A | Sena f’ritratti

Frar
Approvazzjoni mill-Parlament Ewropew tat-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari lill-Qorti Ġenerali
Bil-għan li jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-volum tal-kawżi bejn iż-żewġ qrati tal-Unjoni u bil-għan li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tikkonċentra iktar fuq ir-rwol tagħha bħala qorti kostituzzjonali u suprema, din tal-aħħar ressqet quddiem il-leġiżlatur tal-Unjoni, f’Novembru 2022, talba għal emenda tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li kienet tipprevedi t-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari lill-Qorti Ġenerali. Wara diversi xhur ta’ eżami u ta’ negozjati fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv, din ir-riforma importanti ġiet approvata mill-Parlament Ewropew fis-27 ta’ Frar b’maġġoranza kbira ħafna.

Frar
Laqgħa internazzjonali “Ġustizzja, Ġenerazzjonijiet futuri u Ambjent” fil-Kunsill Kostituzzjonali Franċiż
Koen Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, attenda f’Pariġi laqgħa internazzjonali organizzata mill-Kunsill Kostituzzjonali u mill-Istitut tal-Istudji u tar-Riċerka dwar id-Dritt u l-Ġustizzja. Għal din il-laqgħa mingħajr preċedent attendew madwar mitt president u mħallef ta’ qrati supremi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali sabiex jiddiskutu l-impatt dejjem jikber tal-kunċett ta’ “ġenerazzjonijiet futuri” fil-kawżi dwar l-ambjent.

Marzu
Żjara tal-President tar-Repubblika Ċeka, Petr Pavel
Il-President tar-Repubblika Ċeka, Petr Pavel, intlaqa’ minn Koen Lenaerts, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll minn Jan Passer, Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja, u minn Petra Škvařilová-Pelzl u David Petrlík, Imħallfin fil-Qorti Ġenerali. Waqt laqgħa mal-membri tal-persunal tal-istituzzjoni ta’ nazzjonalità Ċeka, id-delegazzjoni setgħet tammira l-pittura Na cestě, xogħol l-artista Ċeka Míla Doleželová, misluf mill-Università ta’ Masaryk, bil-messaġġ ta’ tama, ta’ libertà u ta’ umaniżmu tagħha.

© shutterstock.com
Marzu
L-ewwel djalogu annwali bejn il-Parlament Ewropew u l-Qorti tal-Ġustizzja
Imħeġġa mill-kwalità tal-iskambji li saru fil-kuntest tal-abbozz ta’ regolament dwar it-trasferiment tal-kompetenza preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Qorti Ġenerali, il-Parlament u l-Qorti tal-Ġustizzja għażlu li jrawmu d-djalogu tagħhom abbażi ta’ laqgħa annwali ddedikata għal suġġetti ta’ interess komuni b’rabta mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, b’osservanza stretta tas-separazzjoni tal-poteri. Il-laqgħat huma mistennija li jindirizzaw il-perċezzjoni, miċ-ċittadini Ewropej, tal-ġustizzja u tal-osservanza tal-Istat tad-dritt kif ukoll kwalunkwe titjib possibbli fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja, bil-għan li l-ġustizzja tkompli titqarreb lejn iċ-ċittadini Ewropej.

Marzu
Impenn solenni minn tliet Membri ġodda tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Maħtura mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Membri l-ġodda tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Katarína Kaszasová, Alejandro Blanco Fernández u João Leão, ħadu l-impenn solenni tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

April
Inawgurazzjoni ta’ wirja storika fil-Qorti tal-Ġustizzja
Wirja ddedikata għall-istorja tal-istituzzjoni ġiet inawgurata fil-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-wirja, komposta minn ritratti, xogħlijiet tal-arti u oġġetti rari, issegwi l-istorja tal-qrati u tal-bini tagħhom u hija aċċessibbli għal kull viżitatur.

April
Finali tal-kompetizzjoni “European Law Moot Court”
Organizzata għall-ewwel darba fl-1988, il-“European Law Moot Court” hija kompetizzjoni bbażata fuq l-abbiltà li jsiru sottomissjonijiet orali. Din hija l-iktar kompetizzjoni importanti fid-dinja fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni. Il-kompetizzjoni tal-2024 intrebħet mill-Università ta’ Madrid li, fil-finali, kellha tikkompeti kontra l-Università Taljana ta’ Roma Tre.

