-lingwa tad-deliberazzjonijiet u fil-lingwa tal-kawża, u għandu jagħmel in-notifiki kollha neċessarji matul il-proċedura kollha.

Fost ir-responsabbiltajiet tekniċi tiegħu, ir-Reġistru

  • iżomm is-sistema ta’ ħażna elettronika tal-atti proċedurali
  • jamministra u jaġġorna d-databases proċedurali
  • jieħu ħsieb l-applikazzjoni e‑Curia, li tippermetti l-iskambju elettroniku ta’ atti proċedurali bejn il-Qorti Ġenerali u l-partijiet b’sigurtà
  • jipproduċi l-istatistika ġudizzjarja.

Min huwa r-Reġistratur u x’inhuma l-kompiti tiegħu?

Ir-Reġistratur imexxi x-xogħol tar-Reġistru.

Barra minn hekk, ir-Reġistratur imexxi l-aspetti amministrattivi tal-Qorti Ġenerali b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-President tal-Qorti Ġenerali. Huwa jkun involut f’korp deċiżjonali tal-Istituzzjoni u  jiżgura l-komunikazzjoni mad-dipartimenti l-oħra tal-Istituzzjoni sabiex jiżgura li l-Qorti Ġenerali jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dak kollu li huwa neċessarju sabiex twettaq il-missjoni tagħha.

Fost ir-responsabbiltajiet tiegħu, ir-Reġistratur jipprovdi sostenn lill-Kumitat dwar ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Huwa jikkontribwixxi għall-abbozzar u għall-aġġornament tat-testi proċedurali, kif ukoll għall-koordinazzjoni tat-traduzzjoni u tal-pubblikazzjoni tagħhom. Huwa jipparteċipa wkoll fid-diskussjonijiet mal-grupp ta’ ħidma “Qorti tal-Ġustizzja” tal-Kunsill u, fejn xieraq, fil-laqgħat tal-Parlament Ewropew, b’mod partikolari meta jeżaminaw proposti għal emendi tal-Istatut jew tar-Regoli tal-Proċedura.

Kuntatt mar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali

Fil-kuntest ta’ kawżi pendenti, ir-Reġistru jista’ jiġi kkuntattjat permezz tal-possibbiltajiet imsemmija fil-paġna Preżentata ta’ dokumenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

It-talbiet dwar il-protezzjoni tad-data fil-kuntest ta’ kawżi magħluqa jistgħu jiġu indirizzati lill-Qorti Ġenerali bil-posta jew bil-posta elettronika:

Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea
Rue du Fort Niedergrünewald
L-2925 Luxembourg

GC.Registry@curia.europa.eu

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar jekk il-kawża tiegħek tkunx tista’ tinstema’ mill-Qorti Ġenerali, ara Nista’ nressaq il-kawża tiegħi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Għal kwalunkwe mistoqsija oħra, jekk jogħġbok uża l-formola ta’ kuntatt tagħna sabiex tikkuntattja lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Ara wkoll