Stages
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea toffri programmi ta’ stages imħallsa għal gradwati żgħażagħ. Kull sena jkunu disponibbli madwar 200 pożizzjoni kemm fid-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (għal ħames xhur) kif ukoll fl-Uffiċċji tal-Membri (minn tlieta sa ħames xhur). Stages minn 10 sa 12‑il ġimgħa jkunu disponibbli fid-Direttorat għall-Interpretazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha wkoll programm speċifiku ta’ stages għal membri tal‑ġudikatura nazzjonali.
Introduzzjoni
Il-programm ta’ stages tal-Qorti tal-Ġustizzja jagħtik kompetenzi siewja, esperjenza prattika u l-opportunità li tikkontribwixxi għall-attivitajiet tal-istituzzjoni ġudizzjarja ewlenija tal-Unjoni. Bħala staġist, tingħaqad ma’ ambjent dinamiku u multilingwi, flimkien ma’ sħab tal-istess fehma li jiddefendu l-valuri fundamentali tal-Unjoni tad-demokrazija, tal-Istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem.
Stages għal gradwati żgħażagħ
Gradwati żgħażagħ isiru jafu bil-funzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u jwettqu kompiti li permezz tagħhom jassistu fix-xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Ikun hemm numru limitat ta’ stages disponibbli, madwar 200 fis-sena.
Dawn jistgħu jkunu jew fl-Uffiċċji tal-Membri, flimkien mal-Imħallfin jew mal-Avukati Ġenerali, jew inkella fid-dipartimenti amministrattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Tipi ta’ stages
Stages fl-Uffiċċji tal-Membri
Gradwati fid-dritt, b’mod partikolari dawk b’taħriġ fid-dritt tal-Unjoni, jistgħu japplikaw għal stages fl-Uffiċċji tal-Imħallfin u tal-Avukati Ġenerali, kemm fil-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll fil-Qorti Ġenerali.
Fil-kuntest tal-kompiti tagħhom, l-istaġisti jipparteċipaw fix-xogħol tal-Uffiċċju tal-Membru billi jwettqu diversi kompiti relatati mal-kawżi assenjati lill-Imħallef jew lill-Avukat Ġenerali u li jkunu għadhom ma laħqux l-istadju tad-deliberazzjoni tal-proċedura.
Stages fl-Uffiċċju ta’ Membru ġeneralment idumu bejn tliet xhur u ħames xhur. Hemm żewġ sessjonijiet kull sena.
- mill‑1 ta’ Ġunju sal‑31 ta’ Lulju
- mis‑16 ta’ Settembru sal‑15 ta’ Frar
Stages fid-dipartimenti
Stages fid-dipartimenti amministrattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja huma miftuħa għal gradwati minn oqsma differenti, fosthom fid-dritt, fix-xjenzi politiċi u fix-xjenzi ekonomiċi.
Bħala parti mill-kompiti tagħhom, l-istaġisti isiru jafu dwar il-kompiti speċifiċi mwettqa f’kull dipartiment u jistgħu jiksbu esperjenza prattika taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjali ta’ esperjenza.
Id-dipartimenti li jaċċettaw staġisti huma
- id-Direttorat għar-Riżorsi Umani u għall-Amministrazzjoni tal-Persunal
- id-Direttorat għall-Baġit u għall-Affarijiet Finanzjarji
- id-Direttorat għall-Multilingwiżmu (traduzzjoni legali u interpretazzjoni)
- id-Direttorat għall-Bibljoteka
- id-Direttorat għar-Riċerka u għad-Dokumentazzjoni
- id-Diviżjoni għall-Proġetti u għall-Koordinazzjoni Terminoloġika
- id-Direttorat għall-Protokoll u għaż-Żjarat
- id-Direttorat għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni
- id-Direttorat għall-Komunikazzjoni
- il-Konsulent Legali għall-Affarijiet Amministrattivi
- ir-Reġistru għall-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea
Stages fid-dipartimenti ġeneralment idumu ħames xhur. Ikun hemm żewġ sessjonijiet kull sena.
