Amministrazzjoni li taqdi l-ġustizzja

A | Daħla mir-Reġistratur
B | L-avvenimenti ewlenin tas-sena
C | Ir-relazzjonijiet mal-pubbliku

 
Start Scroll

A | Daħla mir-Reġistratur

Għaddew għoxrin sena minn meta għaxar Stati Membri ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea, mument ta’ importanza storika fil-ġrajja tal-istituzzjoni tagħna.

Alfredo Calot Escobar

Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja


Għaddew għoxrin sena minn meta għaxar Stati Membri ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea, mument ta’ importanza storika fil-ġrajja tal-istituzzjoni tagħna. Kien jum ta’ ċelebrazzjoni, iżda wkoll mument ta’ sfidi mingħajr preċedent. Meta nħares lura lejn dawn l-għoxrin sena, inkun kburi ngħid li mhux biss għelibna dawn l-isfidi iżda rnexxielna nsiru iktar b’saħħitna.

Illum il-ġurnata nsibu ruħna għaddejjin minn bidliet daqstant ieħor sinjifikattivi għall-istituzzjoni tagħna.

Il-proċedura leġiżlattiva għat-trasferiment tal-kompetenza preliminari lill-Qorti Ġenerali tlestiet. Grazzi għall-isforzi bla waqfien taż-żewġ qrati u ta’ diversi dipartimenti, ittieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel tagħha.

L-istess spirtu ta’ kollaborazzjoni u ta’ adattabbiltà kien il-motivazzjoni wkoll għall-isforzi tagħna f’qasam prinċipali ieħor, dak tat-trasformazzjoni diġitali. Matul is-sena komplejna ntejbu l-kapaċitajiet diġitali tagħna, bl-iżvilupp attiv ta’ proġetti msejsa fuq l-intelliġenza artifiċjali (IA), filwaqt li użajna r-rekwiżiti tal-Att dwar l-IA, li daħal fis-seħħ din is-sena, bħala gwida għal dawn l-inizjattivi. Konxji tal-fatt li l-input mill-bnedmin ser jibqa’ essenzjali għall-użu effettiv tal-għodda tal-IA, nedejna programm komprensiv u estensiv għat-taħriġ fl-IA. Barra minn hekk, id-dipartimenti tat-traduzzjoni legali tagħna kienu minn tal-ewwel li fasslu pjanijiet tax-xogħol f’ambjent dejjem iktar diġitali, u b’hekk stabbilixxew l-istandard li għandu jintlaħaq mid-dipartimenti l-oħra.

Aħna u nkomplu naħdmu fuq il-modernizzazzjoni u l-innovazzjoni, ser ikun daqstant ieħor importanti li niżguraw is-sigurtà u r-reżiljenza tal-infrastruttura diġitali tagħna. Din is-sena daħal fis-seħħ ir-Regolament dwar iċ-ċibersigurtà, li introduċa obbligi sinjifikattivi għall-istituzzjoni tagħha, obbligi li din tal-aħħar għandha twettaq f’perijodu ta’ żmien strett.

Waqt li nħaddnu l-innovazzjoni, l-ideali tal-istituzzjoni, mhux mittiefsa mill-mogħdija taż-żmien, jibqgħu jiggwidaw l-isforzi tagħha. Fil-qofol tas-suċċess tagħha hemm l-iktar assi importanti tagħna: tim ta’ iktar minn 2 000 individwu ddedikat minn madwar il-kontinent kollu, li jaħdmu b’mod armonjuż u kontinwu f’isem il-ġustizzja. Il-veru valur ta’ dan l-isforz kollettiv jinsab fid-diversità tiegħu; it-tgħaqqid ta’ firxa wiesgħa ta’ perspettivi, ta’ kulturi, ta’ esperjenzi u ta’ talenti jsaħħaħ il-kapaċità tagħna li nwettqu l-missjoni tagħna.