April
Udjenza solenni ta’ eloġji funebri
Ingħata omaġġ solenni lill-memorja ta’ John L. Murray, Imħallef Irlandiż fil-Qorti tal-Ġustizzja (1991-1999), li miet f’Jannar 2023; ta’ Philippe Léger, Avukat Ġenerali Franċiż fil-Qorti tal-Ġustizzja (1994-2006), li miet f’Jannar 2023; u ta’ Waltraud Hakenberg, Reġistratriċi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (2005-2016), li mietet f’Jannar 2024.

Mejju
Forum tal-Membri tal-Ġudikatura u kollokju fil-kuntest tal-XX anniversarju tat-tkabbir tal-2004
Fl-1 ta’ Mejju 2004, għaxar Stati Membri ġodda ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea: ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja. Sabiex jitfakkar l-20 anniversarju ta’ dan l-avveniment, il-Qorti tal-Ġustizzja organizzat Forum tal-Membri tal-Ġudikatura u kollokju.

Lietuvos nacionalinis muziejus / © Gediminas Trečiokas
Ġunju
Għoti tax-xogħol artistiku “LL” tal-artist Litwanjan Kazys Varnelis
Ix-xogħol artistiku “LL” (1972) tal-artist Litwanjan Kazy Varnelis ingħata lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-preżenza tal-President tagħha, Koen Lenaerts, mill-Viċi Ministru għall-Ġustizzja tal-Litwanja, Jurga Greičienė, u mill-persuna responsabbli għad-Dipartiment tal-Istudju ta’ Ikoni tal-Mużew Nazzjonali tal-Litwanja, Jolanta Bernotaitytė.

Ġunju
Żjara minn delegazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’Varsavja
Delegazzjoni tal-Qorti Ġenerali, komposta mill-President tagħha, Marc van der Woude, u mill-Imħallfin Pollakki Krystyna Kowalik-Bańczyk u Nina Półtorak, kif ukoll mill-Imħallef Litwanjan Saulius Lukas Kalėda, marru Varsavja għal laqgħat organizzati mill-Qorti Amministrattiva Suprema Pollakka kif ukoll mill-Kamra tal-Avukati ta’ Varsavja, sabiex jippreżentaw ir-rwol tal-Qorti Ġenerali u jsaħħu r-rabtiet mal-qrati nazzjonali li jisimgħu kawżi fl-oqsma kkonċernati mit-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari lill-Qorti Ġenerali.

Settembru
Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali
Fl-1 ta’ Settembru daħlu fis-seħħ emendi sinjifikattivi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali. Dawn l-emendi jimplimentaw l-emendi tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tat-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari lill-Qorti Ġenerali, applikabbli mill-1 ta’ Ottubru, u jimmodernizzaw il-proċeduri quddiem iż-żewġ qrati.

Settembru
Żjara minn delegazzjoni tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti
Din iż-żjara, li tagħmel parti minn laqgħat regolari li ilhom jinżammu sa mill-1998, kompliet issaħħaħ ir-rabtiet mill-qrib storiċi bejn il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti u l-Qorti tal-Ġustizzja.

Settembru
Installazzjoni ta’ xogħol artistiku fil-Ġnien tal-Multilingwiżmu
Ix-xogħol artistiku Genus, maħluq mill-artista Lussemburgiża Simone Decker, ġie installat fil-Ġnien tal-Multilingwiżmu, li jinsab maġenb il-Qorti tal-Ġustizzja. Dan ix-xogħol, iddisinjat speċjalment għall-Qorti tal-Ġustizzja, huwa ispirat mill-multilingwiżmu u jissimbolizza d-diversità lingwistika u kulturali tal-Unjoni.

© shutterstock.com
Ottubru
Trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari
Ir-regoli dwar it-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja lill-Qorti Ġenerali daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru. Il-kawżi għal deċiżjoni preliminari mressqa b’effett minn din id-data u li jikkonċernaw sitt oqsma speċifiċi ser jiġu ttrattati mill-Qorti Ġenerali. L-ewwel talba għal deċiżjoni preliminari ttrasferita lill-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Ottubru (T-534/24, Gotek) hija bil-Kroat u tressqet mill-Qorti Amministrattiva ta’ Osijek.

