L-isfida prinċipali għas-sena 2025 ser tkun li jiġi żgurat is-suċċess sħiħ tal-implimentazzjoni tat-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari lill-Qorti Ġenerali, li beda japplika fl-1 ta’ Ottubru 2024 u li huwa l-aħħar stadju tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun qiegħda tiżgura li d-dipartimenti kollha jagħtu lill-Qorti Ġenerali appoġġ effettiv u ta’ kwalità sabiex tkun tista’ tittratta dawn il-kawżi fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli.
B’reazzjoni għaż-żieda fin-numru ta’ kawżi mistennija fuq perijodu qasir u medju, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun qiegħda tkompli, barra minn hekk, bl-inizjattiva ta’ diġitalizzazzjoni tal-proċessi ġudizzjarji u tal-fajls amministrattivi fl-interess tal-effettività u tal-effiċjenza tal-amministrazzjoni tagħha. Hija ser tkun qiegħda tkompli tisfrutta l-possibbiltajiet offruti mit-teknoloġiji innovattivi, filwaqt li timxi bil-prudenza meħtieġa min-natura ġudizzjarja tal-missjoni tagħha u filwaqt li tieħu bħala gwida l-portata tal-għarfien u tat-talenti tal-kollaboraturi tagħha.
Is-sena 2025 ser tkun ikkaratterizzata wkoll minn proġetti ġodda indirizzati liċ-ċittadini, b’estensjoni tal-politika ta’ trasparenza u ta’ aċċess għall-informazzjoni mħaddna mill-Qorti tal-Ġustizzja. Sabiex tkabbar it-trasparenza tal-attività ġudizzjarja u amministrattiva tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tiddiversifika u tfassal mill-ġdid il-kanali ta’ komunikazzjoni tagħha. B’hekk, l-istituzzjoni ser tkun qiegħda tniedi bidla fis-sit internet tagħha sabiex twieġeb aħjar għall-ħtiġijiet kemm tal-professjonisti tad-dritt u tal-mezzi tal-komunikazzjoni kif ukoll tal-pubbliku b’mod ġenerali. Barra minn hekk, sabiex tiffaċilita l-komprensjoni tal-funzjonament tagħha u tad-deċiżjonijiet tagħha miċ-ċittadini kollha, inklużi l-ġenerazzjonijiet ta’ età żgħira, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun qiegħda tniedi pjattaforma awdjoviżiva fuq l-internet, intitolata Curia Web TV, li ser tkun qiegħda xxandar programmi li jispjegaw l-attività tagħha.
Fl-2025, l-Unjoni Ewropea ser tiċċelebra t-tletin anniversarju mill-adeżjoni tal-Awstrija, tal-Finlandja u tal-Isvezja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ser tfakkar dan ir-raba’ tkabbir tal-Unjoni Ewropea li, kważi 10 snin wara l-adeżjoni ta’ Spanja u tal-Portugall u wara l-approvazzjoni permezz ta’ referendum fi ħdan it-tliet Stati ġodda kkonċernati, kabbar l-Unjoni Ewropea għal 370 miljun ċittadin u estenda l-kopertura ġeografika tagħha b’mod sinjifikattiv kemm lejn it-Tramuntana u kemm lejn iċ-Ċentru tal-Ewropa. Ser tingħata importanza lill-kuntest tal-adeżjoni ta’ dawn it-tliet pajjiżi, it-tifsira tagħha u l-implikazzjonijiet tagħha għal kull wieħed minnhom, bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti eminenti mill-Istati inkwistjoni.
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tkompli bid-djalogu intens li ilha żżomm għal iktar minn 70 sena mal-qrati nazzjonali sabiex tiżgura l-koerenza u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Ewropew.
Hija ser tkun qiegħda tagħmel dan, b’mod partikolari, fil-kuntest tan-Network Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea, mal-qrati kostituzzjonali u supremi, kif ukoll fil-kuntest tal-Forum tal-Membri tal-Ġudikatura Nazzjonali organizzat kull sena fil-bini tagħha.
Hija ser torganizza wkoll, f’Sofia, f’Settembru 2025, il-konferenza “EUnited in diversity”. Wara l-ewwel edizzjoni li nżammet fl-2021 f’Riga u dik tal-2023 f’Den Haag, it-tielet edizzjoni ser tkompli bit-tradizzjoni ta’ din il-laqgħa kull sentejn u ser tindirizza t-tema “Ir-rwol tal-ġustizzja kostituzzjonali fl-ordinament ġuridiku komuni tal-Unjoni Ewropea”.