Bil-għan li nattiraw u nżommu l-aqwa talenti mill-Istati Membri kollha, matul is-sena komplew inizjattivi sabiex titħares l-attrazzjoni tal-pajjiż ospitanti tagħna bħala post tax-xogħol. Għall-ewwel darba rajna rikonoxximent politiku tal-isfidi uniċi li jaffaċċjaw il-membri tal-persunal fil-Lussemburgu, meta mqabbla mal-kollegi tagħhom fi Brussell. Fi proċedura li bl-ebda mod ma kienet waħda sempliċi, l-awtoritajiet baġitarji laqgħu t-talba tagħna għal allowance temporanja għall-akkomodazzjoni għal kollegi fi gradi salarjali baxxi. Dan kien l-ewwel pass, għalkemm wieħed vitali, sabiex tiġi indirizzata din l-inugwaljanza.

L-impenn tagħna lejn id-diversità jmur lil hinn mill-membri tal-persunal tagħna. Fl‑2024, ħadna inizjattivi ġodda, flimkien mal-European Judicial Training Network (in-Network Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjarju), bil-għan li ntejbu l-bilanċ ġeografiku ta’ professjonisti tal-ġustizzja nazzjonali li jipparteċipaw fit-taħriġ fuq perijodu twil fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn l-isforzi ħallew riżultati konkreti, b’applikazzjonijiet minn kandidati minn tliet Stati Membri ġodda għall-ewwel darba fl-istorja ta’ kważi għoxrin sena tal-programm.

Dan juri wkoll l-impenn fit-tul tagħna lejn it-tisħiħ tad-djalogu mal-qrati nazzjonali, prinċipju li ħdimna fuqu b’mod attiv matul is-sena. Pass sinjifikattiv ieħor fil-promozzjoni tad-djalogu ġudizzjarju ttieħed min-Network Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea: għall-ewwel darba, laqgħa tal-parteċipanti nżammet lil hinn mill-bini tal-istituzzjoni u kienet organizzata flimkien mal-Conseil d’État Belġjan. Dan ta perspettiva ġdida lin-Network u saħħaħ l-idea fundamentali li d-djalogu ġudizzjarju, min-natura tiegħu stess, ma huwiex ristrett mill-konfini istituzzjonali.

Flimkien ma’ dawn l-avvenimenti esterni, il-ħidma tagħna kienet diretta wkoll internament, fejn tennejna l-impenn tagħna lejn l-ogħla standards etiċi li minn dejjem kienu parti integrali mill-identità tagħna. Din is-sena kkonsolidajna dawn l-istandards f’Kodiċi tal-Kondotta applikabbli għall-membri kollha tal-persunal, u b’hekk il-prinċipji tagħna issa jirriflettu l-istandards għolja li kienu stabbiliti għall-Membri.

Bħalma affaċċjajna l-isfidi tat-tkabbir għoxrin sena ilu b’determinazzjoni u b’sens kondiviż ta’ finalità, jiena ċert li għoxrin sena oħra ser inħarsu lura lejn it-trasformazzjonijiet tal-lum bl-istess sens ta’ kburija. L-isfidi li għandna quddiemna llum huma opportunità sabiex inħaddnu l-iżviluppi innovattivi li ser jiggwidaw il-mixja tal-istituzzjoni tagħna lejn il-futur, filwaqt li nonoraw it-tradizzjonijiet b’saħħithom li sawru l-passat tagħha.

B | L-avvenimenti ewlenin tas-sena

Trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari

Bil-għan li l-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu jagħtu ġustizzja ta’ kwalità fi żmien raġonevoli u bil-għan li jinkiseb bilanċ aħjar fit-tqassim tal-volum tax-xogħol bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, fl-1 ta’ Settembru 2024 daħlu fis-seħħ emendi importanti tal-Istatut u tar-Regoli tal-Proċedura. L-emendi tal-Istatut, proposti mill-Qorti tal-Ġustizzja, ġew adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. L-emendi tar-Regoli tal-Proċedura ġew adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali wara l-approvazzjoni tal-Kunsill. Dawn l-emendi jimplimentaw it-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari lill-Qorti Ġenerali u jimmodernizzaw il-proċeduri quddiem iż-żewġ qrati.

