A | Il-Qorti tal-Ġustizzja fl-2024
Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tisma’ kawżi, prinċipalment, dwar talbiet għal deċiżjoni preliminari. Meta qorti nazzjonali jkollha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni jew dwar il-validità tagħha, hija għandha tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ladarba tingħata d-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja li tindirizza dawn id-dubji, il-qorti nazzjonali tkun tista’ taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Fil-kawżi li jeħtieġu risposta fi żmien qasir ħafna (pereżempju fil-qasam tal-ażil, tal-kontroll mal-fruntieri, tal-ħtif ta’ minuri, eċċ.), hija prevista proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ wkoll tiġi adita b’rikorsi diretti, intiżi jew sabiex jinkiseb l-annullament ta’ att tal-Unjoni (“rikors għal annullament”), jew sabiex jiġi kkonstatat li Stat Membru ma josservax id-dritt tal-Unjoni (“rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu”). Jekk l-Istat Membru ma jikkonformax ruħu mas-sentenza li tkun ikkonstatat in-nuqqas min-naħa tiegħu, rikors ieħor, imsejjaħ “rikors għat-tieni nuqqas”, jista’ jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuqu sanzjoni pekunjarja.
Barra minn hekk, jistgħu jiġu ppreżentati appelli mid-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tannulla dawn id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali.
Fl-aħħar nett, jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talbiet għal opinjoni dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati ta’ ftehim li l-Unjoni jkollha l-intenzjoni li tikkonkludi ma’ Stat terz jew ma’ organizzazzjoni internazzjonali (imressqa minn Stat Membru jew minn istituzzjoni Ewropea).
L-attività u l-evoluzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Koen Lenaerts
President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
Is-sena li għaddiet kienet ikkaratterizzata mill-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riforma leġiżlattiva tal-arkitettura ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea permezz tar-Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill 2024/2019 maħsub, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex il-volum tal-kawżi jinqasam bejn iż-żewġ qrati tal-Unjoni billi jittieħed vantaġġ mill-irdoppjar fin-numru tal-Imħallfin fil-Qorti Ġenerali deċiż permezz tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2015/2422 fl-2015. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tkun f’pożizzjoni li tkompli twettaq, f’termini raġonevoli, il-missjoni tagħha li tinterpreta d-dritt tal-Unjoni minkejja żieda sinjifikattiva fin-numru ta’ kawżi mressqa quddiemha kif ukoll żieda fin-numru ta’ kawżi kumplessi u sensittivi li jirrigwardaw, b’mod partikolari, kwistjonijiet ta’ natura kostituzzjonali jew marbuta mad-drittijiet fundamentali. Fl-2024, kienu fil-fatt iktar minn 900 l-kawżi ġodda li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ċifra qrib ir-rekord tal-2019 li tikkonferma t-tendenza ta’ żieda osservata f’dawn l-aħħar snin u li tenfasizza n-neċessità ta’ din ir-riforma.
B’mod konkret, din ir-riforma twettqet essenzjalment bit-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja lill-Qorti Ġenerali. Dan it-trasferiment, li beda japplika b'effett mill-1 ta’ Ottubru 2024, jirrigwarda sitt oqsma speċifiċi, jiġifieri s-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, id-dazji tas-sisa, il-Kodiċi Doganali, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda, il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li jiġu miċħuda milli jitilgħu abbord jew ta’ dewmien jew kanċellazzjoni ta’ servizzi tat-trasport, u s-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet il-kompetenza li tisma’ t-talbiet għal deċiżjoni preliminari li, minkejja li jaqgħu taħt wieħed jew iktar minn dawn l-oqsma speċifiċi, ikunu jirrigwardaw ukoll oqsma oħra jew iqajmu kwistjonijiet indipendenti ta’ interpretazzjoni tad-dritt primarju (inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), tad-dritt internazzjonali pubbliku jew tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.
Ir-riforma għandha twassal għal tnaqqis mhux negliġibbli fil-volum tax-xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tad-deċiżjonijiet preliminari, kif jidher li jikkonfermaw l-ewwel stimi li jkopru l-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet.
Aspett ieħor tar-riforma huwa intiż li jħares l-effettività tal-proċedura ta’ appell mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali. Sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tikkonċentra fuq l-appelli li jqajmu kwistjonijiet ta’ liġi importanti, il-mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli issa jestendi, sa mill-1 ta’ Settembru 2024, għad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar id-deċiżjonijiet ta’ sitt Bordijiet tal-Appell ġodda indipendenti ta’ korpi jew organi Ewropej, li żdiedu mal-erba’ Bordijiet tal-Appell inizjalment imsemmija meta ġie introdott dan il-mekkaniżmu. Barra minn hekk, dan il-mekkaniżmu tal-aħħar ġie estiż għall-kawżi dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti li jinkludu klawżola ta’ arbitraġġ.
Fl-aħħar nett, ir-riforma għandha l-għan li ssaħħaħ it-trasparenza tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari u li b’hekk tippermetti komprensjoni aħjar tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, minn issa ’l quddiem, l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati fil-kawżi għal deċiżjoni preliminari ser jiġu ppubblikati fis-sit internet tal-istituzzjoni, f’terminu raġonevoli wara l-għeluq tal-kawża, sakemm l-awtur ta’ dawn l-osservazzjonijiet ma joġġezzjonax għal din il-pubblikazzjoni.
Minbarra l-emenda tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-implimentazzjoni tar-riforma implikat emenda tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari sabiex jiġu ppreċiżati l-modalitajiet tat-trattament inizjali tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa fil-kuntest tal-“one-stop shop” u l-proċedura applikabbli għat-talbiet ittrasferiti lill-Qorti Ġenerali mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, ir-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar jinkludu żviluppi ġodda oħra intiżi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-esperjenza miksuba matul il-kriżi sanitarja u l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà, għall-partijiet jew għar-rappreżentanti tagħhom, li jagħmlu sottomissjonijiet orali permezz ta’ videokonferenza b’osservanza ta’ kundizzjonijiet legali u tekniċi preċiżi, il-protezzjoni tad-data personali fl-ipproċessar tal-kawżi, il-modalitajiet tal-preżentata u tan-notifika tal-atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia, kif ukoll ix-xandir ta’ ċerti seduti fuq l-internet.
Ir-Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali dwar it-tressiq ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll l-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet, ġew adattati fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi.
Fir-rigward tal-kompożizzjoni tagħha, f’Ġunju 2024, l-istituzzjoni nħasdet bil-mewt ta’ Marko Ilešič (is-Slovenja), Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja sa mill-2004.
Barra minn hekk, l-Imħallef Safjan (il-Polonja), ħalla l-kariga tiegħu f’Jannar 2024 u f’Ottubru kien hemm tiġdid parzjali sinjifikattiv ħafna tal-kompożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, bit-terminazzjoni tal-funzjonijiet ta’ tmien Membri, jiġifieri l-Viċi President Bay Larsen (id-Danimarka), l-Imħallef Bonichot (Franza), l-Imħallef Prechal (il-Pajjiżi l-Baxxi), l-Imħallef Xuereb (Malta), l-Imħallef Rossi (l-Italja), l-Imħallef Wahl (l-Isvezja) u l-Avukati Ġenerali Pikamäe (l-Estonja) u Collins (l-Irlanda), kif ukoll id-dħul fil-kariga ta’ disa’ Membri ġodda, jiġifieri l-Imħallef Smulders (il-Pajjiżi l-Baxxi), l-Avukat Ġenerali Spielmann (il-Lussemburgu), l-Imħallfin Condinanzi (l-Italja) u Schalin (l-Isvezja), l-Avukat Ġenerali Biondi (l-Italja), l-Imħallfin Gervasoni (Franza), Fenger (id-Danimarka) u Frendo (Malta) u l-Avukat Ġenerali Norkus (il-Litwanja).
Fir-rigward tal-istatistika tas-sena li għaddiet, din turi numru kbir ħafna kemm ta’ kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (920, jiġifieri kważi mitt kawża iktar milli matul kull waħda mill-aħħar tliet snin) kif ukoll ta’ kawżi magħluqa minnha (863 kawża, jiġifieri 80 iktar mis-sena preċedenti), fejn din iċ-ċifra tal-aħħar hija dovuta, fil-parti l-kbira tagħha, għar-restrizzjonijiet marbuta mat-tiġdid parzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, in-numru ta’ kawżi pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2024 kien ta’ 1 206 kawżi. It-tul medju tal-proċeduri, meta jitqiesu t-tipi kollha ta’ kawżi, kien, fl-2024, ta’ 17.7 xhur.

