Il-Qorti tal-Ġustizzja ilha għal diversi snin impenjata li ssegwi politika ambjentali ambizzjuża, intiża li tissodisfa l-iktar standards eżiġenti fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli u tal-ħarsien tar-riżorsi naturali. Dan l-impenn ilu rrikonoxxut, mill‑2016, permezz tal-kisba tar-reġistrazzjoni EMAS (Eco-Management and Audit Scheme), ċertifikazzjoni rregolata mill-Unjoni Ewropea li tingħata lill-organizzazzjonijiet li l-politiki ambjentali u l-metodi ta’ ħidma sostenibbli tagħhom jissodisfaw standards stretti.
Fl‑2024 (l-aħħar sena li fiha l-prestazzjoni ambjentali ġiet awditjata u vvalidata minn awditur estern approvat, f’Ottubru 2025), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet, bħal kull sena, progress ġdid fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent.
Fir-rigward tal-enerġija, il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet naqqset b’mod sinjifikattiv il-konsum tagħha f’termini ta’ tisħin u ta’ elettriku. Dan ir-riżultat huwa ferm iktar notevoli meta jitqies li fl‑2024 ġie kkummissjonat park komplet ta’ stazzjonijiet għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi u ibridi.
L-isforzi sabiex jitnaqqas il-konsum tal-karti wkoll ħallew il-frott tagħhom. B’mod partikolari, l-użu tal-karti tal-uffiċċju kompla jonqos b’mod sinjifikattiv bis-saħħa ta’ bidliet fl-użanzi tax-xogħol u tad-diġitalizzazzjoni kontinwa tal-proċeduri u tad-dokumenti.
L-emissjonijiet ta’ CO2, li naqsu b’mod sostanzjali mill-2015, issa qed juru xejra lejn l-istabbilizzazzjoni. Dan l-iżvilupp pożittiv juri l-impatt konkret tal-proġetti mwettqa f’dawn l-aħħar snin, iżda wkoll l-involviment ta’ kuljum min-naħa tal-membri tal-persunal fl-azzjonijiet previsti fil-kuntest tal-politika EMAS.
Grazzi għal-livell ta’ prestazzjoni ambjentali milħuq fl‑2024 u għall-osservanza stretta tar-rekwiżiti tas-sistema EMAS, fl‑2025 il-Qorti tal-Ġustizzja kisbet it-tiġdid, għat-tielet darba, taċ-ċertifikazzjoni EMAS tagħha. Hija għalhekk qiegħda taffronta s-sena 2026 – li ser tkun l-10 sena mir-reġistrazzjoni EMAS tagħha – bl-istess determinazzjoni u bl-istess ambizzjoni li tnaqqas l-impatt ambjentali tagħha.
L-indikaturi ambjentali għall-ilma, għall-iskart, għall-karti, għat-tisħin u għall-elettriku jikkorrispondu għal dawk tas-sena 2024. Il-bidliet jitkejlu meta mqabbla mal‑2015, is-sena ta’ riferiment għall-iskema tal-EMAS.
Azzjonijiet favur l-ambjent
-
Titjib fis-separazzjoni tal-iskart u tnaqqis tal-plastik li jintuża darba biss
-
Parteċipazzjoni fis-sistema ta’ roti self-service Vel’OH! u sostenn għat-traġitti bir-rota u bil-ferrovija għall-ħaddiema transkonfinali
-
Installazzjoni ta’ postijiet għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi
-
Titjib fl-infrastrutturi tat-tisħin, tal-ventilazzjoni, tal-klimatizzazzjoni u tad-dawl
-
Tħaddim ta’ 3 466 m² ta’ ċelloli fotovoltajċi, li jipproduċu 350 204 kWh (ekwivalenti għall-bżonnijiet annwali ta’ 92 familja Lussemburgiża)
L-ekwivalenti full-time (EFT) hija unità li tippermetti li titkejjel l-attività professjonali b’mod indipendenti mid-differenzi f’termini ta’ numru ta’ sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa għal kull membru tal-persunal minħabba d-diversi modi kif jiġi organizzat il-ħin tax-xogħol.