Ottubru
Tiġdid parzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja u dħul fil-kariga ta’ Membri ġodda tal-Qorti Ġenerali
Inżammet udjenza solenni fl-Awla għas-Seduti prinċipali tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-okkażjoni, minn naħa, tat-tmiem tal-kariga ta’ Lars Bay Larsen, ta’ Alexandra Prechal, ta’ Jean-Claude Bonichot, ta’ Peter George Xuereb, ta’ Lucia Serena Rossi, ta’ Priit Pikamäe, ta’ Nils Wahl u ta’ Anthony Michael Collins, u, min-naħa l-oħra, tat-teħid ta’ ġurament minn disa’ Membri ġodda tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri Bernardus Smulders, Massimo Condinanzi, Fredrik Schalin, Stéphane Gervasoni, Niels Fenger u Ramona Frendo, bħala Mħallfin, Dean Spielmann, Andrea Biondi u Rimvydas Norkus bħala Avukati Ġenerali, kif ukoll minn żewġ Imħallfin ġodda fil-Qorti Ġenerali, Hervé Cassagnabère u Raphaël Meyer.

Ottubru
Elezzjoni tal-President, tal-Viċi President u tal-Avukat Ġenerali Ewlieni tal-Qorti tal-Ġustizzja
Koen Lenaerts ġie elett mill-ġdid, mill-kollegi tiegħu, bħala President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għat-tliet snin li ġejjin. Bl-istess mod, Thomas von Danwitz ġie elett Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, u ħa post Lars Bay Larsen. Maciej Szpunar ġie elett mill-ġdid bħala Avukat Ġenerali Ewlieni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

© shutterstock.com
Novembru
Xahar ta’ taħriġ dwar l-intelliġenza artifiċjali
Il-kampanja ta’ taħriġ fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali (IA) hija intiża li tippreżenta l-opportunitajiet u l-isfidi marbuta mal-użu tagħha. L-għan huwa li jiġi ċċarat il-qasam tal-IA u li jiġi promoss użu etiku u responsabbli tal-għodda bbażata fuq din it-teknoloġija.

Novembru
Impenn solenni minn tliet Membri ġodda tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Maħtura mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Membri l-ġodda tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Petri Sarvamaa, Hans Lindblad u Carlo Alberto Manfredi Selvaggi, ħadu l-impenn solenni tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Novembru
Żjara mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem
Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Koen Lenaerts, flimkien ma’ delegazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, żar il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kuntest tal-laqgħa ta’ kull sena. Id-diskussjonijiet kienu dwar tliet suġġetti prinċipali: “Il-bidla fil-klima: sfida għaż-żewġ qrati Ewropej”, “Is-sorveljanza tal-massa u l-protezzjoni tad-data personali”, u “Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna b’diżabbiltà”.

Novembru
Is-sitt laqgħa tal-korrispondenti tan-Netwerk Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea fi Brussell
Is-sitt laqgħa tal-korrispondenti tan-Network Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea inżammet fi Brussell, għall-ewwel darba barra mil-Lussemburgu, taħt il-patroċinju tal-Kunsill tal-Istat Belġjan. Il-laqgħa kienet iddedikata għall-futur tal-kooperazzjoni fi ħdan in-Netwerk Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea u għall-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mill-qrati nazzjonali.

Diċembru
Jum ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-diżabbiltà fil-Qorti tal-Ġustizzja
L-istituzzjoni, li tħaddan impenn sod espress permezz ta’ diversi azzjonijiet favur l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni, organizzat il-Jum ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-diżabbiltà li, din is-sena, kellu bħala tema l-“Inklużjoni permezz tal-isport: is-saħħa tagħna fid-diversità”.
B | Sena f’ċifri
L-istituzzjoni fl-2024
Is-sena ġudizzjarja (il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali)

e‑Curia: l-applikazzjoni informatika li tippermetti l-iskambju ta’ dokumenti ġudizzjarji
Id-dipartimenti lingwistiċi
Il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala istituzzjoni ġudizzjarja multilingwi, għandha tkun tista’ tittratta kawża tkun xi tkun il-lingwa uffiċjali tal-Unjoni li fiha tkun tressqet. Hija mbagħad tippubblika l-ġurisprudenza tagħha bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

Multilingwiżmu fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Garanzija ta’ aċċess ugwali għall-ġustizzja