A | Daħla mir-Reġistratur
Is-sena 2025 kienet stadju importanti fl-evoluzzjoni tal-Istituzzjoni – sena ambizzjuża, intiża li ssaħħaħ il-pedamenti li hija mibnija fuqhom, filwaqt li tippreparaha għall-bidliet li qed jistennewha.
Alfredo Calot Escobar
Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja
F’kuntest ikkaratterizzat minn teknoloġiji ġodda, minn ċerti aġġustamenti fis-suq tax-xogħol, iżda wkoll minn aspettattivi kbar mill-Unjoni, huwa importanti li jitfakkru l-valuri li fuqhom huwa bbażat il-funzjonament tal-Qorti tal-Ġustizzja: il-kwalità u l-ħeffa tal-ġustizzja, il-prossimità maċ-ċittadini, id-diversità lingwistika u kulturali kif ukoll ġestjoni ottimali tar-riżorsi fdati lilha. Huwa proprju sabiex jiġi żgurat li dawn il-valuri jinżammu li l-Qorti tal-Ġustizzja temmet diversi proġetti strateġiċi maħsuba sabiex jippermettulha taffronta l-bidliet mistennija.
Fil-qasam ġudizzjarju, is-sena 2025 kienet l-ewwel sena sħiħa mid-dħul fis-seħħ tat-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Qorti Ġenerali. Id-dipartimenti kollha tal-Istituzzjoni, imsaħħa permezz ta’ preparazzjoni fid-dettall, żguraw l-implimentazzjoni bla problemi u kkontrollata tar-riforma, u wrew il-kapaċità tagħhom li jadattaw ruħhom u li jsostnu liż-żewġ qrati fid-dawl tal-isfidi l-ġodda tagħhom. L-ewwel rendikont mislut mill-implimentazzjoni tar-riforma huwa pożittiv ħafna, peress li ntlaħqu l-għanijiet kollha: it-trasferiment jikkontribwixxi għat-titjib tat-trattament tal-kawżi u għall-kisba sħiħa tal-benefiċċji tar-riforma tal-istruttura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għall-benefiċċju tal-partijiet kollha quddiemha. Fl-istess ħin, ir-regoli l-ġodda dwar il-pubblikazzjoni tal-osservazzjonijiet fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari ġew implimentati b’suċċess u jiżguraw komprensjoni aħjar tal-mekkaniżmu tad-deċiżjoni preliminari u tal-kwistjonijiet legali li jkunu qegħdin jiġu diskussi.
It-tqarrib tal-Qorti tal-Ġustizzja lejn iċ-ċittadini kien ukoll wieħed mill-prijoritajiet tas-sena. Id-dipartimenti tal-Istituzzjoni responsabbli għall-komunikazzjoni u għat-teknoloġija tal-informazzjoni, b’ħidma mill-qrib bejniethom, għamlu sforzi kontinwi sabiex jiddisinjaw is-sit internet il-ġdid tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jinkorpora magna ta’ tfittxija ddisinjata kompletament mill-ġdid u li jintegra l-għodda għax-xandir online tas-seduti. Fl-istess ħin, id-diversità tal-kanali ta’ komunikazzjoni ġiet imsaħħa, b’mod partikolari bit-tnedija ta’ Curia Web TV, għodda ġdida, moderna u edukattiva li, permezz ta’ formati awdjoviżivi attraenti, tikkontribwixxi għal komprensjoni aħjar tal-attività ġudizzjarja. Fi kliem ieħor, l-Istituzzjoni issa ma għandhiex biss sit li jinqara aħjar u li huwa iktar faċli għall-utent: hija implimentat, bis-saħħa tal-isforzi sabiex tissaħħaħ il-preżenza tagħha fin-networks soċjali, il-modernizzazzjoni tal-politika tagħha ta’ komunikazzjoni esterna mmirata lejn il-pubbliku ġenerali u lejn il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar.