Il-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Qorti tal-Ġustizzja hija kkostitwita minn 27 Imħallef u minn 11-il Avukat Ġenerali.
L-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali jinħatru bi ftehim komuni mill-Gvernijiet tal-Istati Membri, wara konsultazzjoni ma’ kumitat responsabbli sabiex jagħti opinjoni dwar l-idoneità tal-kandidati proposti li jaqdu l-funzjonijiet inkwistjoni. Il-mandat tagħhom huwa għal sitt snin u jista’ jiġġedded.
Huma jintgħażlu minn fost personalitajiet li jipprovdu garanzija ta’ indipendenza sħiħa u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jokkupaw, fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, l-ogħla karigi ġudizzjarji, jew li huma ġuristi ta’ kompetenza magħrufa.
L-Imħallfin jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’imparzjalità u b’indipendenza sħiħa.
L-Imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja jaħtru minn fosthom il-President u l-Viċi President. L-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali jaħtru r-Reġistratur għal mandat ta’ sitt snin.
L-Avukati Ġenerali huma mistennija jippreżentaw, b’imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, opinjoni ġuridika, imsejħa “konklużjonijiet”, fil-kawżi li jiġu assenjati lilhom. Dawn il-konklużjonijiet ma humiex vinkolanti, imma jippermettu li tingħata ħarsa addizzjonali lejn is-suġġett tat-tilwima.
Bit-tiġdid parzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Ottubru 2024 daħlu fil-kariga disa’ Membri ġodda, jiġifieri l-Imħallef Smulders (il-Pajjiżi l-Baxxi), l-Avukat Ġenerali Spielmann (il-Lussemburgu), l-Imħallfin Condinanzi (l-Italja) u Schalin (l-Isvezja), l-Avukat Ġenerali Biondi (l-Italja), l-Imħallfin Gervasoni (Franza), Fenger (id-Danimarka) u Frendo (Malta), u l-Avukat Ġenerali Norkus (il-Litwanja).

In memoriam
L-Imħallef Sloven Marko Ilešič miet f’Ġunju 2024, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. Huwa kien l-ewwel Membru ta’ din in-nazzjonalità maħtur bħala Mħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja mal-adeżjoni tas-Slovenja mal-Unjoni Ewropea fl-2004. Irrispettat u ammirat, kemm fuq livell professjonali kif ukoll fuq livell personali, għall-kwalitajiet legali u intellettwali tiegħu u għall-għarfien lingwistiku estensiv tiegħu, kif ukoll għall-umanità kbira tiegħu, M. Ilešič ta kontribut kbir għall-iżvilupp u għall-promozzjoni tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll għat-tkattir tal-għarfien dwar il-kultura Slovena.

K. Lenaerts

T. von Danwitz

F. Biltgen

K. Jürimäe

C. Lycourgos

I. Jarukaitis

L. Arastey Sahún

M. Szpunar

S. Rodin

A. Kumin

N. Jääskinen

D. Gratsias

M. Gavalec

J. Kokott

A. Arabadjiev

M. Campos Sánchez-Bordona

E. Regan

N. J. Cardoso da Silva Piçarra

J. Richard de la Tour

A. Rantos

I. Ziemele

J. Passer

N. Emiliou

Z. Csehi

O. Spineanu-Matei

T. Ćapeta

L. Medina

B. Smulders

D. Spielmann

M. Condinanzi

F. Schalin

A. Biondi

S. Gervasoni

N. Fenger

R. Frendo

R. Norkus

A. Calot Escobar
Ordni protokollari b’effett mid-9 ta’ Ottubru 2024
B | Il-Qorti Ġenerali fl-2024
Il-Qorti Ġenerali tista’ prinċipalment tiġi adita, fl-ewwel istanza, b’rikorsi diretti ppreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi (individwi, kumpanniji, assoċjazzjonijiet, eċċ.), meta dawn ikunu individwalment u direttament ikkonċernati, u mill-Istati Membri kontra l-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll b’rikorsi diretti intiżi li jinkiseb il-kumpens għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet jew mill-membri tal-persunal tagħhom.
Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell, fuq punti ta’ liġi biss, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kawżi li diġà jkunu bbenefikaw minn eżami doppju (minn Bord tal-Appell indipendenti, u mbagħad mill-Qorti Ġenerali), il-Qorti tal-Ġustizzja tisma’ l-appell biss jekk dan l-appell iqajjem kwistjoni ta’ natura sinjifikattiva għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.
Mill-1 ta’ Ottubru 2024, il-Qorti Ġenerali għandha wkoll kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, ittrasferiti mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jaqgħu esklużivament taħt wieħed jew iktar mis-sitt oqsma speċifiċi li ġejjin: is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud; id-dazji tas-sisa; il-Kodiċi Doganali; il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda; il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li jiġu miċħuda milli jitilgħu abbord jew ta’ dewmien jew kanċellazzjoni ta’ servizzi tat-trasport; u s-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
Il-parti kbira mill-kawżi mressqa quddiemha huma ta’ natura ekonomika: proprjetà intellettwali (trade marks u disinni tal-Unjoni Ewropea), kompetizzjoni, għajnuna mill-Istat u sorveljanza bankarja u finanzjarja. Il-Qorti Ġenerali hija wkoll kompetenti sabiex taqta’ kawżi fil-qasam tas-servizz pubbliku dwar tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha.
L-attività u l-evoluzzjoni tal-Qorti Ġenerali

