Il-Binja Erasmus
Il-binja Erasmus fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ngħatat l-isem għall-umanist tar-Rinaxximent Desiderius Erasmus, sabiex tonora l-wirt tiegħu ta’ edukazzjoni, skambju kulturali u ħsieb indipendenti. Inizjalment mitmuma fl‑1988, u sussegwentement irrinnovata, tilqa’ l-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali, l-uffiċċji tagħhom, kif ukoll tliet awli użati għas-seduti pubbliċi.
Min kien Erasmus?
Desiderius Erasmus Roterodamus (1466‑1536) kien teologu u filosofu u huwa meqjus bħala wieħed mill-umanisti l-kbar tar-Rinaxximent. Il-volum ta’ xogħol tiegħu, profond u eklettiku, jindirizza diversi suġġetti, bħalma huma l-pedagoġija, il-filosofija morali, reliġjuża u politika, ir-retorika, kif ukoll it-traduzzjoni. Erasmus qatta’ ħajtu jivvjaġġa madwar l-Ewropa sabiex jitgħallem dwar il-patrimonju intellettwali Grieg u Ruman, iżda wkoll sabiex jgħallem. Huwa kiteb, “Wieħed ma jitwilidx Bniedem, iżda jsir bl-edukazzjoni u bil-kultura”. Fl‑1508, Erasmus ippubblika xogħol satiriku, The Praise of Folly, li huwa xhieda tal-indipendenza kbira tal-ħsieb tiegħu. Konvint mill-filantropija, huwa ddefenda sal-aħħar jiem ta’ ħajtu l-valuri tat-tolleranza u tal-paċi.
Il-binja Erasmus u r-rwol tagħha fil-Qorti tal-Ġustizzja
Bl-għażla ta’ isem Erasmus għall-binja, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tfakkar il-memorja ta’ bniedem li xi drabi ġie ppreżentat bħala l-“ewwel Ewropew”. Il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ġieħ lill-wirt ta’ Erasmus bħala figura li tgħaqqad li, permezz tad-diversi vjaġġi tiegħu u tal-użu tat-traduzzjoni, ikkontribwixxa sabiex jgħaqqad il-kulturi madwar ideali umanisti.
Il-binja Erasmus kienet l-ewwel estensjoni tal-Palazz. Bħall-binjiet Thomas More u Themis, il-binja Erasmus ġiet iddisinjata mill-periti Lussemburgiżi Paul Fritsch, Jean Herr u Gilbert Huyberechts, kif ukoll mill-perit Taljan Bohdan Paczowski. Il-binja Erasmus tlestiet fl‑1988, u dan sar bi tħejjija għall-istabbiliment tal-Qorti Ġenerali fl‑1989.
Inizjalment, il-binja Erasmus kienet separata mill-Palazz u l-unika konnessjoni kienet mina ta’ 50 metru mħaffra fil-blat. Madankollu, wara li ġiet irrinnovata kompletament bejn l‑2009 u l‑2013, din il-binja issa hija konnessa mal-Palazz permezz tal-Gallerija u tat-taraġ il-kbir tagħha.
Miksija bi granit roża li jikkomplementa perfettament il-kulur bronż tal-Palazz, il-binja Erasmus hija kkaratterizzata minn spazji kbar imżewqa bi btieħi interni u konnessi ma’ xulxin b’pontijiet u b’passaġġi tal-azzar u tal-ħġieġ.
Illum il-ġurnata, il-binja Erasmus tilqa’ fiha l-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali u l-uffiċċji tagħhom. Fiha wkoll tliet awli, li jintużaw għas-seduti pubbliċi tal-Qorti Ġenerali:
- l-Awla Dalsgaard li ngħatat l-isem ta’ artist Daniż
- l-Awla Pessoa, li ngħatat l-isem ta’ poeta Portugiż
- l-Awla l-Ħamra, mibnija fl‑2022
