Ħarsa qasira lejn is-sena 2025

A | Sena f’ritratti
B | Sena f’ċifri

 
Start Scroll

A | Sena f’ritratti

Jannar

Impenn solenni mill‑Kummissjoni Ewropea

Fil-kuntest tal-ħatra tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, il-Presidenta tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, kif ukoll il-Membri tal-Kummissjoni, ħadu l-impenn solenni previst fit-Trattati waqt udjenzi solenni organizzati f’Jannar, fi Frar, f’Marzu u f’Mejju.

Frar

Impenn solenni mill‑Ombudsman Ewropew

Teresa Anjinho, eletta mill-Parlament Ewropew bħala Ombudsman Ewropew, ħadet l-impenn solenni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Marzu

Żjara mill-Qorti tal-Ġustizzja lill‑Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

Delegazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, magħmula mir-Reġistratur u mill-kapijiet ta’ diversi dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, marret Strasbourg għal żjara uffiċjali lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Id-delegazzjoni pparteċipat f’diversi diskussjonijiet dwar sfidi komuni u l-opportunitajiet għal kooperazzjoni bejn iż-żewġ qrati.

Marzu

Udjenza solenni ta’ eloġji funebri

Ingħatat tislima solenni lil Uno Lõhmus, l-ewwel Imħallef Estonjan fil-Qorti tal-Ġustizzja (2004‑2013), li miet f’Awwissu 2024, u lil Ena Cremona, l-ewwel Imħallef Malti fil-Qorti Ġenerali (2004‑2012), li mietet f’Mejju 2024.

Marzu

30 sena mill-adeżjoni tal‑Awstrija, tal-Finlandja u tal‑Isvezja

Inżammet ċerimonja fil-Qorti tal-Ġustizzja li tfakkar it-30 anniversarju tal-adeżjoni tal-Awstrija, tal-Finlandja u tal-Isvezja mal-Unjoni Ewropea. Introdotta mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Koen Lenaerts, iċ-ċerimonja kienet tinkludi diskorsi minn personalitajiet magħrufa minn dawn l-Istati Membri, ippreżentati minn Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja.

© European Law Moot Court

April

Finali tal-kompetizzjoni “European Law Moot Court”

Organizzata għall-ewwel darba fl‑1988, l-edizzjoni tal‑2025 ta’ din il-kompetizzjoni universitarja ta’ sottomissjonijiet orali ntrebħet mill-Università ta’ Fribourg (l-Isvizzera).

April

Il-Parlament Ewropew u l-Qorti tal-Ġustizzja jiltaqgħu għad‑djalogu annwali tagħhom

Il-Parlament Ewropew u l-Qorti tal-Ġustizzja ltaqgħu fil-Lussemburgu għat-tieni edizzjoni tad-djalogu annwali tagħhom dwar il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni. Dan id-djalogu twaqqaf bħala parti mir-riforma tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward it-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Qorti Ġenerali f’ċerti oqsma speċifiċi.

Mejju

Il-Qorti tal-Ġustizzja f’Jum l‑Ewropa

Il-Qorti tal-Ġustizzja pparteċipat fil-Villaġġ Ewropew, organizzat fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea fil-Lussemburgu, b’kooperazzjoni mal-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew fil-Lussemburgu. Din is-sena, l-avveniment inżamm f’Echternach, belt fil-lvant tal-Lussemburgu.

Mejju

Tliet xogħlijiet ta’ arti ġodda mislufa lill-Qorti tal-Ġustizzja

F’Mejju, ix-xogħlijiet tal-artista Pollakka Magdalena Abakanowicz, Figury z cyklu Mędrcy (Figuri mis-serje “Għorriefa”), ingħataw uffiċjalment b’self lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Mużew Nazzjonali f’Wrocław, taħt l-awspiċji tal-Istitut Adam Mickiewicz.

F’Ottubru, il-pittura Silence, tal-artista Slovakka Tamara Klimová, ġiet ippreżentata uffiċjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gallerija tal-Belt ta’ Bratislava.

F’Ottubru wkoll, l-iskultura tal-irħam Le buste de Lycurgue ġiet ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Mużew Arkeoloġiku Nazzjonali ta’ Napoli (MANN). Ix-xogħol jirrappreżenta l-leġiżlatur mitiku ta’ Sparta.

