L-istorja tal-bini

Din il-paġna tesplora l-iżvilupp tal-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija tispeċifika l-istadji importanti prinċipali, sa mill-istabbiliment provviżorju tagħha fil-Lussemburgu fl‑1952, iċ-ċaqliq tagħha lejn iż-żona ta’ Kirchberg fl‑1972 u l-proġetti l-kbar tagħha ta’ espansjoni u ta’ rinnovazzjoni, li wasslu għall-inawgurazzjoni tat-Torri Rocca fl‑2019.

history mt

L-ewwel snin tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Lussemburgu

Fl‑1952, filwaqt li l-ibliet ta’ Liège u ta’ Brussell ittieħdu inkunsiderazzjoni bħala sit possibbli għall-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA), il-Lussemburgu ntgħażel bħala s-sede provviżorja. Is-siti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ġew deċiżi uffiċjalment fil-Kunsill ta’ Edinburgh fl‑1992, data li fiha l-Lussemburgu sar is-sede permanenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Dik l-istess sena, il-Gvern Lussemburgiż ipprovda lill-Qorti tal-Ġustizzja b’Villa Vauban, binja li tinsab f’nofs il-park muniċipali tal-Lussemburgu kif ukoll żewġ binjiet oħra, sabiex jilqa’ s‑57 membru tal-persunal tiegħu.

Vila Vauban

Fl‑1959, il-Gvern Lussemburgiż offra lill-Qorti tal-Ġustizzja bini ikbar fuq il-Côte d’Eich, proprjetà tal-parroċċa episkopali tal-Lussemburgu. Dan l-ispazju ġdid kien kbir biżżejjed sabiex jilqa’ d-dipartimenti kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt saqaf wieħed.

Côte d'Eich

Ċaqliq lejn iż-żona ta’ Kirchberg

Peress li l-Komunitajiet Ewropej żdiedu, b’mod partikolari fid-dawl tal-ewwel tkabbir previst fl‑1973, in-numru ta’ membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni żdied. Dan wassal lil-Lussemburgu jiżviluppa ż-żona ta’ Kirchberg, sabiex jilqa’ l-istituzzjonijiet kollha f’post wieħed. Il-bini permanenti tal-Qorti tal-Ġustizzja nbena wkoll hemmhekk.

Għaldaqstant, fl‑1972, il‑223 membru tal-persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċaqlaq lejn il-Palazz, li nbena speċjalment għalih fiż-żona ta’ Kirchberg mill-Istat Lussemburgiż. Iddisinjat mill-periti Belġjani Jamagne u Vander Elst, flimkien mal-perit Lussemburgiż Conzemius, il-Palazz ġie uffiċjalment inawgurat fid‑9 ta’ Jannar 1973. Fl-aħħar nett, il-Palazz ipprovda post tax-xogħol imfassal għall-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u għall-membri tal-persunal.

Palais de Justice en 1973

Annessi ġodda għall-Palazz

Fl-aħħar tas-snin 70, iż-żieda fil-membri tal-persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja wasslet għal iffullar żejjed, li obbligaha tikri uffiċċji f’bini ieħor tal-Unjoni. Il-ħtiġijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja żdiedu iktar bl-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda: il-Greċja (1981), Spanja u l-Portugall (1986), l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja (1995), kif ukoll il-ħolqien tal-Qorti tal-Prim’Istanza (1989). In-numru tal-membri tal-persunal żdied minn 626 fl‑1988 għal 837 fl‑1994.

Sabiex tindirizza dan, inbnew tliet annessi mal-Palazz bejn l‑1985 u l‑1994. Iddisinjati mill-periti Lussemburgiżi Fritsch, Herr u Huyberechts, flimkien mal-perit Taljan Paczowski, dawn kienu

Il-preżenza tal-asbestos fil-Palazz wasslet għall-evakwazzjoni tiegħu fl‑1999, li obbliga lill-Qorti tal-Ġustizzja ċċaqlaq mill-ġdid il-membri tal-persunal tagħha. Struttura prefabbrikata temporanja, imsejħa “Binja T”, ġiet stabbilita sabiex tilqa’ d-dipartimenti lingwistiċi mill‑1999 sal‑2019.