Marc van der Woude
President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea
Għall-Qorti Ġenerali, is-sena 2024 kienet sena partikolarment importanti sa fejn kienet ikkaratterizzata mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2024/2019 li rriforma l-arkitettura ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, it-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja lill-Qorti Ġenerali sar effettiv fl-1 ta’ Ottubru 2024.
Skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ġenerali issa għandha kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari li jaqgħu esklużivament taħt qasam speċifiku wieħed jew iktar mis-sitta li ġejjin: is-sistema komuni tal-VAT, id-dazji tas-sisa, il-Kodiċi Doganali, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija, il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li jiġu miċħuda milli jitilgħu abbord jew ta’ dewmien jew kanċellazzjoni ta’ servizzi tat-trasport u s-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (Artikolu 50b ġdid). Bejn l-1 ta’ Ottubru u l-31 ta’ Diċembru 2024, 19-il talba għal deċiżjoni preliminari kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment.
Internament, il-Qorti Ġenerali kellha torganizza mill-ġdid l-istruttura tagħha billi tinnomina l-għaxar Imħallfin sedenti fl-awla magħżula sabiex tittratta t-talbiet għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll il-President tagħha, jiġifieri S. Papasavvas, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali. Għall-finijiet tal-aħjar trattament tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti Ġenerali nnominat ukoll tliet Imħallfin imsejħa sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ Avukat Ġenerali. Barra minn hekk, ir-Regoli tal-Proċedura tagħha issa jipprevedu l-possibbiltà li tingħata deċiżjoni, b’mod partikolari f’ċerti kawżi għal deċiżjoni preliminari, f’awla intermedja, komposta minn disa’ Mħallfin.
Bl-istess mod, mill-1 ta’ Settembru 2024, ġiet prevista estensjoni tal-mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell indipendenti ta’ wieħed mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni (Artikolu 58a ġdid tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, introdott ukoll bir-Regolament 2024/2019). Din il-parti tar-riforma żżid ukoll ir-responsabbiltà tal-Qorti Ġenerali sabiex tiżgura l-koerenza u l-uniformità tad-dritt fl-oqsma tad-dritt ikkonċernati.
Ir-riforma kkoinċidiet mat-tluq, fis-7 ta’ Ottubru 2024, ta’ ħames Membri tal-Qorti Ġenerali, li nħatru Mħallfin fil-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, l-Imħallef Gervasoni, il-Presidenti ta’ Awla Spielmann u Schalin, l-Imħallef Frendo u l-Imħallef Norkus telqu mill-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali tirringrazzjahom għall-kontribut twil u siewi tagħhom għall-ġurisprudenza tagħha. F’din l-istess data, l-Imħallfin Cassagnabère u Meyer ħadu l-ġurament bħala Membri ġodda tal-Qorti Ġenerali.
Madankollu, din ir-riorganizzazzjoni maġġuri u t-tluq tal-Membri ma naqqsux l-attività ġudizzjarja tal-Qorti Ġenerali peress li din tal-aħħar irnexxielha, matul is-sena 2024, tagħlaq 922 kawża. Peress li matul din l-istess sena tressqu biss 786 kawża, in-numru ta’ kawżi pendenti b’hekk tnaqqas. It-tul medju tal-proċeduri ta’ 18.5 xhur huwa xhieda ta’ ġestjoni effikaċi tal-kawżi, u għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-Qorti Ġenerali hija f’pożizzjoni li tirreaġixxi saħansitra iktar malajr meta dan ikun meħtieġ mill-karatteristiċi partikolari tal-kawża. B’hekk, hija rnexxielha tagħti l-ewwel sentenza tagħha fil-qasam tas-swieq diġitali f’terminu ta’ 8.2 xhur (sentenza T-1077/23, Bytedance vs Il-Kummissjoni).
Fl-2024, 20.2 % tal-kawżi magħluqa nqatgħu minn kulleġġi ġudikanti estiżi. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tkompli bl-approċċ tagħha li tiddeċiedi l-kawżi li jkollhom importanza ċerta, b’mod partikolari, għall-Istat tad-dritt, fl-Awla Manja, komposta minn 15-il Imħallef (ara l-kapitolu “Ħarsa lejn is-sentenzi ewlenin tas-sena”). F’dan il-kulleġġ solenni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet il-kawżi Ordre néerlandais des avocats du barreau de Bruxelles et vs Il‑Kunsill, Medel et vs Il‑Kunsill u Fridman et vs Il‑Kunsill u Timchenko u Timchenko vs Il‑Kunsill.
Fid-dawl tal-kompetenza l-ġdida tagħha fil-qasam tad-deċiżjonijiet preliminari, kif ukoll tar-responsabbiltajiet ġodda tagħha b’riżultat tal-estensjoni tal-mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli, il-Qorti Ġenerali adottat l-għodod kollha neċessarji għal trattament effikaċi u proattiv tal-kawżi mressqa quddiemha, filwaqt li ppreparat ruħha għall-perijodu ta’ tliet snin li jmiss li ser jibda f’Ottubru 2025.

Innovazzjonijiet fil-ġurisprudenza

Savvas Papasavvas
Viċi President tal-Qorti Ġenerali
Matul is-sena 2024, l-Awla Manja assumiet mill-ġdid rwol ċentrali. L-Awla Manja hija l-iktar kulleġġ ġudikanti solenni tal-Qorti Ġenerali iżda, sal-lum il-ġurnata, kien biss f’każijiet rari u minn żmien għal żmien li ntalbet tagħti deċiżjoni. Komposta minn ħmistax-il Imħallef, l-Awla Manja għandha tisma’ l-iktar kawżi importanti kif ukoll dawk li jkunu kkaratterizzati minn diffikultà legali jew ċirkustanzi partikolari (Artikolu 28(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali). B’hekk, sitt deċiżjonijiet li jiġbru flimkien diversi kawżi ngħataw minn dan il-kulleġġ ġudikanti matul is-sena li għaddiet fil-kuntest, minn naħa, tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukraina u, min-naħa l-oħra, tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, fil-kuntest tal-pjan ta’ rkupru NextGenerationEU.
L-ewwel nett, fis-sentenzi tagħha tal-11 ta’ Settembru 2024, Fridman et vs Il‑Kunsill u Timchenko u Timchenko vs Il‑Kunsill (T-635/22 u T-644/22), il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-kompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta obbligi ta’ dikjarazzjoni tal-fondi u ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mill-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, minn naħa, u sabiex jassimila n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi ma’ evażjoni tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, min-naħa l-oħra.
It-tieni nett, fis-sentenzi tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2024, Ordre néerlandais des avocats du barreau de Bruxelles et vs Il‑Kunsill, Ordre des avocats à la cour de Paris et Couturier vs Il‑Kunsill u ACE vs Il‑Kunsill (T-797/22, T-798/22 u T-828/22), il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-legalità tal-projbizzjoni li jiġu pprovduti, direttament jew indirettament, servizzi ta’ konsulenza legali lill-Gvern Russu u lill-persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi stabbiliti fir-Russja (Regolament tal-Kunsill [UE] Nru 833/2014) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina. Il-kawżi kienu jittrattaw il-kwistjoni ta’ jekk kienx jeżisti dritt fundamentali ta’ aċċess għal avukat, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet li ma kellhom l-ebda rabta ma’ proċedura ġudizzjarja. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors, iżda b’mod partikolari ppreċiżat il-portata tad-dritt għal rimedju effettiv (Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), u tad-dritt għas-sigriet professjonali (Artikolu 7).
Fl-aħħar nett, permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Ġunju 2024, Medel et vs Il-Kunsill (T-530/22 sa T-533/22), il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li permezz tagħha l-Kunsill approva l-evalwazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Polonja u speċifikat l-istadji importanti u l-miri li kellhom jintlaħqu minn dan l-Istat Membru sabiex il-kontribuzzjoni finanzjarja mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu fid-deċiżjoni kkontestata tkun tista’ tiġi rrilaxxata. L-Awla Manja qieset li r-rikorrenti, erba’ assoċjazzjonijiet rappreżentattivi ta’ mħallfin fil-livell internazzjonali li l-membri tagħhom kienu, bħala regola ġenerali, assoċjazzjonijiet professjonali nazzjonali, inklużi Pollakki, ma setgħux jinvokaw locus standi.
Dan il-momentum ġdid mogħti lill-Awla Manja ċertament ser ikompli fl-2025, sa fejn bħalissa hemm kawżi oħra pendenti quddiem dan il-kulleġġ ġudikanti. Ma’ dan il-momentum probabbilment ser ikun hemm riferimenti lill-Awla Intermedja, maħluqa bir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2019 sabiex jiġi kkompletat is-sett ta’ formazzjonijiet solenni disponibbli għall-Qorti Ġenerali.