L-attraenza, barra minn hekk, ikkostitwixxiet il-linja gwida tal-politika tar-riżorsi umani tal-Qorti tal-Ġustizzja, li implimentat diversi inizjattivi sabiex issaħħaħ il-kapaċità tagħha li tqajjem l-interess ta’ kandidati mill-Istati Membri kollha u mill-profili kollha. Għalhekk, l-Istituzzjoni impenjat ruħha li toħloq proċessi ta’ reklutaġġ iktar attraenti, inklużivi u trasparenti, sabiex tespandi l-għadd ta’ kandidati interessati li jingħaqdu mal-Qorti tal-Ġustizzja. Uħud minn dawn l-azzjonijiet kienu jindirizzaw direttament it-titjib tal-kundizzjonijiet marbuta mal-istages, bil-għan li l-għajnuna mogħtija lill-istagiaires jiggarantixxu aċċess f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza lil kull gradwat żagħżugħ li jkun jixtieq jiskopri l-Istituzzjoni. Azzjonijiet oħra kienu jikkonsistu f’azzjonijiet iktar intensivi ta’ sensibilizzazzjoni fost l-Istati Membri li n-nazzjonalitajiet tagħhom huma inqas irrappreżentati fl-Istituzzjoni, dejjem bix-xewqa li tissaħħaħ id-diversità kulturali u lingwistika tal-persunal tagħha. Fl-aħħar nett, diversi inizjattivi ppermettew lill-Qorti tal-Ġustizzja tiżviluppa iktar il-politika tagħha ta’ aċċessibbiltà u ta’ inklużjoni, sabiex toffri lil persuni b’diżabilità l-opportunità li jingħaqdu mal-Istituzzjoni fuq bażi fit-tul u jgħinuha ssir dejjem iktar ambizzjuża f’dan il-qasam.
Filwaqt li ħaddnet l-ispirtu tagħha ta’ innovazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet passi sinjifikattivi fil-qasam teknoloġiku. Kompliet il-ħidma fuq l-integrazzjoni u l-iżvilupp ta’ għodda bbażata fuq l-intelliġenza artifiċjali, flimkien ma’ xogħol sinjifikattiv, fl-istess ħin, fuq it-tfassil ta’ qafas etiku li huwa kompletament adattat għar-rekwiżiti marbuta mal-missjoni ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tfittex li tiffaċilita l-użu ta’ għodda dejjem iktar promettenti bit-tħejjija ta’ Karta dwar l-etika tal-integrazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali u bit-tfassil ta’ gwida speċifika dwar l-użu tal-għodda tal-IA mnedija fi ħdan l-Istituzzjoni. Madankollu, din l-għodda teħtieġ komprensjoni tajba tal-limiti tagħha, tar-riskji marbuta magħha u tal-ħtieġa li dejjem tiġi żgurata superviżjoni mill-bniedem. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tavvanza b’determinazzjoni, iżda wkoll bi prudenza, b’mod partikolari billi estendiet il-possibbiltajiet ta’ taħriġ offruti lill-membri tal-persunal sabiex jingħataw sostenn fir-rigward ta’ dawn l-użi l-ġodda.
Valuri b’saħħithom, ambizzjonijiet ċari u impenn kontinwu mġedded favur il-kwalità tal-ġustizzja Ewropea: dan jiġbor fil-qosor is-sena 2025, li għandna nkunu kburin biha, għad-dipartimenti tal-Istituzzjoni..
C | Ir-relazzjonijiet mal-pubbliku
Żjarat fil-Qorti tal-Ġustizzja
Bil-għan li tqarreb l-Istituzzjoni lejn iċ-ċittadini, il-Qorti tal-Ġustizzja torganizza żjarat u seminars li jikkontribwixxu għal komprensjoni aħjar tad-dritt tal-Unjoni permezz ta’ programmi mfassla apposta. Iż-żjarat jippermettu li jinftiehmu aħjar ir-rwol tal-qrati tal-Unjoni u l-influwenza konkreta tal-ġurisprudenza tagħhom fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini, filwaqt li s-seminars, prinċipalment immirati lejn il-membri tal-ġudikatura nazzjonali, jinkoraġġixxu d-djalogu bejn l-imħallfin nazzjonali u dawk Ewropej. Il-Qorti tal-Ġustizzja tospita diversi viżitaturi fil-bini tagħha iżda toffri wkoll żjarat virtwali, b’mod partikolari programm edukattiv online li jippermetti lill-istudenti tal-iskejjel sekondarji jitgħallmu dwar il-ġustizzja tal-Unjoni mill-klassi tagħhom. Fl‑2025, 412‑il student tal-iskola sekondarja ħadu sehem f’dan il-programm.