T Building

Espansjoni u rinnovazzjoni maġġuri

Apparti x-xogħlijiet ta’ tneħħija tal-asbestos tal-Palazz, u kkonfrontata bil-ħtiġijiet li jirriżultaw mit-tkabbir vast previst għall‑2004, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-awtoritajiet Lussemburgiżi nedew proġett ambizzjuż ta’ kostruzzjoni.

Dan il-proġett il-ġdid ikkoinċida ma’ bidla fil-politika tal-Unjoni dwar il-bini tagħha: minflok ma jiddependu fuq il-pajjiżi ospitanti sabiex jipprovdu bini, kif kienu għamlu sa dak il-mument l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, issa l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu mistennija jakkwistaw il-bini tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk adottat sistema ta’ kiri-xiri sabiex tieħu l-kontroll tal-bini tagħha.

Fuq talba tal-awtoritajiet Lussemburgiżi, l-arkitett Franċiż Dominique Perrault iddisinja kumpless modern, bil-Palazz irrinnovat bħala ċ-ċentru u bħala spazju miftuħ għall-pubbliku fejn jinsabu l-awli. Karatteristiċi ewlenin oħra jinkludu

  • “anell” rettangolari (l-Anell) għall-uffiċċji tal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja
  • żewġ torrijiet ġodda sabiex jilqgħu d-diversi dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja
  • Gallerija li tgħaqqad il-bini kollu

Il-kostruzzjoni bdiet fl-aħħar tas-sena 2003. Fl‑1 ta’ Mejju 2004, 10 Stati Membri ġodda ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea u, bid-dħul ta’ membri tal-persunal ġodda, inkriet binja temporanja oħra barra mill-kumpless. Estensjoni tal-Binja T, imsejħa “T2”, laqgħet lill-ġuristi lingwisti tal-Istati Membri l-ġodda.

Fl‑4 ta’ Diċembru 2008, il-Palazz irrinnovat, l-Anell, il-Gallerija u ż-żewġ torrijiet, Comenius u Montesquieu, tlestew u ġew inawgurati. Il-wiċċ tal-kumpless tal-Qorti tal-Ġustizzja żdied iktar bid-doppju minn 85 000 m2 għal 200 000 m2. In-numru ta’ awli żdied minn 5 għal 11, u n-numru ta’ uffiċċji żdied minn 1 000 għal 2 200.

Din l-estensjoni ppermettiet ir-rinnovazzjoni tal-bini Erasmus, Thomas More u Themis, sabiex jerġgħu jibdew jintużaw fl‑2013.

It-Torri Rocca: era ġdida għall-Qorti tal-Ġustizzja

It-tkabbir tal-Unjoni li wassal għall-inklużjoni tar-Rumanija u tal-Bulgarija (2007) u tal-Kroazja (2013) wassal għal żieda fil-volum ta’ xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll għal żieda fl-Imħallfin u fil-membri tal-persunal tagħha. Dawn kienu jinkludu tliet Avukati Ġenerali ġodda (2015) u rdoppjar progressiv fin-numru tal-Membri tal-Qorti Ġenerali mill‑2016.

Sabiex jittieħed kont ta’ dan it-tkabbir, inbeda x-xogħol ta’ kostruzzjoni tat-tielet torri fir-rebbiegħa tal‑2016.

B’29 sular u b’għoli ta’ 118‑il metru, it-Torri Rocca huwa l-ogħla binja fil-Lussemburgu.

L-inawgurazzjoni tiegħu f’Settembru 2019 kien stadju importanti fl-istorja tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li reġa’ ġab id-dipartimenti kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt saqaf wieħed.

Court of Justice of the European Union

Ara wkoll