L-emendi tal-Istatut u l-implimentazzjoni tagħhom

L-emendi tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ppermettew it-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari lill-Qorti Ġenerali b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2024. Din il-possibbiltà ilha teżisti sa mit-Trattat ta’ Nice ffirmat fl-2001 u saret kunsiderazzjoni konkreta fil-kuntest tar-riforma tal-arkitettura ġudizzjarja tal-Unjoni tal-2015, b’mod partikolari bl-irdoppjar tan-numru ta’ Mħallfin fil-Qorti Ġenerali, numru li ntlaħaq fl-2022.

Il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari ser tiġi eżerċitata f’oqsma speċifiċi, identifikabbli b’mod ċar, li ftit iqajmu kwistjonijiet ta’ prinċipju u li fihom teżisti bażi kunsiderevoli ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tiggwida lill-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza ġdida. Dawn huma barra minn hekk talbiet għal deċiżjoni preliminari li huma mistennija jagħtu lok għal numru suffiċjenti ta’ kawżi ttrasferiti lill-Qorti Ġenerali sabiex dan it-trasferiment ikollu impatt reali f’termini ta’ tħaffif tal-volum tax-xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Dawn l-oqsma speċifiċi huma s-sistema komuni tal-VAT, id-dazji tas-sisa, il-Kodiċi Doganali, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija, il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li jiġu miċħuda milli jitilgħu abbord jew ta’ dewmien jew kanċellazzjoni ta’ servizzi tat-trasport, u s-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.


Tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali

Hawnhekk ġie inkorporat kontenut minn YouTube. Peress li YouTube tista’ tiġbor data personali u tittraċċa l-kontenut li inti tara, aħna ntellgħu l-video biss wara li tagħti l-kunsens tiegħek għall-użu ta’ cookies u teknoloġiji simili hekk kif deskritti fil-politika dwar il-privatezza tagħhom.

L-emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jispeċifikaw, l-ewwel nett, il-modalitajiet tat-trattament inizjali tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari bil-għan li jiġi ddeterminat liema qorti għandha tismagħhom. It-tieni nett, dawn ir-Regoli jipprevedu d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi ggarantit trattament malajr tat-talbiet li l-Qorti Ġenerali tibgħat lura lil-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li jkunu jeħtieġu deċiżjoni ta’ prinċipju li tkun tista’ taffettwa l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, l-imsemmija Regoli jipprevedu l-modalitajiet għat-tqegħid fuq l-internet, fi żmien raġonevoli wara l-għeluq tal-kawża, tan-noti jew tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati fir-rinviji għal deċiżjoni preliminari mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut.

L-emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jispeċifikaw il-modalitajiet tat-trattament tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari mgħoddija lill-Qorti Ġenerali. Sabiex il-qrati nazzjonali u l-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut jingħataw l-istess garanziji bħal dawk applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali essenzjalment irriproduċiet id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja applikabbli għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, inklużi dawk dwar il-pubblikazzjoni tan-noti u tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-partijiet interessati.

Emendi importanti oħra jikkonċernaw l-istruttura u l-organizzazzjoni tal-Qorti Ġenerali. Dawn l-emendi jipprevedu l-ħolqien ta’ Awla Intermedja b’disa’ Mħallfin, ippresjeduta mill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari ser jiġu assenjati lil awli b’ħames Imħallfin magħżula speċifikament sabiex jisimgħu dawn il-kawżi, iżda jistgħu jintbagħtu quddiem kulleġġ ġudikanti ieħor, skont l-importanza tad-domandi magħmula.

L-Imħallfin imsejħa sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ Avukat Ġenerali fil-kawżi għal deċiżjoni preliminari (kif ukoll dawk imsejħa sabiex jissostitwixxuhom fil-każ ta’ impediment) għandhom jiġu eletti mill-Qorti Ġenerali u jassistu lill-kulleġġ ġudikanti kompetenti f’kull kawża għal deċiżjoni preliminari, bħalma jagħmlu l-Avukati Ġenerali fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali speċifikat ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali kif ukoll dawk dwar il-modi ta’ preżentata u ta’ notifika tal-atti proċedurali fil-kuntest tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari.

