Ħarsa lejn il-futur

 
Start Scroll

© Gediminas Karbauskis

L-innovazzjoni u d-djalogu maċ-ċittadini fil-mira tas-sena 2026

Is-sena 2026 ser tkun importanti għall-Qorti tal-Ġustizzja u ser tkun ikkaratterizzata mill-implimentazzjoni ta’ proġetti li għandhom għan ċar: it-tqarrib tal-ġustizzja Ewropea lejn il-pubbliku, it-tisħiħ tat-trasparenza tal-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja u t-titjib tal-aċċess għall-ġurisprudenza tagħha kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-professjonisti legali.

Din id-dinamika hija riflessa, qabel kollox, fit-tnedija tas-sit internet il-ġdid tal-Qorti tal-Ġustizzja, maħsub sabiex jimmodernizza u jiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-Qorti tal-Ġustizzja minn udjenzi differenti li jkollhom interess f’din l-informazzjoni. Sa minn Jannar 2026, is-sit Curia joffri, bħala riżultat ta’ proċess ta’ disinn kompletament ġdid u ffokat fuq l-esperjenza tal-utent, navigazzjoni iktar ċara u intuwittiva. Dan id-disinn ġdid huwa bbażat fuq ristrutturazzjoni kompleta tal-arkitettura tal-informazzjoni, fuq evoluzzjoni tal-kontenut, imfassal b’lingwaġġ ċar u li jinftiehem, kif ukoll fuq disinn grafiku iktar sempliċi u faċli biex jintuża.

Is-sit il-ġdid jinkludi magna ta’ tfittxija modernizzata li tippermetti konsultazzjoni iktar rapida u preċiża tal-informazzjoni u tar-riżorsi kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm għall-pubbliku ġenerali kif ukoll għall-professjonisti legali. Verżjoni inizjali diġà toffri kapaċitajiet ta’ tfittxija għal dokumenti permezz ta’ test sħiħ u ta’ metadata, imsaħħa b’funzjonalitajiet ġodda. Fil-futur qarib ser titniedi interface avvanzata, maħsuba għal professjonisti legali, li ser tipproponi l-possibbiltà li jitwettqu tfittxijiet iktar iffokati abbażi ta’ diversi kriterji.

Fid-dawl tal-evoluzzjoni fl-użu u b’mod partikolari tal-fatt li l-mezzi awdjoviżivi qegħdin isiru dejjem iktar importanti, is-sit il-ġdid jospita wkoll innovazzjoni, imnedija fl-okkażjoni tad-disinn mill-ġdid tas-sit, fil-forma tal-pjattaforma Curia Web TV. Il-pjattaforma CVRIA Web TV, filwaqt li tikkomplementa l-informazzjoni bil-miktub li tkun tinsab fl-istqarrijiet għall-istampa, tikkomunika, kemm fis-sit internet kif ukoll fin-networks soċjali, sensiela ta’ programmi multilingwi maħsuba sabiex itejbu l-għarfien mill-pubbliku dwar l-Istituzzjoni u sabiex isaħħu t-trasparenza dwar il-funzjonament tagħha.

L-offerta tal-programmi hija msawra sabiex tirrifletti l-kalendarju ġudizzjarju: preżentazzjonijiet li joffru spjegazzjoni dwar is-seduti, xandir iddifferit tas-seduti, xandir dirett tal-qari ta’ konklużjonijiet u tal-għoti ta’ sentenzi, u videos ippreżentati mill-Membri taż-żewġ qrati li jispjegaw id-deċiżjonijiet mogħtija.

