It-Torri Comenius

It-Torri Comenius fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ngħata l-isem għal Jan Amos Komenský, filosofu u għalliem li kien l-ewwel difensur tal-edukazzjoni universali u għall-firxa tal-multilingwiżmu bħala l-muftieħ tal-għarfien. Fil-kuntest tar-raba’ estensjoni tal-Palazz mill-Qorti tal-Ġustizzja, it-torri jippreżenta faċċata kulur id-deheb, li tagħtih identità arkitettonika unika. Fiha ħafna mid-dipartimenti amministrattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Min kien Comenius?

Filosofu u għalliem, Jan Amos Komenský, magħruf bħala “Comenius” (1592‑1670), kien l-ewwel difensur tal-edukazzjoni universali. Konvint li l-mobbiltà soċjali għall-aħjar kellha tkun ir-riżultat tal-edukazzjoni, u mhux tat-twelid, huwa ġġieled għall-ugwaljanza tal-opportunitajiet u għall-edukazzjoni għal kulħadd, mingħajr kunsiderazzjoni tal-ġid, tar-reliġjon jew tal-ġeneru. Imfakkar bħala missier l-edukazzjoni moderna, Comenius bidel mill-qiegħ ukoll il-metodi ta’ tagħlim tal-lingwi u, b’mod partikolari, tal-Latin, il-lingwa tal-għarfien, sabiex jiffavorixxi t-tagħlim tiegħu lill-ikbar numru possibbli ta’ nies. Tradotti f’madwar 15‑il lingwa, il-manwali tiegħu kienu, għal iktar minn seklu, il-manwali skolastiċi l-iktar użati fl-Ewropa, u kkontribwixxew għall-firxa tal-multilingwiżmu bħala l-muftieħ tal-għarfien.

It-Torri Comenius u r-rwol tiegħu fil-Qorti tal-Ġustizzja

Filwaqt li tonora isem Comenius, li dar mal-Ewropa sabiex jippromwovi tagħlim tal-lingwi iktar aċċessibbli u iktar inklużiv, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tenfasizza l-importanza tal-multilingwiżmu. Il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti wkoll ġieħ lil dawk li jipproteġu d-diversità lingwistika tal-Ewropa.

It-Torri Comenius huwa parti mir-raba’ estensjoni tal-Palazz.

Il-kulur lewn id-deheb huwa dovut għax-xibka ta’ aluminju anodizzat, li sservi bħala protezzjoni kontra x-xemx. Din l-istess xibka tintuża wkoll fil-binjiet l-oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tgħaqqad il-kumpless arkitettoniku kollu. Din in-nisġa kumplessa tal-metall tagħti lit-torri l-identità unika tiegħu permezz tal-profil minsuġ tal-istruttura tiegħu, il-luminożità tan-nisġa tiegħu u l-profondità tas-saffi tiegħu.

It-Torri Comenius fih 26 sular u huwa għoli 103 metri. Meta ġie inawgurat f’Diċembru 2008, flimkien mat-tewmi tiegħu, it-Torri Montesquieu, it-Torri Comenius kien l-ogħla binja fil-pajjiż. Minn dak iż-żmien ’l hawn it-Torri Rocca sar l-ogħla.

Illum, it-Torri Comenius fih ħafna dipartimenti amministrattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħad-Direttorati għar-Riċerka u għad-Dokumentazzjoni, għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni, għar-Riżorsi Umani, għall-Bini u għas-Sigurtà, u għall-Baġit u għall-Affarijiet Finanzjarji.

Ara wkoll