Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiggarantixxi l-protezzjoni tad-dritt tal-Unjoni
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija waħda minn seba’ istituzzjonijiet Ewropej.
Bħala l-istituzzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni, hija għandha l-missjoni li tiggarantixxi l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni billi tiżgura interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tat-Trattati u billi tiggarantixxi l-istħarriġ tal-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni.
L-istituzzjoni tikkontribwixxi sabiex jitħarsu l-valuri tal-Unjoni u tagħti s-sehem tagħha fil-proġett Ewropew permezz tal-ġurisprudenza tagħha.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija komposta minn żewġ qrati: il-“Qorti tal-Ġustizzja” u l-“Qorti Ġenerali”.
Daħla mill-President
Kull sena, il-Panorama, ir-rapport annwali tal-Qorti tal-Ġustizzja, joffri ħarsa lura lejn l-avvenimenti tas-sena li tkun għadha kemm għaddiet, filwaqt li jagħti ħjiel ta’ x’inhu mistenni fil-futur. Dan ir-rapport annwali huwa wkoll opportunità sabiex inpoġġu l-ħidma tagħna fil-kuntest usa' tal-istorja tal-istituzzjoni tagħna u tal-integrazzjoni Ewropea.
Koen Lenaerts
President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
Fl-10 ta’ Diċembru 1952, waqt l-ewwel seduta tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mit-Trattat ta’ Pariġi, l-Ewwel President tal-qorti, Massimo Pilotti, irrefera fid-diskors tiegħu għall-poeta u politiku Taljan Dante Alighieri: “ubicumque potest esse litigium, ibi debet esse judicium” (“kull fejn jista’ jkun hemm tilwima, għandu jkun hemm ġudizzju”). Huwa fakkar ukoll li l-missjoni tal-Qorti kienet li tiżgura għal kulħadd – “Stati, impriżi jew sempliċi individwi” – ir-rispett tal-limiti li fi ħdanhom kellhom jitwettqu li l-azzjonijiet tal-korpi tal-Komunità.
Fl-istess jum, Jean Monnet sellem lill-qorti l-ġdida “mhux biss bħala l-Qorti tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, iżda wkoll bħala Qorti Federali Ewropea Suprema”, sinjal tal-“preżenza sovrana tad-dritt fil-Komunità”. Iktar minn 70 sena iktar tard, dawn il-prinċipji fundaturi għadhom jispiraw ix-xogħol tagħna ta' kuljum. Dawn il-prinċipji huma riflessi fil-progress li sar fl-2025 u ser jiggwidawna fl-isfidi li qegħdin nistennew fl-2026.
Is-sena 2025 kienet l-ewwel sena sħiħa ta' implimentazzjoni tar-riforma li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru 2024, li tipprevedi t-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Qorti Ġenerali f'sitt oqsma speċifiċi (VAT, dazji tas-sisa, il-Kodiċi Doganali, klassifikazzjoni tat-tariffi, drittijiet tal-passiġġieri u sistema ta' skambju tal-kwoti ta’ emissjonijiet). Ir-riżultati miksuba kienu sodisfaċenti ħafna. Ir-riforma hija bbażata fuq mekkaniżmu ta’ “one-stop shop”, fejn it-talbiet kollha għal deċiżjoni preliminari jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li tiddetermina, wara konsultazzjoni interna, jekk dawn għandhomx jiġu ttrasferiti lill-Qorti Ġenerali jew ittrattati minnha stess. Sa minn meta daħlet fis-seħħ ir-riforma, kważi 100 talba għal deċiżjonijiet preliminari ġew ipproċessati mill-“one-stop shop”, u madwar disgħa minn kull għaxra ġew ittrasferiti lill-Qorti Ġenerali peress li kienu jaqgħu esklużivament f'wieħed mis-sitt oqsma msemmija iktar ’il fuq.
Barra minn hekk, fl-2025, il-kompożizzjoni tal-qrati tal-Unjoni nbidlet diversi drabi. Żewġ Imħallfin ġodda, li wieħed minnhom kien diġà Mħallef fil-Qorti Ġenerali, daħlu fil-kariga fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-Qorti Ġenerali, kien hemm ħames ħatriet ġodda, li tnejn minnhom kienu intiżi li jissostitwixxu membri li saru Mħallfin fil-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, f'Settembru 2025, il-Gvernijiet tal-Istati Membri ġeddew il-mandati ta' 19-il Imħallef tal-Qorti Ġenerali għall-perjodu 2025 sa 2031. Fl-istess ħin, Marc van der Woude ġie elett mill-ġdid bħala President tal-Qorti Ġenerali għat-tielet mandat, u Savvas Papasavvas ġie kkonfermat fil-kariga tiegħu ta’ Viċi President.
Matul is-sena 2025, l-istituzzjoni kompliet tittrasforma l-politika tagħha ta' komunikazzjoni, b'mod partikolari bit-tnedija ta' preżentazzjonijiet qosra awdjoviżivi ppreżentati mill-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-iktar kawżi sinjifikattivi. Imħallef li kien membru tal-awla li tat is-sentenza jippreżenta b’mod konċiż u didattiku l-kwistjonijiet tal-kawża, kif ukoll il-mod kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet il-kwistjonijiet legali mqajma. Fl-istess ħin, kompliet il-ħidma fuq diversi proġetti kbar sabiex ikunu jistgħu jitnedew simultanjament sa minn Jannar 2026: id-disinn mill-ġdid tas-sit internet Curia, il-portal ewlieni tal-istituzzjoni, l-iżvilupp ta' magna ta’ tfittxija ġdida u l-evoluzzjoni ta’ Curia Web TV, li sa issa kienet pjattaforma awdjoviżiva interna, f'għodda ta' komunikazzjoni esterna li tikkomplimenta l-kanali ta' komunikazzjoni eżistenti.
Fir-rigward tal-avvanzi teknoloġiċi, l-intelliġenza artifiċjali tkompli tilgħab rwol importanti fit-trasformazzjoni tal-istituzzjoni. Din is-sena, ġew imnedija jew ippruvati diversi għodod ibbażati fuq din it-teknoloġija, b’mod partikolari Curia AI Brain, pjattaforma interna żviluppata mill-istituzzjoni nnifisha li għandha l-għan li tipprovdi lill-membri tal-persunal b'serje ta' assistenti ta' intelliġenza artifiċjali speċjalizzati, adattati għall-bżonnijiet speċifiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Fl-aħħar nett, fis-7 ta' Diċembru 2025 tfakkar il-25 anniversarju tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Sabiex niċċelebraw dan l-avveniment u l-kontribut tal-Karta għall-ġurisprudenza u għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, il-Forum tal-Membri tal-Ġudikatura li jmiss, li se jsir fil-Qorti tal-Ġustizzja f'Marzu 2026, ser ikun iddedikat kompletament għall-pożizzjoni ċentrali tal-Karta fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.
Permezz ta’ dawn il-proġetti u filwaqt li tħares lejn il-futur b’determinazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ilha mill-1952 leali lejn il-missjoni tagħha: li tiggarantixxi l-osservanza tal-liġi, il-fiduċja taċ-ċittadini u l-istabbiltà tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.