Komprensjoni tal-ġustizzja tal-Unjoni
L-uffiċjali tal-istampa fid-Direttorat għall-Komunikazzjoni, li għandhom taħriġ bħala ġuristi, għandhom ir-rwol li jispjegaw is-sentenzi, id-digrieti u l-konklużjonijiet, kif ukoll il-kawżi pendenti, lill-ġurnalisti u lill-persuni oħra li jkollhom interess. Huma jħejju stqarrijiet għall-istampa sabiex jinformaw lill-ġurnalisti u lill-prattikanti f’ħin reali dwar id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali. Huma jxandru, lill-persuni li jkunu għamlu talba f’dan is-sens lid-Dipartiment għall-Istampa tal-Qorti tal-Ġustizzja, ittri ta’ informazzjoni regolari li jħabbru l-avvenimenti ġudizzjarji (seduti għas-sottomissjonijiet orali, għoti ta’ sentenzi u qari ta’ konklużjonijiet) u istituzzjonali importanti, kif ukoll l-“info-rapides” dwar kawżi li ma jkunux koperti minn stqarrijiet għall-istampa. Barra minn hemm huma jwieġbu għall-ittri elettroniċi u għat-telefonati miċ-ċittadini lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar diversi aspetti tal-attività tagħha (informazzjoni ta’ natura proċedurali, spjegazzjonijiet ta’ sentenzi, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja, għajnuna dwar is-sit internet, eċċ.).
Komunikazzjoni ta’ informazzjoni permezz tan-networks soċjali tal-Qorti tal-Ġustizzja
Bil-għan li tikkomunika informazzjoni b’mod dirett u immedjat, il-Qorti tal-Ġustizzja hija attiva fin-networks soċjali permezz tal-kontijiet LinkedIn u Mastodon tagħha, taż-żewġ kontijiet X tagħha (wieħed bil-Franċiż u l-ieħor bl-Ingliż), kif ukoll permezz tal-kontijiet Bluesky u Threads tagħha. Hija għandha wkoll profil fuq WhatsApp u fuq YouTube fejn tikkomunika bl-24 lingwa uffiċjali permezz ta’ kontenut awdjoviżiv varju, b’mod partikolari animazzjonijiet intiżi għall-pubbliku ġenerali li jispjegaw l-impatt tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini, u x-xandiriet ta’ Curia Web TV. Fl‑2025, il-Qorti tal-Ġustizzja ppubblikat żewġ animazzjonijiet ġodda fuq YouTube
It-Trasparenza tal-Ġustizzja
X’jiġri meta pajjiż ma josservax id-dritt tal-Unjoni?
Il-kont Instagram tal-Qorti tal-Ġustizzja, li nfetaħ fl‑2025, huwa mmirat lejn udjenza usa’ u ta’ età iżgħar, filwaqt li jippromwovi l-attivitajiet tagħha permezz ta’ komunikazzjoni viżiva u attraenti.
In-numru ta’ segwaċi fil-pjattaformi kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja kompla jikber, u jirrifletti l-interess tal-pubbliku fl-attivitajiet tagħha.
Seduti u deċiżjonijiet f’xandiriet diretti
Sabiex tiffaċilita l-aċċess għall-attività ġudizzjarja tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja toffri servizz ta’ xandir tas-seduti.
L-għoti ta’ sentenzi u l-qari ta’ konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali jixxandru f’ħin dirett. Dan japplika wkoll għal ċerti sentenzi u konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali. Fil-każ tas-seduti għas-sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn is-seduti, konformement mar-Regoli tal-Proċedura, jixxandru bi ftit dewmien. Dan japplika għas-seduti għas-sottomissjonijiet orali quddiem is-Seduta Plenarja, l-Awla Manja jew, f’każijiet eċċezzjonali, Awla b’ħames Imħallfin. Ir-reġistrazzjoni video ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali tibqa’ disponibbli fis-sit Curia għal xahar.
Fil-każ tas-sentenzi l-iktar importanti, Imħallef li jkun parti mill-kulleġġ ġudikanti li sema’ l-kawża jippreżenta, b’lingwaġġ ċar u aċċessibbli, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’video spjegattiv ta’ ftit minuti (ara iktar fil-kapitolu “Ġustizzja Ewropea iktar trasparenti”).
Qabel ix-xandir tas-seduti għas-sottomissjonijiet orali, preżentazzjoni qasira tal-kawża bil-lingwi tas-seduta tixxandar fis-sit tal-Qorti tal-Ġustizzja, preżentazzjoni li mbagħad tittella’ fin-networks soċjali.