Minħabba l-portata tal-emendi kienet meħtieġa formulazzjoni ġdida tad-Dispożizzjonijiet prattiċi għall-implimentazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

L-emendi l-oħra tar-Regoli tal-Proċedura

Emendi oħra huma intiżi li jtejbu, jissemplifikaw u jimmodernizzaw it-trattament tal-kawżi mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali, filwaqt li ttieħed inkunsiderazzjoni l-esperjenza miksuba matul il-kriżi sanitarja. L-iktar bidla sinjifikattiva għall-Qorti tal-Ġustizzja hija l-possibbiltà – li diġà kienet prevista għall-Qorti Ġenerali – għar-rappreżentanti tal-partijiet jew tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut li jipparteċipaw għal seduta għas-sottomissjonijiet orali permezz ta’ videokonferenza, b’osservanza tal-kundizzjonijiet legali u tekniċi speċifikati fl-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrevediet sensiela ta’ dispożizzjonijiet intiżi li japplikaw għar-rikorsi diretti, fosthom dawk dwar it-trattament kunfidenzjali tal-atti proċedurali, l-adattament tar-rikors fil-mori tal-kawża u r-regoli formali li għandhom jiġu osservati għall-preżentata tal-atti proċedurali.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tax-xandir tas-seduti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa għodda ta’ trasparenza u ta’ aċċessibbiltà tal-ġustizzja, dispożizzjoni ġdida tispeċifika r-regoli applikabbli għax-xandir tas-seduti għas-sottomissjonijiet orali, għas-seduti tal-għoti tas-sentenzi u tal-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali. Min-naħa tagħha, il-Qorti Ġenerali introduċiet dispożizzjonijiet essenzjalment ekwivalenti.

L-esperjenza ta’ Giulia Predonzani, attachée fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali

“Id-dilettanti tal-ġiri jistgħu jqabblu l-formulazzjoni mill-ġdid tal-Istatut mal-maratona li fiha kull dilettant jixtieq li xi darba jipparteċipa...u joħlom dwarha għal iktar minn għoxrin sena. Sabiex wasalna għaliha kellna ngħaddu minn diversi stadji. Fil-fatt, it-tlestija tar-riforma tal-arkitettura ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat lill-Qorti Ġenerali r-riżorsi u l-istruttura li kellha bżonn sabiex tittratta t-talbiet għal deċiżjoni preliminari bil-ħeffa meħtieġa. Madankollu, ma stajniex nieqfu hawn.

Sabiex tipparteċipa f’din il-maratona, il-Qorti Ġenerali kellha wkoll toħloq qafas regolamentari u prattiku adegwat. L-ewwel nett, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-involviment tal-qrati nazzjonali u tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti Ġenerali ma aġġornatx biss ir-Regoli tal-Proċedura tagħha u d-Dispożizzjonijiet Prattiċi għall-Implimentazzjoni tagħhom, iżda wkoll id-deċiżjoni tagħha dwar l-użu tal-applikazzjoni e-Curia kif ukoll it-testi ta’ ‘soft law’, jiġifieri ċ-check-lists, il-formoli u d-dokumenti informattivi l-oħra kollha (ommissjoni ta’ data fil-proċeduri ġudizzjarji, mudelli ta’ rikors). It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kellha tadotta d-deċiżjonijiet dwar il-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-awli tagħha u tad-diversi kulleġġi tagħha, inkluż fir-rigward tal-awla intermedja l-ġdida, u kellha teleġġi l-Avukati Ġenerali għat-trattament tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari. Fl-aħħar nett, sabiex timplimenta proċessi ta’ xogħol ġodda, il-Qorti Ġenerali kellha tikkoordina mal-parteċipanti l-oħra f’din il-maratona, b’mod partikolari d-Direttorat Ġenerali tal-Multilingwiżmu, id-Direttorat tat-Teknoloġiji tal-Informatika u d-Direttorat tar-Riċerka u tad-Dokumentazzjoni. Pass importanti kien il-ħolqien ta’ ‘one-stop shop’: applikazzjoni li tiġbor b’mod ċentrali l-analiżi tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jistgħu jintbagħtu lill-Qorti Ġenerali. Id-djalogu pożittiv mar-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, sieħeb istituzzjonali, kien akkumpanjament kostanti matul il-’perijodu ta’ taħriġ’ kollu.