Il-Membri tal-Qorti Ġenerali
Il-Qorti Ġenerali hija kkostitwita minn żewġ Imħallfin minn kull Stat Membru.
L-Imħallfin jintgħażlu minn fost persuni li jipprovdu garanzija ta’ indipendenza sħiħa u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jokkupaw l-ogħla karigi ġudizzjarji. Huma jinħatru bi ftehim komuni mill-Gvernijiet tal-Istati Membri, wara konsultazzjoni ma’ kumitat responsabbli sabiex jagħti opinjoni dwar l-idoneità tal-kandidati. Il-mandat tagħhom huwa għal sitt snin u jista’ jiġġedded. Huma jinnominaw minn fosthom, għal tliet snin, il-President u l-Viċi President. Huma jaħtru r-Reġistratur għal mandat ta’ sitt snin.
L-Imħallfin jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’imparzjalità u b’indipendenza sħiħa.
Fil-kuntest tat-trasferiment parzjali, mill-1 ta’ Ottubru 2024, tal-kompetenza preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja lill-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar eleġġiet lil J. Martín y Pérez de Nanclares u lil M. Brkan bħala l-Imħallfin mitluba jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ Avukat Ġenerali għat-trattament tat-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari, u lil I. Gâlea bħala sostitut fil-każ ta’ impediment.

M. van der Woude

S. Papasavvas

A. Marcoulli

R. da Silva Passos

J. Svenningsen

M. J. Costeira

K. Kowalik-Bańczyk

A. Kornezov

L. Truchot

O. Porchia

R. Mastroianni

P. Škvařilová-Pelzl

M. Jaeger

H. Kanninen

J. Schwarcz

M. Kancheva

E. Buttigieg

V. Tomljenović

L. Madise

N. Półtorak

I. Reine

P. Nihoul

U. Öberg

C. Mac Eochaidh

G. De Baere

T. Pynnä

J. Laitenberger

J. Martín y Pérez de Nanclares

G. Hesse

M. Sampol Pucurull

M. Stancu

I. Nõmm

G. Steinfatt

T. Perišin

D. Petrlík

M. Brkan

P. Zilgalvis

K. Kecsmár

I. Gâlea

I. Dimitrakopoulos

D. Kukovec

S. Kingston

T. Tóth

B. Ricziová

E. Tichy-Fisslberger

W. Valasidis

S. Verschuur

S. L. Kalėda

L. Spangsberg Grønfeldt

H. Cassagnabère

R. Meyer

V. Di Bucci
Ordni protokollari b’effett mid-9 ta’ Ottubru 2024
C | Il-ġurisprudenza fl-2024
- Focus Pakkett dwar il-mobbiltà 2020: kompetizzjoni ġusta u titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għal settur tat-toroq iktar sigur, sostenibbli u ġust
- Focus Produzzjoni organika u ttikkettjar ta’ prodotti organiċi
- Focus Aċċess pubbliku għall-kuntratti tax-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID-19
- Focus Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tal-azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina
- Ħarsa lejn l-iktar sentenzi importanti tas-sena

Focus
Pakkett dwar il-mobbiltà 2020: kompetizzjoni ġusta u titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għal settur tat-toroq iktar sigur, sostenibbli u ġust
Sentenza Il-Litwanja et vs Il-Parlament u Il-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2024 (C-541/20 sa C-555/20)
Pakkett dwar il-mobbiltà 2020
Fl-2020, l-Unjoni Ewropea adottat sett ta’ riformi fis-settur tat-trasport bit-triq sabiex jintlaħqu żewġ għanijiet ewlenin:
1. It-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera:
-
– billi jiġi pprojbit li l-mistrieħ ta’ kull ġimgħa jittieħed fil-vetturi;
– billi jiġu żgurati ritorni regolari fil-post ta’ residenza jew fiċ-ċentru operattiv (kull tlieta jew erba’ ġimgħat) sabiex iqattgħu l-perijodu ta’ mistrieħ tagħhom hemmhekk;
– billi tmexxiet ’il quddiem id-data tad-dħul fis-seħħ tal-obbligu li jiġu installati takografi intelliġenti tat-tieni ġenerazzjoni.
2. L-istabbiliment ta’ kompetizzjoni ġusta:
-
– billi jiġi impost ir-ritorn tal-vetturi f’ċentru operattiv li jinsab fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-impriża tat-trasport kull tmien ġimgħat;
– billi jiġi introdott perijodu ta’ stennija ta’ erbat ijiem wara ċiklu ta’ kabotaġġ fi Stat Membru ospitanti (li matulu l-operaturi tat-trasport mhux residenti ma jitħallewx iwettqu operazzjonijiet ta’ kabotaġġ bl-istess vettura f’dan l-Istat Membru);
– billi x-xufiera jiġu kklassifikati bħala “ħaddiema kkollokati” f’ċerti każijiet speċifiċi b’tali mod li jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet tax-xogħol u mir-remunerazzjoni fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti.
Il-kabotaġġ huwa t-trasport imwettaq ġewwa Stat Membru minn operatur tat-trasport mhux stabbilit f’dan l-Istat Membru. Il-kabotaġġ huwa permess sakemm ma jitwettaqx b’mod li tinħoloq attività permanenti fl-imsemmi Stat Membru.
It-takografu intelliġenti tat-tieni ġenerazzjoni huwa apparat elettroniku li jirreġistra l-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ tax-xufiera. Dan jgħin sabiex jiġu żgurati s-sigurtà fit-toroq, l-osservanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera u l-prevenzjoni tal-frodi.
Il-Pakkett dwar il-mobbiltà huwa kkostitwit minn tliet atti leġiżlattivi li jikkonċernaw is-sistema legali tat-trasport bit-triq. Din ir-riforma ambizzjuża ħolqot dibattiti intensi li wasslu għal sensiela ta’ azzjonijiet legali. B’hekk, seba’ Stati Membri – il-Litwanja, il-Bulgarija, ir-Rumanija, Ċipru, l-Ungerija, Malta u l-Polonja – ippreżentaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ħmistax-il rikors għall-annullament ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Pakkett dwar il-mobbiltà.
Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-validità tal-parti l-kbira ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
Filwaqt li rrikonoxxiet li t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera jista’ jwassal għal żieda fl-ispejjeż għall-impriżi tat-trasport, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dawn ir-regoli, applikabbli mingħajr distinzjoni fl-Unjoni kollha, ma jiddiskriminawx kontra l-impriżi tat-trasport stabbiliti fi Stati Membri li jinsabu “fil-periferija tal-Unjoni”. L-eventwali impatt ikbar ta’ dawn ir-regoli fuq ċerti impriżi kien jiddependi mill-għażla ekonomika tagħhom li jipprovdu s-servizzi tagħhom lil riċevituri li jinsabu fi Stati Membri mbiegħda mill-post ta’ stabbiliment tagħhom stess.
Fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala “ħaddiema kkollokati” (li tippermetti lix-xufiera jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet tax-xogħol u mir-remunerazzjoni minima tal-Istat Membru ospitanti, iktar milli dawk, possibbilment inqas favorevoli, tal-Istat ta’ stabbiliment tal-operatur tat-trasport), din hija miżura intiża li tiggarantixxi kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u li tiġġieled kontra l-prattiki ta’ kompetizzjoni żleali. Dan l-iżvilupp, għalkemm ta’ benefiċċju għall-impjegati, wassal għal dibattiti fost l-Istati Membri li wħud minnhom, b’mod partikolari dawk bi spejjeż baxxi tal-pagi, kienu qegħdin jibżgħu minn żieda fl-ispejjeż għall-impriżi tagħhom u mill-kumplessità amministrattiva tar-regoli l-ġodda. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din il-miżura meħuda mil-leġiżlatur tal-Unjoni bil-għan li jintlaħaq bilanċ ġust bejn id-diversi interessi inkwistjoni.
Fir-rigward tal-obbligu li jiġi osservat perijodu ta’ stennija ta’ erbat ijiem wara ċiklu ta’ kabotaġġ fi Stat Membru ospitanti, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dan huwa intiż li jipproteġi lill-impriżi lokali u li jipprevjeni kompetizzjoni żleali, billi jevita li l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ repetuti effettivament iwasslu għal attività permanenti fl-Istat Membru ospitanti. Uħud mill-Istati Membri kkontestaw dan l-obbligu peress li jillimita l-flessibbiltà tal-impriżi billi jobbligahom jaġġustaw ir-rotot tagħhom sabiex jevitaw perjodi ta’ inattività li jwasslu għal telf ta’ dħul. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dawn l-argumenti billi enfasizzat li l-miżura sempliċement tipprojbixxi, matul dan il-perijodu, l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fl-istess Stat Membru ospitanti, u li dan ma jipprekludix it-twettiq ta’ operazzjonijiet oħra ta’ trasport internazzjonali jew ta’ kabotaġġ fi Stati Membri oħra.
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat l-obbligu, għall-vetturi, li jirritornaw fiċ-ċentru operattiv tal-impriża tat-trasport kull tmien ġimgħat. Hija ddeċidiet li l-Parlament u l-Kunsill ma kinux urew li kellhom biżżejjed elementi sabiex jevalwaw il-proporzjonalità ta’ din il-miżura u r-riperkussjonijiet soċjali, ambjentali u ekonomiċi tagħha.

