Id-dipartiment lingwistiku tal-Qorti tal-Ġustizzja jaġixxi dejjem bil-għan li jżid l-effiċjenza tiegħu, u sabiex jikseb dan filwaqt li jżomm kwalità eċċellenti, huwa jikkonċentra prinċipalment l-investiment tiegħu fid-direzzjonijiet li ġejjin: l-aħjar użu ta’ teknoloġiji ġodda, it-terminoloġija, it-taħriġ u t-titjib tal-kontributuri esterni.
Il-ġuristi lingwisti u l-interpreti jiddependu fuq għodod ta’ sostenn għall-multilingwiżmu dejjem iktar ipperfezzjonati. Għalkemm it-traduzzjoni awtomatika newronali min-naħa tagħha saret inevitabbli, hija għandha tkun suġġetta għal kontrolli stretti, peress li dawn huma testi li jipproduċu effetti legali.
Id-dipartimenti tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni legali tal-Qorti tal-Ġustizzja jibbenefikaw minn riċerki terminoloġiċi multilingwi mwettqa b’kollaborazzjoni ma’ diviżjoni speċjalizzata, li jikkontribwixxu għall-kwalità u għall-koerenza tat-traduzzjonijiet u tal-interventi orali. Din id-diviżjoni tiżgura wkoll il-pretrattament terminoloġiku u dokumentali ta’ parti mid-dokumenti. Il-ġabriet terminoloġiċi u databases jitkabbru kontinwament sabiex is-soluzzjonijiet misjuba jkunu jistgħu jerġgħu jintużaw għall-benefiċċju ta’ kulħadd, b’mod partikolari permezz tal-IATE, id-database terminoloġika komuni tal-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, fil-biċċa l-kbira tagħha pubblika.
Biex iwettqu r-riċerka legali multilingwi tagħhom (f’test sħiħ), il-ġuristi lingwisti u l-interpreti jiddependu prinċipalment fuq l-EUR-Lex, li toffri aċċess pubbliku għad-dritt tal-Unjoni. Dan is-sit jippermetti b’mod partikolari li jiġu kkonsultati l-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza fil-verżjoni multilingwi. Huma jużaw ukoll għodod żviluppati għall-ħtiġijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja stess (pereżempju l-mutur tat-tfittxija fil-kawżi EURêka jew is-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea), jew riżorsi interistituzzjonali, bħall-metamutur ta’ tfittxija lingwistika Quest jew is-sistema ta’ memorji ta’ traduzzjoni Euramis.
Lil hinn minn dawn l-għodod tradizzjonali li huma stess jibbenefikaw minn avvanzi teknoloġiċi, ċerti għodod ġodda speċifiċi għall-qasam lingwistiku issa huma indispensabbli. Dawn jinkludu l-edituri post redazzjonali tat-traduzzjoni. Trados Studio, prodott fis-suq, rebaħ l-aħħar żewġ kuntratti pubbliċi interistituzzjonali. Din l-applikazzjoni ta’ xogħol turi simultanjament it-test sors u t-test mira, b’tali mod li juri ħdejn xulxin il-frażijiet diġà tradotti, dawk li għad ikollhom jiġu tradotti, dawk fil-proċess ta’ traduzzjoni jew dawk li għalihom ikun hemm proposti ġejjin jew minn xogħlijiet preċedenti jew mit-traduzzjoni awtomatika newronali. L-allinjament tal-verżjonijiet lingwistiċi jippermetti, wara t-traduzzjoni, li tissaħħaħ database interistituzzjonali msejħa Euramis. Minn Trados Studio, il-ġurista lingwista jista’ jattiva għodod oħra ta’ sostenn għat-traduzzjoni, inklużi l-għodod terminoloġiċi msemmija hawn fuq.
Il-kontribut tat-traduzzjoni awtomatika newronali, li rriżulta mit-tagħlim profond (Deep Learning), jiġifieri fergħa tal-intelliġenza artifiċjali, ilu jittieħed inkunsiderazzjoni għal diversi snin. Fil-Qorti tal-Ġustizzja, l-ambjent tat-traduzzjoni assistita mill-kompjuter jinkludi l-muturi newronali u eTranslation, sistema maħluqa u ġestita mill-istituzzjonijiet Ewropej, u DeepL Pro, għodda li tinsab fis-suq. Dawn il-magni newronali jitħarrġu fuq corpus enormi ta’ segmenti bilingwi allinjati, li minnhom huma “jitgħallmu”. Ladarba jiġu tradotti, dawn il-muturi jipprovdu traduzzjonijiet permezz ta’ algoritmi li jattribwixxu ponderazzjonijiet suċċessivi lill-korrispondenzi kkonstatati, abbażi ta’ approċċi probabilisti, grammatikali, kuntestwali u oħrajn.
Il-kontribut kunsiderevoli ta’ dawn l-għodod u teknoloġiji ma għandux inessi li l-bniedem, fil-qalb ta’ dan l-ambjent “imkabbar”, huwa l-uniku li għandu d-diskrezzjoni meħtieġa għall-verifika tas-soluzzjonijiet proposti u l-għarfien indispensabbli lingwistiku u legali.
It-taħriġ professjonali kontinwu jikkontribwixxi fundamentalment għaż-żamma u għat-twessiegħ tal-kompetenzi professjonali meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet li jappartjenu għad-diversi professjonijiet tal-multilingwiżmu. Huwa jifforma parti integrali mill-politika tad-direttorat li għandu l-għan li jiggarantixxi livell għoli ħafna ta’ kwalità tad-dipartimenti tiegħu ta’ traduzzjoni u ta’ interpretazzjoni u jirrigwarda prinċipalment l-oqsma lingwistiċi, legali u tekniċi.
L-iżvilupp tal-ħiliet f’dawn l-oqsma jibda mad-dħul fis-servizz tal-persunal, permezz ta’ mixja bl-iskop li tiffamiljarizzah mal-għodod u mal-ambjent tax-xogħol tad-direttorat. Huwa jibqa’ jagħmel dan tul il-karriera permezz ta’ investiment kbir fit-taħriġ lingwistiku, sabiex tinżamm u tiġi estiża l-kopertura lingwistika tal-interpreti u tal-ġuristi lingwisti b’mod partikolari. Dan l-investiment għandu l-għan ukoll li jsaħħaħ il-komponent legali tax-xogħol tal-multilingwiżmu permezz tal-organizzazzjoni regolari ta’ konferenzi u seminars dwar qasam speċifiku tad-dritt tal-Unjoni jew tal-liġijiet nazzjonali. Fl-aħħar nett, konformement mal-iżviluppi fl-ambjent tekniku tad-direttorat, jiġu implimentati skemi ta’ taħriġ importanti biex jgħinu l-migrazzjonijiet informatiċi jew l-użu ta’ għodod tax-xogħol ġodda.
Ara wkoll