Filwaqt li tikkomplementa l-kopertura tal-aħbarijiet ġudizzjarji, Curia Web TV toffri programmi fil-forma ta’ intervisti u ta’ preżentazzjonijiet, kif ukoll kopertura tal-avvenimenti istituzzjonali ewlenin, u b’hekk tipprovdi ħarsa ġenerali vivaċi, edukattiva u konkreta tax-xogħol ta’ kuljum tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Imfassla bil-għan li jilħqu udjenzi differenti, tliet programmi oriġinali jixxandru b’mod regolari fuq din il-pjattaforma. L-ewwel nett, “La Cour des citoyens” (il-Qorti tal-Ġustizzja għaċ-ċittadini) huwa programm edukattiv immirat lejn il-pubbliku ġenerali li jispjega l-kompożizzjoni, il-kompetenzi u l-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u li juri, permezz ta’ eżempji konkreti, l-impatt tad-deċiżjonijiet tagħha fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini. It-tieni nett, maħsub sabiex jindirizza l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, il-programm “Bright” (Dawl) huwa format qasir, divertenti u mingħajr lingwaġġ tekniku, li jintegra informazzjoni grafika, animazzjonijiet u mistoqsijiet magħmula minn viżitaturi żgħażagħ. L-għan ta’ dan il-programm huwa li jrawwem interess fil-proġett Ewropew u li jispjega d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja billi jpinġihom fil-kuntest ta’ kwistjonijiet li jqajmu tħassib ta’ kuljum. Fl-aħħar nett, intiż għal pubbliku iktar informat, il-programm “Open Court” (Qorti miftuħa) jgħaddi l-kelma lill-Membri tal-Istituzzjoni u jixħet dawl, permezz ta’ diskussjonijiet fuq temi speċifiċi, fuq il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-funzjonament tagħha, fuq il-bażi tad-dritt Ewropew, fuq ir-rwol taċ-ċittadini, fuq ir-relazzjonijiet tagħhom mal-istituzzjonijiet, fuq ir-rwol tal-Imħallef u tal-Avukat Ġenerali, fuq ir-rimedji proċedurali li jwasslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll fuq suġġetti ġuridiċi sostantivi.

Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tħares lejn il-futur billi tħaddan it-teknoloġiji ġodda, dan ma jfissirx li nsiet il-pedamenti fundamentali li fuqhom hija msejsa l-evoluzzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fosthom, u l-iktar prominenti, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Sabiex tiċċelebra l-25 anniversarju tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipprokklamata f’Nice fis‑7 ta’ Diċembru 2000, il-Qorti tal-Ġustizzja ser torganizza, fil-bidu tal‑2026, Forum Speċjali tal-Membri tal-Ġudikatura ddedikat għall-kwistjonijiet ewlenin li sawru l-oriġini tal-Karta, l-iżvilupp tagħha, il-futur tagħha, il-bażi tagħha fil-valuri fundamentali tal-Unjoni u r-rwol tagħha fi ħdan is-sistemi legali nazzjonali. Dawn id-diskussjonijiet mal-membri tal-ġudikatura mill-Istati Membri kollha ser jikkontribwixxu għal riflessjoni fil-fond dwar ir-rwol attwali tal-Karta u dwar l-isfidi emerġenti f’termini ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tar-rispett għall-ħajja privata fl-Ewropa.

Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda ssejjes l-azzjoni tagħha fuq politika dinamika ta’ tiġdid u ta’ ftuħ. It-tfassil tas-sit il-ġdid, il-modernizzazzjoni tal-magna ta’ tfittxija fuq dan is-sit u t-tnedija ta’ Curia Web TV jirriflettu x-xewqa li l-azzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun iktar aċċessibbli u faċli biex tinftiehem, filwaqt li ċ-ċelebrazzjoni tal-25 anniversarju tal-Karta ser isservi bħala tfakkira li hija l-espressjoni stess tad-drittijiet individwali ggarantiti liċ-ċittadini mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Dawn l-azzjonijiet kollha juru ambizzjoni ċara: li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun iktar qrib lejn iċ-ċittadini billi tibni u tikkonsolida relazzjoni diretta ta’ fiduċja magħhom, ibbażata fuq il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tagħhom.

go to top