Il-Binja Thomas More
Il-binja Thomas More fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ngħatat l-isem għal Sir Thomas More, avukat, imħallef u filosofu, li kien favur il-ġustizzja u baqa’ sod fit-twemmin tiegħu. Inawgurata fl‑1993, tilqa’ l-Imħallfin u r-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll żewġ awli u sala fejn jinżammu d-deliberazzjonijiet.
Min kien Thomas More?
Thomas More (1478‑1535) kien avukat, professur tad-dritt u mbagħad imħallef, qabel beda karriera politika notevoli fl-Ingilterra taħt ir-renju tar-Re Enriku VIII. Din il-karriera wasslitu sal-ogħla kariga fir-Renju, dik ta’ Lord Chancellor. Sir Thomas More ma qabilx max-xewqa tar-Re li jikseb l-annullament taż-żwieġ tiegħu, u max-xiżma ma’ Ruma li rriżultat minn dan, u qatt ma rrinunzja għat-twemmin tiegħu u spiċċa biex ġie kkundannat għal tradiment u mbagħad iddekapitat. Ħabib mill-qrib ta’ Erasmus, huwa baqa’ mfakkar bħala filosofu u kittieb ta’ studji politiċi, għalkemm kien ukoll studjuż tal-istorja, traduttur u poeta. Awtur ta’ volum kbir ta’ kitbiet, studjuż u filantropu, huwa ddenunzja t-tirannija u l-inġustizzji fil-konfront tal-inqas ixxurtjati u huwa parti integrali mit-tiġdid li jikkaratterizza l-umaniżmu tar-Rinaxximent, li tiegħu kien wieħed mill-iktar rappreżentanti famużi.
Il-binja Thomas More u r-rwol tagħha fil-Qorti tal-Ġustizzja
Bl-għażla tal-isem “Thomas More”, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b’hekk tonora l-memorja ta’ umanista Ewropew kbir, filwaqt li tfakkar l-integrità u s-saħħa tal-konvinzjonijiet tiegħu kontra kull ksur tal-libertajiet.
Il-binja Thomas More, it-tieni estensjoni tal-Palazz, ġiet inawgurata fl‑1993. Din il-binja hija mqassma madwar erba’ btieħi u tinsab lejn il-Punent tal-binja Erasmus. Il-faċċata tal-entrata hija ddisinjata bħala kurva kbira tal-ħġieġ bi struttura orizzontali li tgħaqqad il-binja Erasmus mal-binja Themis. Mibnija bi struttura mħallta ta’ konkrit u azzar, din il-binja għandha forma modulari. Il-faċċati tal-binja huma tal-granit, bi struttura ta’ aluminju u ħġieġ.
Illum il-ġurnata, din il-binja tilqa’ fiha l-Imħallfin u r-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. Fiha wkoll żewġ awli, l-Awla l-Blu u l-Awla l-Ħadra, kif ukoll sala fejn jinżammu d-deliberazzjonijiet.
