Protezzjoni tad-data matul iż-żjara tiegħek fil-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiġbor u tipproċessa data personali sabiex torganizza żjarat imfassla apposta, tiżgura s-sigurtà tal-bini permezz ta’ sorveljanza bil-video u kontroll tal-aċċess, u ssolvi l-problemi ta’ sigurtà permezz ta’ sistema interna ta’ rapport ta’ inċident. Dawn l-attivitajiet kollha huma konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.
Organizzazzjoni taż-żjarat
Il-Qorti tal-Ġustizzja tiġbor data personali waqt l-organizzazzjoni taż-żjarat. Dan jgħin sabiex jiġu żgurati kuntatti u korrispondenza effiċjenti mal-viżitaturi, u li ż-żjarat jiġu adattati għal-lingwa, l-għarfien u l-interessi tal-viżitaturi.
Id-data miġbura tiġi amministrata mid-Direttorat għall-Protokoll u għaż-Żjarat u tiġi kondiviża biss ma’
- l-organizzaturi taż-żjara
- il-membri tal-persunal li jiltaqgħu mal-viżitaturi
- id-Direttorat għall-Interpretazzjoni, jekk tkun meħtieġa l-interpretazzjoni
- il-korpi kompetenti sabiex iwettqu l-kontrolli skont il-leġiżlazzjoni, fejn xieraq
Id-data tiġi pproċessata sakemm ikun meħtieġ għall-organizzazzjoni u matul iż-żjara u għandha titħassar mhux iktar tard minn sitt snin wara ż-żjara.
Skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, għandek id-dritt li taċċessa d-data li tikkonċernak u, jekk ikun meħtieġ, li tara li din id-data tiġi kkoreġuta.
Għal iktar informazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data matul iż-żjarat jew sabiex taċċessa d-data miżmuma tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattja lid-Direttorat għall-Protokoll u għaż-Żjarat.
Tista’ wkoll tikkuntattja lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) fi kwalunkwe ħin.
Streaming ta’ seduti
Il-Qorti tal-Ġustizzja tipproponi sistema ta’ streaming online għas-seduti pubbliċi, għall-għoti ta’ sentenzi u ta’ konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, kif ukoll għal ċerti seduti u avvenimenti formali.
Isiru l-isforzi kollha sabiex jiġi żgurat li l-pubbliku li jkun qed jipparteċipa fis-seduta ma jidhirx fil-video. Bħala regola ġenerali, ikunu viżibbli biss l-Imħallfin u dawk li jagħmlu sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Il-pubbliku jidher biss waqt ġbid ta’ filmat b’angolu wiesa’ meħuda minn fuq wara tal-Awla.
F’kull Awla hemm postijiet speċifiċi li ma jistgħux jidhru fuq il-kamera għal dawk li jkunu jixtiequ jiżguraw li ma jiġux jidhru.
Sorveljanza bil-video u reġistrazzjoni bil-video
Il-Qorti tal-Ġustizzja topera sistema ta’ sorveljanza bil-video, li tkopri kemm l-intern kif ukoll l-estern tal-bini tagħha. Dan għandu l-għan li jipproteġi lill-persuni kollha li jidħlu fil-bini tagħha, kif ukoll l-elementi u l-informazzjoni miżmuma fil-bini. Ir-reġistrazzjonijiet bil-video jinżammu għal żmien limitat u huwa biss għadd żgħir ta’ persunal awtorizzat li jkollu aċċess għalih.
L-użu tal-kameras u r-reġistrazzjoni tal-immaġni huma konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali u tal-ħajja privata. Hemm sinjali ċari, inklużi avviżi speċifiċi, qrib żoni li jiġi ssorveljati sabiex l-persuni jkunu avżati dwar il-preżenza tas-sistema ta’ sorveljanza bil-video.
Għal iktar dettalji dwar ir-reġistrazzjoni bil-video, ara l-politika tagħna dwar il-videosorveljanza, kif ukoll l-avviż ta’ informazzjoni tagħna dwar il-videosorveljanza.
Kontroll ta’ aċċess
Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet sistema ta’ kontroll ta’ aċċess fid-daħliet u fi ħdan il-bini tagħha. Dan għandu l-għan li jimminimizza r-riskju ta’ intrużjoni jew ta’ atti malizzjużi, filwaqt li jiżgura s-sigurtà tal-persuni, tal-informazzjoni u tal-proprjetà.
Din is-sistema taħdem skont ir-regoli interni ta’ sigurtà tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Għal iktar informazzjoni dwar is-sistema ta’ kontroll ta’ aċċess, ara n-nota ta’ informazzjoni tagħna dwar il-kontroll ta’ aċċess.
Rapporti ta’ inċidenti
Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet proċeduri sabiex tindirizza kwalunkwe anomalija, ħsara, assistenza lil persuna jew kwistjonijiet relatati mas-sigurtà u mas-sigurtà tal-persuni, tal-proprjetà jew tal-bini permezz ta’ sistema interna ta’ rappurtaġġ ta’ inċident.
Għal iktar informazzjoni dwar ir-rappurtaġġ ta’ inċidenti, ara n-nota ta’ informazzjoni tagħna dwar ir-rapport ta’ inċident.