Focus
Produzzjoni organika u ttikkettjar ta’ prodotti organiċi
Sentenza Herbaria Kräuterparadies II (C-240/23)
Il-kumpannija Ġermaniża Herbaria kienet tipproduċi x-xarba “Blutquick”, ikkummerċjalizzata bħala suppliment tal-ikel. Din ix-xarba kien fiha ingredjenti miksuba mill-produzzjoni organika, kif ukoll vitamini mhux veġetali u glukonat tal-ħadid. L-imballaġġ ta’ din ix-xarba kellu fuqu l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni u riferiment għall-“biedja organika kkontrollata”.
F’Jannar 2012, l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu pprojbixxew lil Herbaria milli tirreferi għall-produzzjoni organika protetta peress li d-dritt tal-Unjoni jippermetti li jiżdiedu vitamini u minerali ma’ prodotti pproċessati li jkollhom it-terminu “organiku” fil-każ biss li l-użu tagħhom ikun legalment meħtieġ.
Il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’talba għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest tal-ewwel kawża (Kawża C-137/13), kienet iddeċidiet li l-użu ta’ dawn is-sustanzi għandu jitqies li huwa legalment meħtieġ biss jekk regola tal-Unjoni jew regola nazzjonali konformi teżiġi direttament iż-żieda tagħhom fi prodott tal-ikel sabiex dan ikun jista’ jiġi kkummerċjalizzat. Peress li l-każ tal-vitamini u tal-glukonat tal-ħadid miżjuda mal-“Blutquick” ma kienx jissodisfa dan ir-rekwiżit, ir-rikors ta’ Herbaria kien ġie miċħud mill-qorti Ġermaniża li kienet għamlet ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.
Il-kawża mbagħad tressqet quddiem il-Qorti Amministrattiva Federali Ġermaniża, fejn Herbaria ma baqgħetx tikkontesta l-projbizzjoni tal-indikazzjoni tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, iżda invokat inugwaljanza fit-trattament bejn il-prodott tagħha u prodott simili importat mill-Istati Uniti tal-Amerika.
Fil-fatt, l-Istati Uniti huma rrikonoxxuti mid-dritt Ewropew bħala pajjiż terz li r-regoli ta’ produzzjoni u ta’ kontroll tiegħu huma ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni Ewropea. Skont Herbaria, dan kien jippermetti l-kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti li jikkonformaw mar-regoli ta’ produzzjoni tagħhom bħala prodotti organiċi. Din is-sitwazzjoni kienet twassal, fil-fehma tagħha, għal inugwaljanza fit-trattament peress li l-prodotti kompetituri Amerikani setgħu jużaw il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni mingħajr ma josservaw ir-regoli tal-produzzjoni organika applikabbli fi ħdan l-Unjoni.
Il-Qorti Amministrattiva Federali Ġermaniża staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qieset li huma biss il-prodotti li jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha tar-Regolament dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettjar ta’ prodotti organiċi li jistgħu jużaw il-logo organiku tal-Unjoni. Għalhekk, dan il-logo ma jistax jintuża għal prodotti mmanifatturati f’pajjiż terz skont regoli li huma biss ekwivalenti għal dawk previsti fid-dritt tal-Unjoni. Din il-projbizzjoni tapplika wkoll għall-użu ta’ termini li jirreferu għal din il-produzzjoni.
Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li jekk jiġi permess l-użu ta’ dan il-logo u ta’ dawn it-termini kemm għal prodotti – immanifatturati jew fl-Unjoni jew f’pajjiżi terzi – konformi mal-istandards Ewropej ta’ produzzjoni organika kif ukoll għal prodotti mmanifatturati f’pajjiżi terzi skont standards li huma biss ekwivalenti għal dawk Ewropej, dan jippreġudika l-kompetizzjoni leali fi ħdan is-suq intern. Barra minn hekk, dan jista’ jqarraq bil-konsumaturi, filwaqt li r-raġuni wara l-logo hija li l-konsumaturi jiġu informati b’mod ċar u mhux ambigwu li l-prodott ikun kompletament konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament.
Mill-banda l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-logo ta’ produzzjoni organika tal-pajjiż terz jista’ jintuża għal prodotti mmanifatturati f’dan il-pajjiż, anki meta jkun fih termini li jirreferu għall-produzzjoni organika.

Il-logo organiku tal-Unjoni Ewropea
Il-logo organiku tal-Unjoni Ewropea jagħti identità viżiva koerenti lill-prodotti organiċi tal-Unjoni. Dan jagħmilha iktar faċli għall-konsumaturi jidentifikaw il-prodotti organiċi u jgħin lill-bdiewa jikkummerċjalizzawhom fl-Istati Membri kollha.
Il-logo organiku huwa rriżervat għall-prodotti ċċertifikati bħala organiċi minn organizzazzjoni approvata li tiżgura standards stretti ta’ produzzjoni, ta’ pproċessar, ta’ trasport u ta’ ħażna. Prodott jista’ jkollu fuqu l-logo organiku biss jekk ikun fih mill-inqas 95 % ta’ ingredjenti organiċi, u dan biss jekk il-5 % l-oħra jkunu konformi ma’ kundizzjonijiet stretti. L-istess ingredjent ma jistax ikun preżenti f’forma organika u mhux organika.
Ir-Regolament 2018/848
Ir-Regolament 2018/848, dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettjar ta’ prodotti organiċi, huwa intiż li jiggarantixxi kompetizzjoni leali, il-funzjonament tajjeb tas-suq intern f’dan is-settur u l-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti ttikkettati bħala prodotti organiċi.
Huwa jistabbilixxi regoli ġenerali u ddettaljati dwar il-produzzjoni. Fil-qasam tat-tikkettjar, dan ir-regolament jeżiġi l-osservanza ta’ regoli dwar l-informazzjoni għall-konsumatur, b’mod partikolari sabiex jiġu evitati l-konfużjoni jew il-qerq. Huwa jistabbilixxi wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-tikkettjar ta’ prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni, sabiex jiġu protetti kemm l-interessi tal-operaturi – li jkunu jixtiequ jaraw li l-prodotti tagħhom jiġu identifikati b’mod korrett u jibbenefikaw minn kompetizzjoni ġusta – kif ukoll l-interessi tal-konsumaturi.
Sentenzi oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prodotti organiċi
Sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2017, Kamin und Grill Shop (C-289/16)
Skont ir-Regolament Nru 834/2007, dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettjar ta’ prodotti organiċi, operatur li jikkummerċjalizza prodotti organiċi huwa obbligat jissuġġetta l-impriża tiegħu għal sistema ta’ kontroll. L-operaturi li jbigħu prodotti direttament lill-konsumatur jew lill-utent finali jistgħu jiġu eżentati minn dan l-obbligu taħt ċerti kundizzjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa neċessarju li l-bejgħ isir fil-preżenza kemm tal-operatur jew tal-persunal tiegħu inkarigat mill-bejgħ kif ukoll tal-konsumatur finali. Għalhekk, l-operaturi li jikkummerċjalizzaw dawn il-prodotti online ma jistgħux jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni.
Sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, Œuvre d’assistance aux bêtes d’abattoirs (C-497/17)
Ir-Regolament Nru 834/2007 ma jawtorizzax it-tqegħid tal-logo organiku tal-Unjoni fuq prodotti li joriġinaw minn annimali li kienu s-suġġett ta’ qatla ritwali mingħajr sturdament minn qabel, imwettaq fil-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 1099/2009, dwar il-protezzjoni tal-annimali fil-mument tal-qatla tagħhom.
Sentenza tad-29 ta’ April 2021, Natumi (C-815/19)
Ir-Regolament Nru 889/2008, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 834/2007, jipprekludi l-użu ta’ trab miksub minn sedimenti tal-alka Lithothamnium calcareum mnaddfa, imnixxfa u mitħuna, bħala ingredjent mhux organiku ta’ oriġini agrikola fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi bħalma huma x-xarbiet organiċi (b’mod partikolari xarbiet organiċi abbażi tar-ross u tas-soja) għall-finijiet tat-tisħiħ tagħhom bil-kalċju.