Preparazzjoni, antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet, xogħol intensiv u fit-tul, u dan kollu fi skeda ta’ żmien ambizzjuża. F’Ottubru 2024, il-membri tal-persunal tal-Qorti Ġenerali u tar-Reġistru tagħha kienu lesti, fl-’istarting blocks’, sabiex jibdew din il-maratona tant mistennija! Sal-aħħar tal-2024, 23 proċess għaddew mill-’one-stop shop’ u finalment 19-il kawża ġew ittrasferiti lill-Qorti Ġenerali. It-tellieqa tkompli u jidher li sejrin tajjeb!”

L-20 anniversarju tat-tkabbir tal-2004

Fl-1 ta’ Mejju 2004, għaxar Stati Membri ġodda ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea: ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja. Dan kien l-ikbar tkabbir tal-Unjoni sal-lum il-ġurnata, kemm f’termini ta’ popolazzjoni kif ukoll bħala numru ta’ pajjiżi.

L-impatt tat-tkabbir tal-2004 fuq il-funzjonament tal-Qrati

Fost id-diversi tkabbir suċċessivi, dak tal-2004 kien l-ikbar wieħed bl-integrazzjoni, f’daqqa, ta’ għaxar Imħallfin ġodda fil-Qorti tal-Ġustizzja u għaxra oħra fil-Qorti Ġenerali.

L-impatt fuq is-sistema lingwistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kien wieħed kunsiderevoli. Il-lingwi uffiċjali żdiedu minn 12 għal 21, li wassal għal żieda esponenzjali fin-numru ta’ kombinazzjonijiet lingwistiċi, minn 110 għal 420.

Il-ħolqien ta’ uffiċċji ġodda u ta’ diviżjonijiet lingwistiċi ġodda kien jeħtieġ sforz strutturali kbir, kemm f’termini ta’ proprjetà immobbli kif ukoll f’termini ta’ reklutaġġ, bil-wasla ta’ diversi mijiet ta’ kollegi ġodda fi żmien sena.

Il-kontribut tal-Istati Membri li ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea fl-2004 kien sostanzjali: f’20 sena, il-qrati tal-għaxar Stati Membri ġodda ressqu kważi 1 300 kawża għal deċiżjoni preliminari.

”Mument kostituzzjonali ġdid għall-Ewropa”

Sabiex tiċċelebra dan l-avveniment storiku, il-Qorti tal-Ġustizzja organizzat, fit-3 ta’ Mejju 2024, kollokju, intitolat “L-20 sena mill-adeżjoni ta’ għaxar Stati mal-Unjoni Ewropea: mument kostituzzjonali ġdid għall-Ewropa”, li laqqa’ mħallfin u rappreżentanti mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet ta’ riflessjoni kollettiva dwar il-kontribut tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-iżvilupp tal-proġett Ewropew u dwar il-kontribut ta’ dawn l-għaxar Stati Membri għall-ordinament ġuridiku komuni.

Il-kollokju tat-3 ta’ Mejju, li l-atti tiegħu jinsabu fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja, indirizza diversi suġġetti, fosthom:

  • il-proċess ta’ adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin, proċess li rrikjeda trasformazzjoni fundamentali fil-leġiżlazzjoni, fl-ispirtu u fil-kultura tal-popli kkonċernati;
  • il-valuri Ewropej komuni u l-kontribut tat-tkabbir tal-2004 għall-iżvilupp tal-Unjoni bħala “Unjoni ta’ valuri”; u
  • il-konverġenza bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri l-ġodda u l-bqija tal-Unjoni.

Il-preżentazzjonijiet mogħtija mill-kelliema u d-diskussjonijiet mal-parteċipanti fakkruna li l-Unjoni Ewropea hija unika sa fejn hija bbażata fuq valuri kondiviżi, li l-iktar importanti fosthom huma d-demokrazija u l-Istat tad-dritt, valuri dawn li kemm l-Unjoni u kemm l-Istati Membri għandhom ikomplu jiddefendu.