Mejju

Xandir dirett ta’ għoti ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali

Għall-ewwel darba, tingħata sentenza tal-Qorti Ġenerali waqt xandira diretta. Dan l-approċċ jagħmel parti mill-iżvilupp tal-mezzi u tal-kanali ta’ komunikazzjoni tal-Istituzzjoni u jirrifletti r-rieda tagħha li tagħmel il-ġustizzja Ewropea iktar aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni.

Ġunju

L-ewwel video qasir spjegattiv iddedikat għal sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja

L-Istituzzjoni nediet format ġdid ta’ komunikazzjoni: videos qosra spjegattivi li fihom Membru tal-Qorti tal-Ġustizzja jippreżenta sentenza. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel id-deċiżjonijiet importanti tagħha iktar viżibbli u aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali u għall-media.

Ġunju

Teħid ta’ ġurament minn Membri ġodda

F’udjenza solenni, Marko Bošnjak ħa l-ġurament fl-okkażjoni tad-dħul fil-kariga tiegħu bħala Mħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja. Danutė Jočienė u Jörgen Hettne ħadu l-ġurament bħala Mħallfin tal-Qorti Ġenerali.

Lulju

“EU Legal Summer School”

Fil-kuntest tal-promozzjoni tal-Lussemburgu bħala post ta’ impjieg għall-persunal tal-istituzzjonijiet Ewropej, il-Qorti tal-Ġustizzja kkoordinat l-ewwel “EU Legal Summer School”, okkażjoni li laqqgħet iktar minn 30 student u żagħżugħ professjonist ta’ 24 nazzjonalità Ewropea.

Settembru

It-3 edizzjoni tal-Konferenza “EUnited in Diversity”

Il-Qorti Kostituzzjonali tal-Bulgarija ospitat it-3 edizzjoni tal-Konferenza “EUnited in Diversity”, organizzata b’kollaborazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja. Din is-sena, il-konferenza, li laqqgħet il-qrati kostituzzjonali tal-Istati Membri, ffokat fuq ir-rwol tal-ġustizzja kostituzzjonali fl-ordinament ġuridiku komuni tal-Unjoni Ewropea.

Settembru

Dħul fil-kariga ta’ Membri ġodda fil-Qorti tal-Ġustizzja u fil-Qorti Ġenerali u tibdil parzjali tal‑Qorti Ġenerali

Inżammet udjenza solenni fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-okkażjoni tat-tluq ta’ ċerti Membri u tat-teħid ta’ ġurament minn Membri ġodda. Alexander Kornezov sar Imħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-Qorti Ġenerali, daħlu fil-kariga Mħallfin ġodda: Francesco Bestagno, Raffaella Pezzuto u Tanja Pavelin.

Settembru

Elezzjoni mill-ġdid tal-President u tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali

Wara t-tibdil parzjali tal-Membri tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Marc van der Woude ġie elett mill-ġdid bħala President tal-Qorti Ġenerali għall-perijodu 2025‑2028. Savvas Papasavvas ġie wkoll elett mill-ġdid bħala Viċi President għall-istess perijodu.

Settembru

Żjara mill-Qorti tal-Ġustizzja lill‑Qorti Kostituzzjonali tal‑Belġju

Delegazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja żaret lill-Qorti Kostituzzjonali tal-Belġju. Id-diskussjonijiet kienu jikkonċernaw ir-rwol tal-Qorti Kostituzzjonali bħala qorti Ewropea, id-drittijiet tal-barranin, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-bilanċ bejn is-sigurtà u l-ħajja privata f’ambjent diġitali.

Settembru

Żjara mill-Qorti tal-Ġustizzja lill‑Qorti Kostituzzjonali Taljana

Delegazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja żaret lill-Qorti Kostituzzjonali Taljana. Id-diskussjonijiet kienu jikkonċernaw ir-rwol tal-Qorti Kostituzzjonali bħala qorti Ewropea, l-Istat tad-dritt, is-sigurtà u l-ħajja privata, kif ukoll l-ażil u l-migrazzjoni.