Focus
Aċċess pubbliku għall-kuntratti tax-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID-19
Sentenzi Auken et vs Il-Kummissjoni u Courtois et vs Il-Kummissjoni (T-689/21 u T-761/21)
F’Ġunju 2020, l-Unjoni Ewropea nediet l-istrateġija tagħha għall-akkwist tal-vaċċini kontra l-COVID-19. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ffirmat ftehim mas-27 Stat Membru li kien jawtorizzaha tikkonkludi f’isimhom kuntratti ta’ xiri bil-quddiem mal-manifatturi.
Peress li l-użu bikri tat-tilqim kien fl-interess tas-saħħa pubblika, iż-żmien għall-iżvilupp tal-vaċċini mill-kumpanniji farmaċewtiċi tqassar. Sabiex jikkumpensaw għar-riskji mġarrba minn dawn il-kumpanniji, fl-istrateġija tat-tilqim tagħhom il-Kummissjoni u l-Istati Membri inkludew il-prinċipju ta’ kondiviżjoni tar-riskji bejn il-manifatturi u l-Istati Membri, u b’hekk naqqsu r-responsabbiltà tal-manifattur fil-każ ta’ effetti mhux mixtieqa tal-prodott tiegħu.
Il-verżjonijiet tal-kuntratti ppubblikati kienu ġew redatti, filwaqt li tħalliet barra informazzjoni dwar ir-riskji finanzjarji, id-donazzjonijiet jew il-bejgħ mill-ġdid, kif ukoll dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interessi.
Fl-2021, ċittadini u Membri tal-Parlament Ewropew ikkontestaw ir-rifjut parzjali tal-Kummissjoni Ewropea li tipprovdi aċċess sħiħ għal ċerti dokumenti relatati mal-kuntratti ta’ xiri ta’ vaċċini tal-2020. It-talbiet għal aċċess kienu jirrigwardaw il-klawżoli ta’ kumpens għall-impriżi farmaċewtiċi. Skont dawn il-klawżoli, il-laboratorji kellhom jikkumpensaw lill-vittmi fil-każ ta’ nuqqas marbut ma’ nuqqas intenzjonali jew nuqqas serju matul il-manifattura, filwaqt li, fil-każijiet l-oħra, din ir-responsabbiltà kienet taqa’ fuq l-Istati Membri.
Iċ-ċittadini u l-Membri tal-Parlament Ewropew talbu wkoll aċċess għad-dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interessi tal-membri tat-tim tan-negozjati għax-xiri tal-vaċċini. Huma xtaqu jitfgħu dawl fuq il-mod kif twettqu n-negozjati, b’mod partikolari dwar kuntratt kbir konkluż f’ Mejju 2021 għax-xiri ta’ 1.8 biljuni dożijiet ta’ vaċċin addizzjonali għal ammont ta’ EUR 35 biljun.
Il-Kummissjoni kienet tat biss aċċess parzjali għal dawn id-dokumenti u kienet ippubblikat verżjonijiet redatti tagħhom, filwaqt li invokat il-kunfidenzjalità tan-negozju u l-protezzjoni tal-ħajja privata.
Adita b’żewġ rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali annullathom parzjalment.
Fir-rigward tat-talba għal aċċess usa’ għall-klawżoli ta’ kumpens, il-Qorti Ġenerali fakkret li r-raġuni għall-integrazzjoni tagħhom fil-kuntratti – jiġifieri li jiġu kkumpensati r-riskji mġarrba mill-impriżi farmaċewtiċi marbuta mat-tqassir tal-perijodu għall-iżvilupp tal-vaċċini – kienet ġiet approvata mill-Istati Membri u kienet taqa’ taħt id-dominju pubbliku. Hija ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx uriet kif aċċess usa’ għal dawn il-klawżoli, għal ċerti definizzjonijiet preżenti fil-kuntratti (bħalma kienu dawk ta’ “nuqqas intenzjonali” u tal-“isforzi raġonevoli kollha possibbli”) kif ukoll għad-dispożizzjonijiet dwar id-donazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid tat-tilqim, kien ser jippreġudika konkretament l-interessi kummerċjali tal-impriżi farmaċewtiċi inkwistjoni.
Fir-rigward tat-talba dwar l-iżvelar – fid-dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interessi – tal-identità tal-membri tat-tim tan-negozjati, il-Qorti Ġenerali kkonfermat li din kellha għan ta’ interess pubbliku. Fil-fatt, kien biss l-iżvelar ta’ din l-identità li seta’ jippermetti li tiġi vverifikata l-assenza ta’ sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi fir-rigward tal-membri tat-tim tan-negozjati. Issa, din it-trasparenza tal-proċess tan-negozjati tal-kuntratti ssaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-istrateġija tat-tilqim tal-Kummissjoni u tgħin fil-ġlieda kontra t-tixrid ta’ informazzjoni falza. Il-Qorti Ġenerali għalhekk iddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx ibbilanċjat b’mod korrett l-interessi inkwistjoni, marbuta mal-assenza ta’ kunflitt ta’ interessi u mar-riskju ta’ preġudizzju għall-ħajja privata.
Aċċess pubbliku għal dokumenti: element ewlieni tat-trasparenza
Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huwa intiż li jagħti lill-pubbliku l-iktar dritt ta’ aċċess wiesa’ possibbli għad-dokumenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. L-għan tiegħu huwa li jsaħħaħ it-trasparenza, il-leġittimità u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet.
Madankollu, dan id-dritt ma huwiex assolut. Dan id-dritt huwa suġġett għal eċċezzjonijiet sabiex jiġu protetti ċerti interessi pubbliċi jew privati, bħalma huma s-sigurtà pubblika, il-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet interni u tal-pariri legali, l-interessi finanzjarji, ekonomiċi jew kummerċjali, kif ukoll il-protezzjoni tad-data personali.
L-istituzzjonijiet għandhom jirrikonċiljaw it-trasparenza u l-protezzjoni ta’ dawn l-interessi, billi jevalwaw f’kull każ jekk l-iżvelar ikunx ser ikun ta’ ħsara għalihom. L-iżvelar jista’ finalment ikun meħtieġ jekk jintwera interess pubbliku superjuri.
Fil-każ ta’ rifjut ta’ aċċess, l-applikant jista’ jitlob eżami mill-ġdid mill-istituzzjoni kkonċernata, u mbagħad – fil-każ ta’ rifjut ġdid – jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-Ombudsman Ewropew jew jippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
Uħud mill-prinċipji stabbiliti mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja
Fis-sentenza De Capitani vs Il-Parlament (T-540/15), il-Qorti Ġenerali qieset li huwa biss f’każijiet debitament iġġustifikati li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jirrifjutaw l-aċċess għal ċerti dokumenti li jagħmlu parti mill-proċess leġiżlattiv.
L-istituzzjoni jew il-korp li jirrifjutaw l-aċċess għandhom juru kif dan ikun ser jikkomprometti b’mod “konkret, effettiv u raġonevolment prevedibbli” l-interess protett minn waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 1049/2001. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C-57/16 P), preġudizzju ipotetiku jew vag ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika tali rifjut.
Il-kwistjoni tal-aċċess għan-noti ppreżentati minn Stat Membru jew minn istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ġiet indirizzata f’diversi sentenzi notevoli. Fil-kawża Il-Kummissjoni vs Breyer (C-213/15 P), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li n-noti ta’ Stat Membru, miżmuma mill-Kummissjoni, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. Għalkemm il-kunfidenzjalità ta’ dawn in-noti għandha titħares matul il-proċedura ġudizzjarja, il-Kummissjoni ma tistax, mingħajr raġuni oħra, tirrifjuta li tagħti aċċess għalihom wara l-għeluq tal-proċedura.
Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà stabbilixxiet din il-preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar matul il-proċedura ġudizzjarja fis-sentenza L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni (C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P) għan-noti ppreżentati minn istituzzjoni tal-Unjoni. Madankollu, ladarba l-proċedura tingħalaq, kull talba għal aċċess għandha tiġi evalwata każ b’każ biex jiġi vverifikat jekk japplikawx l-eċċezzjonijiet tar-Regolament.