Stqarrija minn Ineta Ziemele, Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja, mexxejja tal-grupp ta’ ħidma responsabbli għall-organizzazzjoni tal-avveniment

“L-iskop prinċipali tal-konferenza li fakkret l-20 sena mill-ikbar tkabbir f’daqqa tal-Unjoni Ewropea kien li nirriflettu fuq l-impatt u l-bidla li dan it-tkabbir kellu fuq l-Unjoni. Tqies li dan kien il-mument opportun sabiex niddiskutu u niskambjaw l-esperjenzi u t-tagħlim miksub dwar kif żviluppat u nbidlet l-Unjoni matul l-aħħar 20 sena wara dan l-avveniment storiku.

Il-Qrati tal-Unjoni, fil-preparazzjoni għal din il-konferenza, ipproponew li t-tkabbir tal-2004 jiġi ppreżentat bħala mument ta’ importanza kostituzzjonali – bħala bidla monumentali – li għaqqad l-Ewropa tal-Lvant u l-Ewropa tal-Punent fi proġett kostituzzjonali komuni. L-Unjoni firxet il-valuri u l-prinċipji tagħha f’partijiet tal-Ewropa bi storja partikolarment kumplessa. Filwaqt li l-għaxar Stati Membri ġodda ngħaqdu mal-Unjoni b’determinazzjoni qawwija u b’tama ta’ libertà, ġustizzja u prosperità, l-adeżjoni mal-Unjoni kienet proċess kumpless, u mhux dejjem naturali, u l-Istati kandidati ddedikaw ammont inkredibbli ta’ ħidma u ta’ sforz sabiex jissodisfaw il-kriterji għall-adeżjoni (magħrufa bħala l-kriterji ta’ Kopenħagen), stabbiliti għall-ewwel darba mill-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen fl-1993.

Dak il-jum 20 sena ilu ġab ukoll bidla fundamentali għall-Unjoni fir-rigward tal-oqsma kollha tal-kompetenza tagħha. Mhux dejjem kien faċli li tiġi prevista x’kienet ser tkun din il-bidla, iżda kien evidenti li kien hemm iktar potenzjal għal żvilupp fi ħdan is-suq intern tagħha, u kien hemm diversità kulturali, storika u lingwistika li wittiet it-triq għal u mxiet id f’id mal-iżviluppi futuri politiċi u legali fi ħdan l-Unjoni. L-Unjoni hekk imkabbra kisbet ukoll rwol iktar importanti fuq livell globali.

Karatteristika unika oħra tal-konferenza kienet li l-Qrati tal-Unjoni stiednu kelliema minn kull Stat ikkonċernat li kienu involuti direttament fil-proċess ta’ adeżjoni jew kienu personalitajiet ewlenin b’rwoli importanti inkonnessjoni mas-sħubija tal-Istat jew mal-Unjoni stess. B’hekk il-konferenza kienet opportunità sabiex jiġu espressi opinjonijiet minn diversi dixxiplini fi ħdan ir-riflessjonijiet proposti mill-Qrati tal-Unjoni għal din l-okkażjoni.

Il-konferenza għalqet b’ħarsa ġenerali u impressjonanti lejn l-istorja partikolarment kumpless u ħafna drabi kiefra ta’ dawn l-Istati, mogħtija mill-Professur Norman Davies. Dan id-diskors kien tfakkira importanti tal-fatt li l-valuri tal-Unjoni għandhom jiġu apprezzati ta’ kuljum u li hija meħtieġa ħidma serja minn kulħadd fl-Unjoni sabiex dawn il-valuri jinżammu u jiżviluppaw. B’dawn il-lezzjonijiet jidwu f’widnejna, il-kor tal-Qrati tal-Unjoni kanta kant b’għaxar lingwi, qabel għalaq bix-xogħol ‘Ode to Joy’ ta’ Beethoven, xogħol li għadu jesprimi l-ideal proprju tal-Unjoni: għaqda ta’ aħwa fost ir-razza umana.”