- mill‑1 ta’ Ġunju sal‑31 ta’ Lulju
- mill‑1 ta’ Ottubru sal-aħħar ta’ Frar
Stages fl-interpretazzjoni
Gradwati żgħażagħ fl-interpretazzjoni tal-konferenzi jistgħu japplikaw għal stages fid-Dipartiment għall-Interpretazzjoni.
Fil-kuntest tal-kompiti tagħhom, l-interpreti staġisti jirfinaw il-kompetenzi tagħhom ta’ interpretazzjoni, b’mod partikolari tal-kontenut legali, taħt is-superviżjoni ta’ interpreti ta’ esperjenza. Dan jinkludi t-tħejjija ta’ fajls, riċerka terminoloġika u eżerċizzji prattiċi f’“kabina muta”.
Sabiex tapplika, irid ikollok mill-inqas żewġ lingwi passivi jew it-tieni lingwa attiva. Jeħtieġ ukoll li tkun tista’ taqra l-Franċiż.
L-istaġisti fl-interpretazzjoni jdumu bejn 10 u 12‑il ġimgħa u l-għażla tal-kandidati ssir darba fis-sena, li tkopri s-sena ġudizzjarja kollha.
Informazzjoni prinċipali
Nista’ napplika?
Sabiex tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, trid
- tkun ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni (jistgħu japplikaw eċċezzjonijiet f’każijiet debitament ġustifikati)
- ikollok diploma universitarja fid-dritt, fix-xjenza politika jew fix-xjenza ekonomika jew f’qasam relatat (jistgħu japplikaw eċċezzjonijiet)
- ikollok għarfien profond ta’ lingwa uffiċjali waħda tal-Unjoni u għarfien tajjeb ta’ lingwa oħra tal-Unjoni. Huwa mixtieq għarfien tajjeb tal-Franċiż.
- tkun għadek ma ħadtx sehem fi stage, kemm jekk bi ħlas jew mingħajr, f’istituzzjoni jew korp tal-Unjoni
Nibbenefika minn għotja?
L-istaġisti jirċievu għotja ta’ EUR 1 618 fix-xahar nett. Din l-għotja ma hijiex suġġetta għas-sistema tat-taxxa applikabbli għall-uffiċjali u għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni.
L-istaġisti li l-post ta’ residenza tagħhom jinsab bogħod ta’ 200 km jew iktar mill-Qorti tal-Ġustizzja jirċievu allowance tal-ivvjaġġar ta’ darba ta’ EUR 150.
Din ir-remunerazzjoni ma tapplikax għall-istages imwettqa fl-Uffiċċji tal-Membri barra miż-żewġ perijodi fissi fil-kuntest ta’ kors ta’ taħriġ professjonali li għalih l-istaġisti jirċievu wkoll għotja, allowance jew remunerazzjoni minn sors ieħor.
Kif napplika?
Tista’ tissottometti l-kandidatura tiegħek permezz tal-EU CV Online.
- Għall-istages imwettqa matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Marzu u l‑31 ta’ Lulju, applika bejn l‑1 ta’ Lulju u l‑15 ta’ Settembru tas-sena ta’ qabel.
- Għall-istages imwettqa matul il-perijodu bejn is‑16 ta’ Settembru u l‑15 ta’ Frar (stages fl-Uffiċċji tal-Imħallfin) jew bejn l‑1 ta’ Ottubru u l-aħħar ta’ Frar (stages fid-dipartimenti), applika bejn l‑1 ta’ Frar u l‑15 ta’ April tal-istess sena.
- Għall-istages imwettqa matul is-sena ġudizzjarja kollha, applika bejn l‑1 ta’ Lulju u l‑15 ta’ Settembru ta’ kull sena.
Tista’ tintalab tippreżenta kopji ta’ diplomi u/jew ċertifikati fuq talba fil-proċedura ta’ preselezzjoni.
Id-Dipartiment għar-Riżorsi Umani tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkuntattja lill-kandidati magħżula.
Jekk jogħġbok innota li l-ammissjoni għal stage ma jagħtix lill-istaġisti l-istatus ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal tal-Unjoni. Lanqas dan ma jagħti lill-istaġisti xi dritt għal reklutaġġ.