Ottubru

Finali tal-Kompetizzjoni tal‑Avukati Żgħażagħ Ewropej

Il-Qorti tal-Ġustizzja ospitat il-finali tal-Kompetizzjoni tal-Avukati Żgħażagħ Ewropej, organizzata mill-Akkademja tal-Liġi Ewropea (ERA). Timijiet minn madwar l-Ewropa applikaw id-dritt tal-Unjoni dwar id-drittijiet diġitali, il-protezzjoni tad-data, l-intelliġenza artifiċjali u l-ġustizzja transkonfinali. Huma għamlu sottomissjonijiet orali quddiem ġurija magħmula minn Imħallfin tal-Qorti Ġenerali u professjonisti legali.

Ottubru

Jum Miftuħ fil-Qorti tal-Ġustizzja

Bħal kull sena, il-Qorti tal-Ġustizzja fetħet il-bibien tagħha għall-pubbliku ġenerali biex turi x-xogħol, l-istorja u l-binjiet tagħha. L-edizzjoni tal‑2025 ospitat kważi 2 600 viżitatur, li esploraw il-bini u l-proċeduri u ltaqgħu mal-persuni li jaħdmu fil-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li skoprew ir-rwol ċentrali tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-missjoni tal-Unjoni Ewropea.

Novembru

Żjara mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Ċipru

Delegazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja żaret Ċipru għal diskussjonijiet mal-Qorti Kostituzzjonali Suprema u mal-Qorti Suprema dwar l-ugwaljanza, il-protezzjoni tad-data u l-proċeduri ta’ ażil. Id-delegazzjoni ltaqgħet ukoll mal-President Nikos Christodoulides, mal-Presidenta tal-Kamra tar-Rappreżentanti Annita Demetriou, mal-Ministru għall-Ġustizzja, Marios Hartsiotis u mal-Prosekutur Ġenerali George Savvides.

Novembru

Żjara mill-Qorti tal-Ġustizzja lill‑Qorti Suprema ta’ Spanja

Delegazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja żaret il-Qorti Suprema ta’ Spanja f’Madrid, fejn intlaqgħet mill-Presidenta tagħha, Isabel Perelló Doménech. Iż-żjara wasslet għal diversi skambji tematiċi dwar id-dritt tal-Unjoni, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-isfidi relatati mal-Istat tad-dritt u mal-indipendenza ġudizzjarja.

Novembru

Żjara mill-Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal-Bniedem lill‑Qorti tal-Ġustizzja

Delegazzjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għamlet żjara uffiċjali lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din iż-żjara kienet tinkludi diversi diskussjonijiet dwar suġġetti ta’ interess komuni, bħalma huma l-aħjar interessi tat-tfal, il-libertà ta’ espressjoni fid-dinja diġitali u l-aċċess għall-proċeduri ta’ ażil.

© Gabinete do Presidente, Supremo Tribunal de Justiça

Novembru

Laqgħa tan-Network Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea

Is-7 edizzjoni tal-laqgħa annwali tal-korrispondenti tan-Network Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea nżammet f’Lisbona, b’rappreżentanti ta’ 47 qorti membru. Din il-laqgħa kienet iddedikata għad-djalogu ġudizzjarju Ewropew, b’attenzjoni partikolari fuq l-obbligu tal-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza li jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari.

Diċembru

Forum tal-Membri tal‑Ġudikatura

Il-Qorti tal-Ġustizzja ospitat madwar 150 membru tal-ġudikatura mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Dan il-forum joffri lill-membri tal-ġudikatura nazzjonali l-opportunità li jiskambjaw opinjonijiet direttament mal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar suġġetti ta’ interess komuni, sabiex b’hekk tissaħħaħ il-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali.

Diċembru

Jum ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-diżabbiltà

Sabiex tiċċelebra l-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabbiltà, il-Qorti tal-Ġustizzja organizzat jumejn ta’ sensibilizzazzjoni. Numru ta’ attivitajiet offrew l-opportunità li jiġu skoperti, permezz tal-arti, tal-kultura u tal-komunikazzjoni, il-valuri li jħaddnu l-persuni b’diżabbiltà: kreattività, reżiljenza quddiem ostakoli, awtentiċità u l-abbiltà li jkunu sors ta’ ispirazzjoni għal kulħadd.