Qafas etiku msaħħaħ għall-membri tal-persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Fid-dawl tan-natura tal-missjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea minn dejjem imponiet fuqha stess l-ogħla rekwiżiti f’termini ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ integrità. L-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti, li huma wkoll valuri li fuqhom hija msejsa l-identità tal-istituzzjoni, hija essenzjali sabiex tiġi ggarantita l-fiduċja fil-ġustizzja Ewropea, kif ukoll il-leġittimità tagħha. Din hija r-raġuni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura li għandha qafas legali intern li jikkorrispondi għall-ogħla standards etiċi u, għalhekk, li tilħaq l-aspettattivi ta’ livell eżemplari mistennija minn istituzzjoni ġudizzjarja

B’hekk, sa mill-bidu l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea osservat regoli etiċi eżiġenti. Il-Membri tal-istituzzjoni (l-Imħallfin, l-Avukati Ġenerali u r-Reġistraturi) u l-membri kollha tal-persunal huma suġġetti għal dawn ir-regoli, inkluż wara li jitilqu mill-Qorti tal-Ġustizzja.

F’kuntest fejn l-aspettattivi ta’ livell eżemplari mistennija mis-servizz pubbliku Ewropew huma dejjem u dejjem ikbar, il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet li tkompli timmodernizza r-regoli interni tagħha fejn tidħol l-etika. Din l-inizjattiva, mibdija fl-2021 bl-emenda tal-Kodiċi ta’ kondotta għall-Membri u għall-ex Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, qiegħda titkompla bl-adozzjoni ta’ Kodiċi ta’ kondotta għall-membri kollha tal-persunal.

B’hekk, ir-regoli li kienu diġà jinsabu fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u fil-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll f’diversi dispożizzjonijiet interni, ġew żviluppati f’iktar dettall, ikkompletati u adattati għar-rekwiżiti ġudizzjarji f’dokument wieħed, il-Kodiċi ta’ kondotta għall-membri tal-persunal, li, wara l-adozzjoni tiegħu mill-Kumitat Amministrattiv, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2024.

Dan il-Kodiċi, li huwa bbażat fuq regoli tal-etika misluta minn diversi sorsi eżistenti, jipprovdi, fil-forma ta’ strument wieħed, aċċess faċli u li jinftiehem għall-membri kollha tal-persunal suġġetti għal dawn ir-regoli. Għal finijiet ta’ trasparenza u ta’ ċertezza, il-Kodiċi huwa intiż li jinterpreta dawn l-obbligi filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-missjoni ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja, u li jispeċifika l-mod kif ser jiġu implimentati. Huwa jsegwi approċċ etiku, ibbażat fuq il-valuri li jiggwidaw l-azzjoni tal-istituzzjoni, espressi bħala standards ta’ aġir eżemplari. Il-Kodiċi jinkludi, barra minn hekk, regoli partikolari għall-membri f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni r-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom, u għar-référendaires, minħabba l-pożizzjoni li jokkupaw fl-uffiċċji tal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali u minħabba l-involviment dirett tagħhom fil-ħidma ġudizzjarja. Dawn ir-regoli jenfasizzaw li d-dmir ta’ livell eżemplari huwa proporzjonat għar-responsabbiltajiet eżerċitati u jispjegaw fid-dettall obbligi speċifiċi fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitt ta’ interessi u tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet esterni, inkluż wara t-tmiem tal-kariga.

C | Ir-relazzjonijiet mal-pubbliku

16 319-il
viżitatur, li minnhom
3 985
professjonist tad-dritt
Viżitaturi virtwali:
7 %
2 493
viżitatur matul il-Jum “Bibien Miftuħa”

Żjarat mill-bogħod – programm edukattiv

Dan il-programm edukattiv virtwali huwa intiż li jippermetti lill-istudenti ta’ bejn il-15 u t-18-il sena jiskopru l-missjoni tal-istituzzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni mill-klassi tagħhom, mingħajr ma jkollhom għalfejn jiġu l-Lussemburgu. Il-programm huma maħsub li jrawwem għarfien fost l-istudenti żgħażagħ, u l-għalliema tagħhom, dwar il-valuri demokratiċi u dwar l-isfidi legali attwali, u li jispjegalhom l-impatt tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej. Fl-2024, madwar 1 300 student kellhom l-opportunità li jżuru l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dan il-programm.