Programm ta’ inklużività għall-persuni b’diżabbiltà
Il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni l-ugwaljanza tal-opportunitajiet u l-ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati. Hija tħeġġeġ attivament lil applikanti minn firxa wiesgħa ta’ oqsma biex japplikaw għal stage jekk jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà.
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha programm speċifiku sabiex tiżgura li l-persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess għal stage. Dan il-programm joffri 2 stages għal kull perijodu ta’ stage.
Dawn l-istages għandhom ikunu bejn tlieta u ħames xhur u jinżammu jew fl-Uffiċċji tal-Membri jew fid-dipartimenti amministrattivi.
Kif tapplika
Il-kandidati jiġu mistiedna japplikaw għal qasam speċifiku minn dawn li ġejjin:
- affarijiet legali
- amministrazzjoni
- komunikazzjoni
- teknoloġiji tal-informazzjoni
- traduzzjoni ġuridika
- riċerka legali
Il-kandidatura ssir permezz ta’ EU CV Online.
Meta japplikaw il-kandidati jintalbu jissottomettu dokumentazzjoni li tispeċifika l-livell tad-diżabbiltà tagħhom. Dan sabiex jiġi żgurat li s-servizz mediku tagħna jkun jista’ jevalwa l-arranġamenti meħtieġa sabiex jintlaqgħu.
Għotja
L-istaġisti li jipparteċipaw f’dan il-programm jirċievu 150 % mill-għotja (u l-allowance tal-ivvjaġġar ta’ darba) normalment mogħtija lill-istaġisti.
Stages għal membri tal‑ġudikatura nazzjonali
Il-membri tal‑ġudikatura nazzjonali jistgħu jipparteċipaw fi programm ta’ skambju organizzat min-Network Ewropew ta’ Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN).
Il-membri tal‑ġudikatura nazzjonali fuq stage jistgħu jaħdmu fl-Uffiċċji tal-Membri (Imħallfin u Avukati Ġenerali) fil-Qorti tal-Ġustizzja jew fil-Qorti Ġenerali, jew fid-Direttorat għar-Riċerka u għad-Dokumentazzjoni (DRD).
Fil-kuntest tal-kompiti tagħhom, il-membri tal‑ġudikatura nazzjonali fuq stage jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ référendaires jew amministraturi tad-DRD, skont il-pożizzjoni lilhom assenjata.
Hemm numru limitat ta’ stages disponibbli, b’massimu ta’ 15‑il membru tal‑ġudikatura nazzjonali kull sena. L-istages għandhom ikunu bejn 6 u 12‑il xahar.
Informazzjoni prinċipali
Nista’ napplika?
Sabiex tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, trid
- tkun eżerċitajt il-funzjonijiet ta’ membru tal-ġudikatura, bħala mħallef jew prosekutur, fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea għal mill-inqas sena
- tkun familjari mad-dritt tal-Unjoni
- ikollok għarfien perfett ta’ lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u livell adegwat tal-Franċiż sabiex tkun f’pożizzjoni li ssostni lill-Membri fit-trattament tal-kawżi u fit-tfassil tad-deċiżjonijiet.
Ser nitħallas?
Il-membri tal‑ġudikatura nazzjonali fuq stage ma jirċievu l-ebda ħlas jew kumpens mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja. Minflok, huma jirċievu allowance ta’ kuljum iffinanzjata mill-EJTN.
Kif napplika?
Il-kandidaturi għandhom jiġu ppreżentati lill-EJTN. Tista’ ssib iktar informazzjoni dwar l-istages fis-sit EJTN.
Obbligu ta’ diskrezzjoni
L-istaġisti kollha jkunu suġġetti għal obbligu ta’ diskrezzjoni, kemm matul kif ukoll wara l-istage, fuq il-fatti u d-dokumenti interni kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja li jkunu saru jafu bihom.
L-istaġisti iridu jitolbu l-approvazzjoni tal-Membru jew tal-Kap ta’ Dipartiment ikkonċernat qabel ma jippubblikaw xi ħaġa relatata mal-istage tagħhom. Qabel ma jibdew l-istage, l-istaġisti jidħlu f’impenn solenni li josservaw dan l-obbligu.
