Fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni, it-traduzzjoni legali u l-interpretazzjoni għandhom rwol kruċjali biex jippermettu aċċess ugwali għall-ġustizzja għall-Istati Membri u għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni.
Ir-responsabbiltà għall-multilingwiżmu fil-kuntest tal-proċeduri taqa’ fuq ir-Reġistratur. Għal dan il-għan, huwa għandu s-sostenn tad-Direttorat Ġenerali għall-Multilingwiżmu (DĠM), li jiġbor flimkien id-dipartimenti tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni legali.
Artikolu 42 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Artikolu 42 Dipartiment lingwistiku tal-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha twaqqaf dipartiment lingwistiku kompost minn esperti li għandhom taħriġ ġuridiku adegwat u għarfien wiesa’ ta’ diversi lingwi uffiċjali tal-Unjoni.
Interpretazzjoni
F’sistema ta’ interpretazzjoni multilingwi sħiħa, jistgħu jintużaw il-lingwi uffiċjali kollha u l-interpretazzjoni tista’ tingħata għal dawn l-istess lingwi kollha. Fil-prattika, madankollu, huwa rari li wieħed ikollu jirrikorri għal din il-kopertura lingwistika kompleta. Id-dipartiment tal-interpretazzjoni jiżgura sistema “à la carte” aġġustata skont il-ħtiġijiet reali. Il-Qorti tal-Ġustizzja tuża żewġ metodi ta’ interpretazzjoni: l-interpretazzjoni simultanja u l-interpretazzjoni konsekuttiva.
Għall-interpretazzjoni simultanja, l-interpreti, imqassma fil-kabini, jinterpretaw it-trattazzjoni, il-mistoqsijiet u t-tweġibiet skambjati fi-trattazzjoni mill-atturi varji fis-seduta. L-interpreti jkunu mill-inqas tnejn għal kull kabina peress li, minħabba l-isforz intellettwali meħtieġ mill-interpretazzjoni, huma jkollhom jsostnu lil xulxin biex ikomplu jiggarantixxu l-istess livell ta’ konċentrazzjoni u għalhekk ta’ kwalità. Il-kwalità tal-interpretazzjoni tiddependi fil-biċċa l-kbira mill-preparazzjoni bir-reqqa ta’ kull kawża mill-interpreti. Dan ix-xogħol preparatorju jsir fi spirtu ta’ tim, f’kollaborazzjoni kemm mal-assistenti li joħolqu l-fajls u d-dokumenti ta’ riferiment, kif ukoll mad-dipartimenti trażversali, b’mod partikolari fil-każ ta’ ħtieġa ta’ sostenn fil-qasam terminoloġiku.
L-interpretazzjoni konsekuttiva, teknika oħra ta’ interpretazzjoni, tikkonsisti fil-fatt li l-interpretu jieħu noti waqt id-diskors tal-kelliem u jirritorna l-kontenut tiegħu wara. Din it-teknika ta’ spiss tintuża f’avvenimenti protokollari, żjarat jew preżentazzjonijiet.
L-interpretazzjoni matul is-seduti ssir kemm jista’ jkun b’mod dirett. L-interpretu mbagħad jerġa’ jittrażmetti, bil-lingwa tiegħu u mingħajr intermedjarju, id-diskors tal-kelliem. Xi drabi, huwa jkollu jipprattika l-interpretazzjoni msejħa “tranżitorja”. F’dan il-każ, l-interpretazzjoni ma ssirx mil-lingwa tal-kelliem, iżda abbażi tal-interpretazzjoni mogħtija minn kollega ta’ kabina lingwistika oħra li tkun tista’ twasslu direttament lejn il-lingwa tiegħu.
Bħala prinċipju, kull interpretu jaħdem fil-lingwa materna tiegħu biss. Madankollu, ċerti interpreti tant ikunu jafu lingwa oħra li jkunu jistgħu jinterpretawha bħala lingwa attiva, daqslikieku tkun il-lingwa materna tagħhom. Dan huwa dak li tissejjaħ l-interpretazzjoni “ritorn”.
Traduzzjoni legali
Il-ġurista lingwista jinsab fil-qalba tal-attività tat-traduzzjoni fil-Qorti tal-Ġustizzja, ġurista li jkun segwa kors sħiħ ta’ studji tal-liġi f’wieħed mill-pajjiżi membri u li jkollu għarfien tajjeb ta’ mill-inqas żewġ lingwi u sistemi legali oħra fil-mument tar-reklutaġġ tiegħu. Il-ġurista lingwista huwa responsabbli għal kompitu kumpless u tekniku: huwa għandu jiġġestixxi portafoll ta’ traduzzjonijiet filwaqt li jaħdem b’livell għoli ħafna ta’ kwalità u prestazzjoni, dejjem b’rispett sħiħ għat-termini.
Qabel ma jibda t-traduzzjoni stricto sensu, huwa essenzjali għall-ġurista lingwista li jidentifika, jikseb u janalizza d-dokumenti ta’ riferiment rilevanti kollha sabiex jifhem sew il-kuntest legali tal-kawża u jidentifika t-terminoloġija ta’ riferiment. It-traduzzjoni fil-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex traduzzjoni libera: l-atti leġiżlattivi, il-ġurisprudenza jew l-atti proċedurali ċċitati direttament jew indirettament għandhom jiġu rriprodotti bir-reqqa. L-istess japplika għat-terminoloġija użata.
Għal kull biċċa xogħol ta’ traduzzjoni fil-verità hemm mekkaniżmu sħiħ li bih tiġi żgurata l-effiċjenza, li huwa bbażat fuq preparazzjoni organizzattiva u teknika tax-xogħol imwettaq qabel mid-diviżjonijiet trasversali u mill-amministrazzjoni.
Biex iwettqu l-missjoni tagħhom, il-ġuristi lingwisti jiddependu fuq metodi u strateġiji speċifiċi u qegħdin jirrikorru iktar u iktar għal għodod informatiċi li huma mistennija jkunu kapaċi jużaw sabiex jagħtu l-kontribut tagħhom mingħajr telf ta’ kwalità, b’mod partikolari f’termini ta’ preċiżjoni u affidabbiltà.
It-traduzzjoni diretta hija dejjem ippreferuta meta l-ħiliet ikunu disponibbli fi ħdan id-diviżjonijiet lingwistiċi. Madankollu, b’24 lingwa uffiċjali, in-numru ta’ kombinazzjonijiet lingwistiċi possibbli llum huwa ta’ 552. Għaldaqstant kellha tiġi stabbilita sistema komplementari għat-traduzzjoni diretta, jiġifieri t-traduzzjoni permezz ta’ numru limitat ta’ lingwi ċentrali magħżula abbażi ta’ kriterji tekniċi. B’dan il-mod, lingwa ċentrali tkun lingwa predeterminata li lejha test jiġi tradott sabiex wara jiġi tradott lejn lingwi oħra. Lil kull diviżjoni lingwistika ċentrali jiġu assenjati numru ta’ lingwi li minnhom issir it-traduzzjoni lejn il-lingwa ta’ din id-diviżjoni. Din il-verżjoni ċentrali mbagħad tintuża mid-diviżjonijiet l-oħra għat-traduzzjoni lejn il-lingwa tagħhom.
Ara wkoll