Focus
Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tal-azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina
Sentenzi Mazepin vs Il-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2024(T-743/22); Fridman et vs Il-Kunsill u Timchenko u Timchenko vs Il-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2024(T-635/22 u T-644/22); NSD vs Il-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2024(T-494/22)
Il-miżuri restrittivi, jew “sanzjonijiet”, huma għodda ewlenija tal-politika estera u ta’ sigurtà tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-miżuri jistgħu jieħdu l-forma ta’ ffriżar tal-assi, ta’ projbizzjonijiet fuq id-dħul fit-territorju tal-Unjoni jew ta’ sanzjonijiet ekonomiċi. L-għan tagħhom huwa li jiddefendu l-valuri fundamentali, l-interessi essenzjali u s-sigurtà tal-Unjoni, billi jagħmlu pressjoni fuq il-persuni jew l-entitajiet fil-mira, inklużi gvernijiet ta’ pajjiżi terzi, sabiex ibiddlu l-politika jew l-imġiba tagħhom.
L-azzjonijiet li jikkompromettu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina meħuda mir-Russja sa mill-2014 u, b’mod partikolari, il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina li bdiet fl-2022, intensifikaw is-sanzjonijiet tal-Unjoni kontra persuni fiżiċi u ġuridiċi li jappoġġaw lill-Gvern Russu. Peress li tqajmu kontestazzjonijiet dwar il-leġittimità u l-portata tagħhom, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill f’dan il-qasam kienu s-suġġett ta’ għexieren ta’ kawżi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
Dawn il-kawżi jirriflettu eżerċizzju ta’ konċiljazzjoni bejn is-severità tas-sanzjonijiet imposti, meħtieġa għall-effettività tagħhom, u l-protezzjoni tad-drittijiet individwali. Il-Qorti Ġenerali kkonfermat is-setgħat wiesgħa tal-Unjoni sabiex taġixxi kontra l-appoġġ ekonomiku u materjali tal-Gvern Russu, filwaqt li eżiġiet provi u ġustifikazzjoni soda għall-miżuri adottati.
Sentenza NSD vs Il-Kunsill (T-494/22)
Il-Qorti Ġenerali kkonfermat is-sanzjonijiet imposti fuq il-kumpannija Russa National Settlement Depository (NSD). Meqjusa mill-Kunsill bħala essenzjali fis-sistema finanzjarja fir-Russja, din il-kumpannija kienet tipprovdi appoġġ materjali u finanzjarju kemm lill-Gvern kif ukoll lill-Bank Ċentrali Russu.
Il-Qorti Ġenerali rrilevat li, bħala istituzzjoni finanzjarja ta’ importanza sistemika, NSD kienet tiffaċilita l-mobilizzazzjoni mill-Gvern Russu ta’ riżorsi kunsiderevoli, użati għal azzjonijiet ta’ destabbilizzazzjoni tal-Ukraina. Hija ċaħdet ukoll l-argumenti ta’ NSD fis-sens li l-miżuri restrittivi kienu wasslu għall-iffriżar ta’ fondi li kienu jappartjenu lil klijenti li ma kinux suġġetti għas-sanzjonijiet, filwaqt li enfasizzat li dawn tal-aħħar setgħu jadixxu lill-qrati nazzjonali sabiex jikkontestaw ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom, bħala effett kollaterali tal-miżuri applikati kontra NSD.
Sentenza Mazepin vs Il-Kunsill (T-743/22)
Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea annullat iż-żamma ta’ Nikita Mazepin, ex pilota tal-Formula 1, fil-lista tal-persuni suġġetti għas-sanzjonijiet. L-isem tiegħu kien ġie inkluż mill-Kunsill minħabba l-assoċjazzjoni ma’ missieru, Dmitry Mazepin, negozjant ewlieni li l-attività tiegħu kienet tiġġenera dħul sostanzjali għall-Gvern Russu u li allegatament kien l-isponsor prinċipali tal-attivitajiet ta’ ibnu bħala pilota tat-tlielaq fi ħdan it-tim Haas.
Il-Qorti Ġenerali qieset li l-assoċjazzjoni bejn Dmitry Mazepin u ibnu ma kinitx stabbilita b’mod suffiċjenti, filwaqt li rrilevat b’mod partikolari li dan tal-aħħar ma kienx għadu pilota tat-tlielaq fi ħdan it-tim inkwistjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li s-sempliċi relazzjoni familjali ma kinitx biżżejjed, bħala tali, sabiex tipprova interessi komuni ta’ natura li jiġġustifikaw iż-żamma tas-sanzjonijiet fir-rigward ta’ Nikita Mazepin.
Sentenzi Fridman et vs Il-Kunsill u Timchenko u Timchenko vs Il-Kunsill (T-635/22 u T-644/22)
Il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-obbligu għall-persuni u għall-entitajiet issanzjonati li jiddikjaraw il-fondi tagħhom u li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti sabiex tiġi evitata l-evażjoni tal-iffriżar ta’ fondi permezz ta’ arranġamenti legali u finanzjarji. Dawn l-obbligi, stabbiliti mill-Kunsill, tqiesu li huma meħtieġa sabiex jiġu żgurati l-effettività u l-uniformità tas-sanzjonijiet fl-Istati Membri kollha. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll il-kontestazzjonijiet fis-sens li l-Kunsill eżerċita kompetenzi kriminali rriżervati għall-Istati Membri, filwaqt li qieset li dawn il-miżuri ma humiex ta’ natura kriminali u li l-adozzjoni tagħhom tosserva l-qafas kollu previst fid-dritt tal-Unjoni.
Sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea kontra r-Russja
Sa minn Marzu 2014, l-Unjoni imponiet progressivament miżuri restrittivi mmirati fuq ir-Russja b’reazzjoni b’mod partikolari għall-annessjoni illegali tal-Krimea (2014) u għall-aggressjoni militari kontra l-Ukraina (2022).
Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jdgħajfu l-bażi ekonomika tar-Russja, billi jċaħħduha minn teknoloġiji u minn swieq kritiċi u billi jnaqqsu b’mod sinjifikattiv il-kapaċità tagħha għall-gwerra. L-Unjoni adottat ukoll sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja, l-Iran u l-Korea ta’ Fuq b’reazzjoni għall-appoġġ tagħhom għar-Russja fil-gwerra kontra l-Ukraina.
Iktar minn 2 300 persuna u entità (banek, partiti politiċi, kumpanniji, gruppi paramilitari) huma fil-mira tas-sanzjonijiet. Dawn is-sanzjonijiet jinkludu:
- il-projbizzjoni ta’ dħul fl-Unjoni Ewropea;
- l-iffriżar tal-assi;
- l-imblukkar tal-fondi.
Il-Kunsill jistma l-valur tal-assi privati ffriżati fl-Unjoni għal EUR 24.9 biljuni. L-assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja mblukkati fl-Unjoni jammontaw għal EUR 210 biljuni.
Il-miżuri restrittivi, imposti skont id-deċiżjonijiet tal-Kunsill, huma s-suġġett ta’ kontroll kontinwu. Dawn il-miżuri jiġu mġedda, jew jiġu emendati, kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-għanijiet tagħhom ma jkunux intlaħqu.
Ħarsa lejn l-iktar sentenzi importanti tas-sena
Drittijiet fundamentali
L-Unjoni Ewropea tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari permezz tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li telenka d-drittijiet individwali, ċiviċi, politiċi, ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini Ewropej. Ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem huwa wieħed mill-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni u huwa obbligu essenzjali fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-programmi tagħha.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – regoli vinkolanti b’impatt reali
Data personali
L-Unjoni Ewropea għandha leġiżlazzjoni ddettaljata dwar il-protezzjoni tad-data personali. L-ipproċessar u ż-żamma ta’ din id-data għandhom jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet ta’ legalità previsti fil-leġiżlazzjoni, għandhom ikunu limitati għal dak li jkun strettament neċessarju u ma għandhomx jippreġudikaw sproporzjonatament id-dritt għall-ħajja privata.

