It-Torri Montesquieu

It-Torri Montesquieu fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ngħata l-isem għal Charles-Louis de Secondat de la Brède, il-baruni ta’ Montesquieu, li x-xogħol tiegħu witta l-pedamenti għall-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri u ta’ indipendenza tal-ġudikatura. Dan it-torri, li fih diversi dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, fosthom ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu kulur lewn id-deheb partikolari li huwa dovut għall-faċċata tiegħu li għandha xibka ta’ aluminju anodizzat bid-deheb.

Min kien Montesquieu?

Charles-Louis de Secondat de la Brède, il-baruni ta’ Montesquieu (1689‑1755), kien avukat, imħallef u kittieb. Huwa magħruf għax-xogħol tiegħu De l’esprit des lois (“L-Ispirtu tal-Liġi”), ippubblikat fl‑1748 wara diversi snin ta’ vvjaġġar madwar l-Ewropa, li matulhom studja s-sistemi politiċi, l-ekonomija, il-klima, l-istorja u d-drawwiet tal-pajjiżi li żar. Għal din ir-raġuni Montesquieu huwa meqjus bħala wieħed mill-ewwel prattikanti tad-dritt komparattiv, iżda wkoll bħala prekursur tas-soċjoloġija moderna. Huwa ppromwova wkoll tqassim ġdid tal-poteri tal-Istat li fihom il-poteri tal-Istat ikunu kemm distinti kif ukoll interdipendenti, bil-għan li jiġi ggarantit il-bilanċ bejniethom. Huwa b’hekk witta l-pedamenti għall-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri, li llum il-ġurnata għadu meqjus bħala l-bażi ta’ kull demokrazija.

It-Torri Montesquieu u r-rwol tiegħu fil-Qorti tal-Ġustizzja

Bl-għażla tal-isem Montesquieu għat-torri, li l-ħsieb tiegħu kkontribwixxa għall-ħolqien tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tfakkar il-valuri, komuni għall-Istati Membri, li jiddefinixxu l-identità stess tal-Unjoni bħala ordinament ġuridiku awtonomu.

It-Torri Montesquieu huwa parti mir-raba’ estensjoni tal-Palazz.

Il-kulur lewn id-deheb huwa dovut għax-xibka ta’ aluminju anodizzat, li sservi bħala protezzjoni kontra x-xemx. Din l-istess xibka tintuża wkoll fil-binjiet l-oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tgħaqqad il-kumpless arkitettoniku kollu. Din in-nisġa kumplessa tal-metall tagħti lit-torri l-identità unika tiegħu permezz tal-profil minsuġ tal-istruttura tiegħu, il-luminożità tan-nisġa tiegħu, u l-profondità tas-saffi tiegħu.

It-Torri Montesquieu fih 26 sular u huwa għoli 103 metri. Meta ġie inawgurat f’Diċembru 2008, flimkien mat-tewmi tiegħu, it-Torri Comenius, it-Torri Montesquieu kien l-ogħla binja fil-pajjiż. Minn dak iż-żmien ’l hawn it-Torri Rocca huwa ogħla.

Illum, it-Torri Montesquieu fih diversi dipartimenti amministrattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja, fosthom ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja u d-Direttorat għall-Bibljoteka.

Ara wkoll