Diċembru

Il-finali tal-kompetizzjoni Thémis 2025

Il-Qorti tal-Ġustizzja ospitat il-finali tal-kompetizzjoni, miftuħa għall-membri futuri tal-ġudikatura tal-Unjoni f’taħriġ inizjali. Din il-kompetizzjoni hija waħda mill-inizjattivi ewlenin tan-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN). Tmien timijiet minn sitt Stati Membri ppreżentaw il-ħidma tagħhom u t-tim tar-Rumanija rebaħ il-kompetizzjoni din is-sena.

Diċembru

Żjara mill-Kunsill tal-Kmamar tal-Avukati Ewropej (CCBE)

Delegazzjoni miċ-CCBE, li tirrappreżenta l-kmamar tal-avukati ta’ 46 pajjiż u mmexxija mill-president tagħha, Thierry Wickers, għamlet żjara uffiċjali lill-Qorti tal-Ġustizzja. Id-diskussjonijiet kienu jikkonċernaw il-proċeduri ġudizzjarji, l-indipendenza tal-avukati u l-iżviluppi teknoloġiċi, inklużi l-intelliġenza artifiċjali u x-xandir tas-seduti.

B | Sena f’ċifri

L-istituzzjoni fl-2025

81
Imħallef minn
27
Stat Membru
Il-Qorti tal-Ġustizzja
27
Imħallef
11
-il Avukat Ġenerali
Il-Qorti Ġenerali
54
Imħallef
2 302
uffiċjali u membri tal-persunal
61 %
nisa
39 %
rġiel
Baġit: EUR
537
miljun
In-nisa jokkupaw:
54 %
tal-pożizzjonijiet ta’ amministratur
50 %
tal-pożizzjonijiet ta’ tmexxija f’livell intermedju jew superjuri
Il-proporzjon ta’ nisa f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà fi ħdan l-amministrazzjoni jqiegħed lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-medja superjuri tal-istituzzjonijiet Ewropej.
Perċentwali tal-atti proċedurali ppreżentati permezz ta’ e‑Curia:
92 %
quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
97 %
quddiem il-Qorti Ġenerali
12 903
kontijiet ta’ aċċess e‑Curia
e‑Curia hija applikazzjoni informatika li tippermetti lir-rappreżentanti tal-partijiet fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, kif ukoll lill-qrati nazzjonali fil-kuntest tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali, jiskambjaw l-atti proċedurali mar-Reġistri b’mezzi esklużivament elettroniċi.

Is-sena ġudizzjarja (il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali)

1 878
kawża mressqa
2 301
kawża maqtugħa
2 489
kawża pendenti
Tul medju tal-proċeduri:
18.2
xhur

Id-dipartimenti lingwistiċi

Il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala istituzzjoni ġudizzjarja multilingwi, għandha tkun tista’ tittratta kawża tkun xi tkun il-lingwa uffiċjali tal-Unjoni li fiha tkun tressqet. Hija mbagħad tippubblika l-ġurisprudenza tagħha bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

24
lingwa tal-kawża
552
kombinazzjoni lingwistika possibbli
600
ġurista lingwista sabiex jittraduċu d-dokumenti miktuba
1 405 000
paġna għat-traduzzjoni
1 386 000
paġna tradotti
511
seduta u laqgħat li bbenefikaw mill-interpretazzjoni simultanja
69
interpretu għas-seduti għas-sottomissjonijiet orali u għal-laqgħat

Multilingwiżmu fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Garanzija ta’ aċċess ugwali għall-ġustizzja
Fil-Qorti tal-Ġustizzja, it-traduzzjonijiet jitwettqu skont sistema lingwistika obbligatorja, li tipprevedi l-possibbiltà li jintużaw l-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Id-dokumenti li għandhom jiġu tradotti huma kollha testi legali tekniċi ħafna. Huwa għalhekk li d-dipartiment lingwistiku tal-Qorti tal-Ġustizzja jimpjega biss ġuristi lingwisti li jkollhom taħriġ legali sħiħ, kif ukoll għarfien profond ta’ mill-inqas żewġ lingwi uffiċjali minbarra l-ilsien matern tagħhom.
go to top