Direttorat għar-Riċerka u għad-Dokumentazzjoni

Id-Direttorat għar-Riċerka u għad-Dokumentazzjoni jipprovdi għarfien espert fid-dritt komparattiv u analiżi ta’ kwalità għolja tal-ġurisprudenza sabiex issostni l-ħidma tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Huwa jipprovdi analiżi preliminari tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari u tal-appelli, ifassal noti ta’ riċerka u jipprovdi sunti tal-iktar sentenzi importanti. Huwa jżomm id-data li tinsab fid-databases tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiffaċilita t-tfittxija legali. Huwa wkoll jieħu ħsieb il-monitoraġġ tal-iżviluppi fid-dritt tal-Unjoni, nazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll jikkoordina n-Network Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea.

Id-Direttorat għar-Riċerka u għad-Dokumentazzjoni għandu ħafna responsabbiltajiet ewlenin.

Id-Direttorat għandu madwar 70 avukat, li jkopru s-sistemi legali tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni, kif ukoll 25 arkivist u assistent lingwistiku. Huwa organizzat f’erba’ timijiet differenti, tliet diviżjonijiet li kull wieħed minnhom huwa responsabbli għal oqsma differenti tad-dritt tal-Unjoni, u r-raba’ tim li jamministra u jiżviluppa d-databases tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Analiżi preliminari tal-kawżi

L-avukati tad-Direttorat janalizzaw it-talbiet kollha għal deċiżjoni preliminari li jaslu fil-Qorti tal-Ġustizzja. Avukat ikkwalifikat fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni jipprovdi sunt tal-kawża u tal-kwistjonijiet imqajma u jidentifika kwalunkwe kwistjoni potenzjali bħall-inammissibbiltà tal-kawża. Huwa jevalwa wkoll jekk il-kawża jkollhiex tiġi ttrattata fil-kuntest tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari jew tal-proċedura mħaffa.

Huwa janalizza wkoll ċerti appelli ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali, sabiex jgħinu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina l-kawżi li jkunu jistgħu jinqatgħu permezz ta’ digriet motivat u jekk ċerti tipi ta’ kawżi jkunux ammissibbli.

Tfittxija tad-dritt komparattiv

Id-Direttorat jista’ jintalab mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-Qorti Ġenerali jipprepara noti ta’ riċerka komparattivi dwar kwistjonijiet legali speċifiċi relatati mal-kawżi pendenti quddiemhom. Dan l-approċċ tad-dritt komparattiv huwa siewi għaż-żewġ Qrati u għandu l-għan li jiżgura li d-dritt tal-Unjoni jiġi interpretat u applikat b’mod konsistenti.

Uħud minn dawn in-noti ta’ riċerka huma disponibbli f’dan is-sit fit-taqsima “Noti ta’ riċerka”.

Analiżi tal-ġurisprudenza u produzzjoni ta’ riżorsi legali

Id-Direttorat janalizza l-ġurisprudenza kollha tal-Qrati u jipproduċi għadd ta’ riżorsi legali kemm għall-Istituzzjoni kif ukoll għall-pubbliku.

Għall-iktar deċiżjonijiet importanti, id-Direttorat jabbozza sunt. Dawn ikunu disponibbli fid-database tal-ġurisprudenza. Dawn jiġu ppubblikati wkoll fil-Ġabra tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-Bulettin tal-Ġurisprudenza ta’ kull Xahar u fis-Selezzjoni tal-Iktar Sentenzi Importanti.

Id-Direttorat jipproduċi wkoll dokumenti tematiċi dwar oqsma speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni. In-numru ta’ suġġetti koperti qed jiżdied b’mod kostanti u dokumenti tematiċi eżistenti jiġu aġġornati regolarment.

Id-Direttorat jiġbor flimkien ir-Repertorju tal-Ġurisprudenza, li jipprovdi ħarsa ġenerali sistematika tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sa mill‑1954 permezz ta’ katina ta’ kliem gwida u ta’ sunti li jenfasizzaw il-punti ta’ liġi ewlenin fid-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Id-Direttorat jagħmel ukoll parti kbira mix-xogħol li jikkonsisti fil-klassifikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tad-database tal-ġurisprudenza. Huwa jikklassifika kull kawża skont is-suġġett tagħha u skont diversi kriterji oħra, iżid riferimenti għal-leġiżlazzjoni ċċitata u jżid kliem gwida għal kull kawża. Huwa tiżgura li kull kawża jkollha l-informazzjoni korretta attribwita lilha sabiex tkun tista’ ssir tfittxija iktar faċli.

Monitoraġġ tal-ġurisprudenza nazzjonali u rabtiet mal-qrati nazzjonali

Id-Direttorat isegwi l-iżviluppi tal-ġurisprudenza nazzjonali fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni. Huwa jipproduċi regolarment dokumenti li jiġbru fil-qosor is-sentenzi nazzjonali rilevanti, inklużi dawk mogħtija wara deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn id-dokumenti jiġu ppubblikati fit-taqsima “Monitoraġġ Legali” ta’ dan is-sit.

Id-Direttorat jikkoordina wkoll is-sit u d-database tan-Network Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea. Dan is-sit jinkludi, fost oħrajn, ġurisprudenza nazzjonali b’dimensjoni Ewropea. Dawn id-dokumenti jiġu ppubblikati fit-taqsima Ġurisprudenza nazzjonali ta’ dan is-sit.