L-uffiċjali tal-istampa fid-Direttorat tal-Komunikazzjoni, li għandhom taħriġ bħala ġuristi, għandhom ir-rwol li jispjegaw is-sentenzi, id-digrieti u l-konklużjonijiet, kif ukoll il-kawżi pendenti, lill-ġurnalisti u lill-korrispondenti mill-Istati Membri kollha. Huma jħejju stqarrijiet għall-istampa sabiex jinformaw lill-ġurnalisti u lill-prattikanti f’ħin reali dwar id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali. Huma jxandru, lill-persuni li jkunu għamlu talba f’dan is-sens lid-Dipartiment tal-Istampa tal-Qorti tal-Ġustizzja, ittri ta’ informazzjoni regolari li jħabbru l-avvenimenti proċedurali u istituzzjonali importanti, kif ukoll l-“info-rapides” dwar kawżi li ma jkunux koperti minn stqarrijiet għall-istampa. Barra minn hemm huma jwieġbu għall-ittri elettroniċi u għat-telefonati taċ-ċittadini.

2 509
stqarrijiet għall-istampa
610
ittri b’informazzjoni
516-il
pubblikazzjoni ta’ informazzjoni “info-rapide”
13 091
tweġiba għal talba għal informazzjoni min-naħa ta’ ċittadini (telefonati u ittri elettroniċi)

Il-Qorti tal-Ġustizzja żżomm preżenza attiva fin-networks soċjali permezz ta’ żewġ kontijiet fuq X (wieħed bil-Franċiż u l-ieħor bl-Ingliż), fuq LinkedIn u fuq Mastodon. In-numru dejjem jikber ta’ abbonati fuq dawn in-networks huwa xhieda tal-interess kontinwu min-naħa tal-pubbliku fl-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din tal-aħħar għandha wkoll profil fuq YouTube fejn toffri aċċess, fl-24 lingwa uffiċjali, għal kontenut awdjoviżiv varju, b’mod partikolari animazzjonijiet intiżi għall-pubbliku ġenerali li jispjegaw kif il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja taffettwa l-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini.

163 000
segwaċi fuq X
+ 2 % meta mqabbla mal-2023
297 346
abbonat fuq LinkedIn
+ 26 % meta mqabbla mal-2023
4 500
abbonat fuq Mastodon
90 000
abbonat u
600 000
videos segwiti fuq YouTube
+ 137 % meta mqabbla mal-2023

Fl-2024, il-Qorti tal-Ġustizzja ppubblikat animazzjoni ġdida: Tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

Hawnhekk ġie inkorporat kontenut minn YouTube. Peress li YouTube tista’ tiġbor data personali u tittraċċa l-kontenut li inti tara, aħna ntellgħu l-video biss wara li tagħti l-kunsens tiegħek għall-użu ta’ cookies u teknoloġiji simili hekk kif deskritti fil-politika dwar il-privatezza tagħhom.

Xandir tas-seduti

Sabiex tiffaċilita l-aċċess għall-attività ġudizzjarja tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja toffri sistema ta’ xandir tas-seduti. L-għoti tas-sentenzi u l-qari tal-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali jixxandru f’ħin dirett fis-sit internet, skont l-iskeda indikata fl-Aġenda ġudizzjarja. Is-seduti għas-sottomissjonijiet orali tal-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja jixxandru wkoll, iżda bi ftit dewmien.

Ir-reġistrazzjoni tibqa’ disponibbli għal xahar.

Qabel ix-xandir tas-seduti għas-sottomissjonijiet orali, rapportaġġ li jispjega l-kawża bil-lingwi tas-seduta jixxandar fis-sit tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll fin-networks soċjali. Fl-2024, ixxandru total ta’ 29 rapportaġġ.

go to top