Il-Qorti tal-Ġustizzja fid-dinja diġitali
Ugwaljanza fit-trattament u dritt industrijali
Fl-Unjoni Ewropea hemm kważi 200 miljun ħaddiem. Għalhekk, għadd kbir ta’ ċittadini jibbenefikaw direttament mid-dispożizzjonijiet tad-dritt industrijali Ewropew li jistabbilixxu standards minimi fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg u b’hekk jikkompletaw il-politiki mħaddna mill-Istati Membri.

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Garanzija ta’ trattament ugwali u ħarsien tad-drittijiet tal-minoranzi
Ċittadinanza Ewropea
Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-Unjoni hija awtomatikament ċittadin tal-Unjoni Ewropea. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija addizzjonali għaċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex. Iċ-ċittadini tal-Unjoni jibbenefikaw minn drittijiet speċifiċi ggarantiti mit-Trattati Ewropej.
Konsumaturi
Il-politika Ewropea dwar il-konsumaturi għandha l-għan li tipproteġi s-saħħa, is-sigurtà kif ukoll l-interessi ekonomiċi u legali tal-konsumaturi, irrispettivament mill-post fejn jirrisjedu jew jiċċaqalqu jew minn fejn jixtru fl-Unjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Garanzija tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-Unjoni Ewropea
Ambjent
L-Unjoni Ewropea timpenja ruħha li tħares u ttejjeb il-kwalità tal-ambjent u li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem. Hija tibbaża ruħha fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ prevenzjoni kif ukoll fuq il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”.

Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-ambjent
Soċjetà tal-informazzjoni
L-Unjoni Ewropea għandha rwol ewlieni fl-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni, bil-għan li toħloq ambjent favorevoli għall-innovazzjoni u għall-kompetittività, filwaqt li tipproteġi d-drittijiet tal-konsumatur u filwaqt li tipprovdi ċertezza legali. Hija tiżgura swieq diġitali ġusti u miftuħa, u tneħħi l-ostakoli għas-servizzi online transkonfinali fis-suq intern sabiex tiżgura l-moviment liberu tagħhom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja fid-dinja diġitali
Kompetizzjoni, għajnuna mill-Istat u deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem
L-Unjoni Ewropea tiżgura l-osservanza tar-regoli li jipproteġu l-kompetizzjoni ħielsa. Il-prattiki li għandhom bħala għan jew bħala effett li jipprekludu, li jillimitaw jew li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern huma pprojbiti u jistgħu jiġu ssanzjonati b’multi. Barra minn hekk, l-għajnuna mill-Istat hija pprojbita meta tkun inkompatibbli mas-suq intern u għalhekk il-Kummissjoni għandha, f’dan ir-rigward, missjoni importanti ta’ kontroll mogħtija lilha mit-Trattati.

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Garanzija li l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea josservaw il-liġi tal-Unjoni
Proprjetà intellettwali
Il-leġiżlazzjoni adottata mill-Unjoni Ewropea sabiex tiġi protetta l-proprjetà intellettwali (drittijiet tal-awtur) u industrijali (dritt tat-trade marks, protezzjoni tad-disinni) ittejjeb il-kompetittività tal-impriżi billi tiffavorixxi ambjent li jinkoraġġixxi l-kreattività u l-innovazzjoni.

Il-Proprjetà Intellettwali fil-Qorti Ġenerali
Politika kummerċjali
Il-politika kummerċjali komuni hija kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea, li permezz tagħha tikkonkludi b’mod partikolari ftehimiet kummerċjali internazzjonali. Il-fatt li l-Unjoni titkellem b’vuċi waħda fil-livell mondjali jqiegħda f’pożizzjoni b’saħħitha fejn jidħol il-kummerċ internazzjonali. Madankollu, l-azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam għandha tosserva l-qafas kostituzzjonali tal-Unjoni.
Migrazzjoni u ażil
L-Unjoni Ewropea adottat sett ta’ regoli għall-istabbiliment ta’ politika Ewropea effettiva, umanitarja u sigura dwar il-migrazzjoni. Is-sistema Ewropea komuni tal-ażil tistabbilixxi standards minimi applikabbli għall-ipproċessar ta’ dawk kollha li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil u tal-applikazzjonijiet tagħhom fl-Unjoni kollha.
Kooperazzjoni ġudizzjarja
L-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jinkludi miżuri li jippromwovu l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri. Din il-kooperazzjoni hija bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u għandha l-għan li tarmonizza d-drittijiet nazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali billi tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi, tal-persuni ssuspettati u tad-detenuti fl-Unjoni.
Politika estera u ta’ sigurtà komuni
Bħala strument essenzjali tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) tal-Unjoni Ewropea, il-miżuri restrittivi jew “sanzjonijiet” jintużaw bħala parti minn azzjoni integrata u komprensiva li tinkludi, fost l-oħrajn, djalogu politiku. L-Unjoni tużahom, b’mod partikolari, sabiex tħares il-valuri, l-interessi fundamentali u s-sigurtà tal-Unjoni, u sabiex tevita l-kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali. Fil-fatt, is-sanzjonijiet huma intiżi li jwasslu għal bidla fil-politika jew fl-aġir min-naħa tal-persuni jew tal-entitajiet koperti, bil-għan li jiġu promossi l-għanijiet tal-PESK.
Id-Direttorat tar-Riċerka u tad-Dokumentazzjoni jipproponi lill-professjonisti tal-liġi, fil-kuntest tal-Kollezzjoni tas-Sunti tiegħu, “Selezzjoni tal-iktar sentenzi importanti” u “Bullettini tal-ġurisprudenza ta’ kull xahar” tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali.