Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiggarantixxi l-protezzjoni tad-dritt tal-Unjoni
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija waħda minn seba’ istituzzjonijiet Ewropej.
Bħala l-istituzzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni, hija għandha l-missjoni li tiggarantixxi l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni billi tiżgura interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tat-Trattati u billi tiggarantixxi l-istħarriġ tal-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni.
L-istituzzjoni tikkontribwixxi sabiex jitħarsu l-valuri tal-Unjoni u tagħti s-sehem tagħha fil-proġett Ewropew permezz tal-ġurisprudenza tagħha.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija komposta minn żewġ qrati: il-“Qorti tal-Ġustizzja” u l-“Qorti Ġenerali”.
Daħla mill-President
F’kuntest globali kkumplikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rnexxielha żżomm id-direzzjoni tagħha, immexxija mill-missjoni ta’ ġustizzja u ta’ supremazija tad-dritt mogħtija lilha mit-Trattati.

Koen Lenaerts
President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
F’kuntest globali kkumplikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rnexxielha żżomm id-direzzjoni tagħha, immexxija mill-missjoni ta’ ġustizzja u ta’ supremazija tad-dritt mogħtija lilha mit-Trattati. Hija ħadmet bla waqfien sabiex tipproteġi l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u sabiex tikkontribwixxi għall-bini ta’ ordinament ġuridiku komuni għall-Istati Membri. Hija ħadet ukoll passi importanti ġodda li huma, u ser ikunu, essenzjali għall-funzjonament tagħha fis-snin li ġejjin.
Is-sena li għaddiet immarkat il-bidu ta’ era ġdida għall-istituzzjoni u għar-relazzjonijiet ġudizzjarji bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, kif ukoll bejn dawn iż-żewġ qrati u l-qrati tal-Istati Membri tal-Unjoni. It-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja lill-Qorti Ġenerali kien pass importanti fl-iżvilupp tal-arkitettura ġudizzjarja tal-Unjoni. Dan it-trasferiment għandu jiżgura, fl-interess tal-partijiet quddiem il-qrati, tqassim aħjar tal-volum tax-xogħol bejn iż-żewġ qrati filwaqt li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiffoka iktar fuq ir-rwol tagħha bħala qorti kostituzzjonali u suprema tal-Unjoni. Din ir-riforma profonda kienet possibbli bis-saħħa ta’ kooperazzjoni kolleġġjali u effikaċi bejn iż-żewġ qrati matul il-proċess kollu tagħha, mit-tfassil tat-talba għal emenda tal-Istatut indirizzata lil-leġiżlatur tal-Unjoni sal-implimentazzjoni konkreta tagħha. Din tal-aħħar kienet il-frott ta’ kollaborazzjoni mill-qrib bejn ir-Reġistri u d-dipartimenti kkonċernati tal-istituzzjoni, bil-għan li l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tittratta dawn it-tipi ta’ kawżi ġodda fl-aħjar kundizzjonijiet.
Barra minn hekk, f’Mejju 2024, l-istituzzjoni ċċelebrat l-għoxrin anniversarju tal-ikbar tkabbir tal-Unjoni, mhux biss bħala numru ta’ ċittadini u ta’ Stati kkonċernati iżda wkoll minħabba d-dimensjoni simbolika tiegħu. Iċ-ċelebrazzjoni ħadet il-forma ta’ kollokju li enfasizza l-arrikkiment li rriżulta għall-patrimonju komuni tagħna mill-adeżjoni ta’ għaxar Stati ġodda, b’varjetà ġdida ta’ stejjer nazzjonali, ta’ kulturi u ta’ tradizzjonijiet legali. Billi għaqqdet iż-żewġ partijiet tal-kontinent – il-Lvant u l-Punent – fi proġett kostituzzjonali komuni storiku, din l-adeżjoni wriet ukoll b’mod konkret u impressjonanti li l-ideal tal-paċi mmexxi mill-Unjoni jinsab fil-qalba stess tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea.
Fuq livell organizzattiv, is-sena 2024 kienet ikkaratterizzata minn tiġdid parzjali ġdid sinjifikattiv ħafna tal-kompożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, bit-teħid ta’ ġurament minn disa’ Membri ġodda, li ħamsa minnhom kienu preċedentement Imħallfin fil-Qorti Ġenerali. Din ir-riorganizzazzjoni wiesgħa, li kienet ippreċeduta mill-għoti ta’ numru kbir ħafna ta’ sentenzi fl-4 ta’ Ottubru 2024, kienet teħtieġ koordinazzjoni impekkabbli sabiex il-Membri u l-uffiċċji tagħhom jintlaqgħu fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt tagħha fuq it-tkomplija mingħajr xkiel tal-attivitajiet tal-istituzzjoni.
Meta wieħed iħares ’il quddiem lejn l-2025, numru ta’ sfidi interessanti ser jimmotivaw l-istituzzjoni kollha. Dawn ser jikkonċernaw ir-relazzjonijiet esterni, bit-tfassil mill-ġdid tas-sit internet tagħha u tal-magna tat-tiftix tal-ġurisprudenza tagħha, kif ukoll it-tnedija skedata ta’ stazzjoni tat-televiżjoni fuq l-internet iddedikat għall-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-proġetti huma maħsuba li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-professjonisti legali, iżda wkoll sabiex jikkontribwixxu għall-għan fundamentali li l-ġustizzja titqarreb lejn iċ-ċittadini, sabiex ikunu jistgħu jifhmu r-rwol u d-deċiżjonijiet tagħha. Iżda l-isfidi ser jikkonċernaw ukoll il-metodi ta’ ħidma tagħna fil-futur, b’iktar ħidma fuq l-użi potenzjali tal-intelliġenza artifiċjali u fuq il-programm tal-informatika li għandu jipprovdi sistema integrata għall-ġestjoni tal-kawżi. Dawn l-azzjonijiet ser jitwettqu bil-għan li l-istituzzjoni tagħna tkun tista’ ssir iktar effiċjenti, sabiex tkun tista’ tindirizza ż-żieda fin-numru ta’ kawżi, filwaqt li tħares l-ogħla livell ta’ kwalità li teħtieġ il-missjoni ta’ ġustizzja mogħtija lilha u filwaqt li jiġu osservati r-rekwiżiti imperattivi kollha li fuqhom hija bbażata.
