A | Il-Qorti tal-Ġustizzja fl-2025
Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tisma’ kawżi, prinċipalment, dwar talbiet għal deċiżjoni preliminari. Meta qorti nazzjonali jkollha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni jew dwar il-validità tagħha, hija għandha tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ladarba tingħata d-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja li tindirizza dawn id-dubji, il-qorti nazzjonali tkun tista’ taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Fil-kawżi li jeħtieġu risposta fi żmien qasir ħafna (pereżempju fil-qasam tal-ażil, tal-kontroll mal-fruntieri, tal-ħtif ta’ minuri, eċċ.), hija prevista proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ wkoll tiġi adita b’rikorsi diretti, intiżi jew sabiex jinkiseb l-annullament ta’ att tal-Unjoni (“rikors għal annullament”), jew sabiex jiġi kkonstatat li Stat Membru ma josservax id-dritt tal-Unjoni (“rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu”). Jekk l-Istat Membru ma jikkonformax ruħu mas-sentenza li tkun ikkonstatat in-nuqqas min-naħa tiegħu, rikors ieħor, imsejjaħ “rikors għat-tieni nuqqas”, jista’ jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuqu sanzjoni pekunjarja.
Barra minn hekk, jistgħu jiġu ppreżentati appelli mid-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tannulla dawn id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali.
Fl-aħħar nett, jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talbiet għal opinjoni dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati ta’ ftehim li l-Unjoni jkollha l-intenzjoni li tikkonkludi ma’ Stat terz jew ma’ organizzazzjoni internazzjonali (imressqa minn Stat Membru jew minn istituzzjoni Ewropea).
L-attività u l-evoluzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
Koen Lenaerts
President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
Is-sena 2025 kienet sena kruċjali minn diversi aspetti.
Qabel kollox, hija kienet l-ewwel sena sħiħa ta’ implimentazzjoni tal-aħħar parti tar-riforma tal-arkitettura ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea prevista mir-Regolament 2024/2019 u intiża sabiex ittejjeb il-bilanċ fl-ammont ta’ xogħol bejn iż-żewġ qrati tal-Unjoni bl-għan aħħari li jingħataw deċiżjonijiet ġudizzjarji ta’ kwalità fl-iqsar żmien possibbli.
Din l-aħħar fażi kienet tinkludi b'mod partikolari t-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Qorti Ġenerali, b'effett mill-1 ta' Ottubru 2024, f'sitt oqsma speċifiċi (VAT, dazji tas-sisa, il-Kodiċi Doganali, klassifikazzjoni tariffarja, drittijiet tal-passiġġieri u sistema ta' skambju tal-kwoti ta’ emissjonijiet). Dan it-trasferiment huwa bbażat fuq il-mekkaniżmu ta’ “one-stop shop”, fejn it-talbiet kollha għal deċiżjonijiet preliminari jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Meta talba għal deċiżjoni preliminari taqa' f'wieħed minn dawn is-sitt oqsma, il-President, wara li jinstemgħu l-Viċi President u l-Avukat Ġenerali Ewlieni, jew wara li jikkonsulta mal-Laqgħa Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiddeċiedi jekk din it-talba għandhiex tiġi ttrasferita lill-Qorti Ġenerali jew jekk għandhiex tinżamm quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-2025, mill-74 talba għal deċiżjonijiet preliminari eżaminati mill-“one-stop shop”, 65 ġew ittrasferiti lill-Qorti Ġenerali. Id-deċiżjonijiet ta’ trasferiment setgħu jittieħdu fi żmien qasir bis-saħħa tal-involviment kostanti tal-uffiċċji tal-Imħallfin u tad-dipartimenti, b'mod partikolari tar-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja u tad-Direttorat tar-Riċerka u tad-Dokumentazzjoni.
Fir-rigward tal-estensjoni, mill-1 ta' Settembru 2024, tal-mekkaniżmu għall-ammissjoni preliminari tal-appelli mis-sentenzi u mid-digrieti tal-Qorti Ġenerali dwar id-deċiżjonijiet ta' sitt Bordijiet ta' Appell indipendenti ġodda u dwar tilwimiet relatati mal-eżekuzzjoni ta' kuntratti li jkun fihom klawżola ta' arbitraġġ, din l-estensjoni ġiet implimentata b'mod konsistenti mal-prattika li ġiet żviluppata sa mill-introduzzjoni ta' dan il-mekkaniżmu. B’hekk, mis-36 talba eżaminati mill-Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli, żewġ talbiet, fosthom waħda dwar tilwima ta’ natura kuntrattwali (digriet fil-kawża SC vs Eulex Kosovo C-881/24 P) li issa taqa’ fil-kompetenza ta’ din l-awla, intlaqgħu minħabba li kienu jqajmu kwistjonijiet importanti għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.
Sussegwentement, fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sena 2025 kienet ikkaratterizzata mill-wasla tal-imħallef Sloven il-ġdid, Marko Bošnjak, li ħa l-pożizzjoni li tħalliet vakanti wara li tlifna, fl-20 ta’ Ġunju 2024, lill-għażiż kollega tagħna, Marko Ilešič, u mit-tluq tal-ewwel Imħallef Bulgaru fil-Qorti tal-Ġustizzja, Alexander Arabadjiev, li ġie sostitwit minn Alexander Kornezov, li qabel kien Imħallef fil-Qorti Ġenerali.
Fl-aħħar nett, is-sena 2025 kienet sena importanti fejn tidħol il-politika ta' komunikazzjoni u ta’ trasparenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Sar progress sinjifikattiv sabiex il-ġustizzja Ewropea tkun dejjem eqreb lejn iċ-ċittadini u sabiex il-bżonnijiet tal-professjonisti legali jkunu indirizzati aħjar.
F'termini ta' komunikazzjoni, minbarra t-tnedija ta' programmi awdjoviżivi spjegattivi li fihom il-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja jippreżentaw b'mod qasir uħud mill-iktar sentenzi importanti mogħtija minn din il-qorti, sar progress sinjifikattiv fuq diversi proġetti kbar bil-għan li jiġu implimentati fil-bidu tas-sena 2026: id-disinn mill-ġdid tas-sit internet Curia, l-iżvilupp ta' magna ta’ tfittxija mill-iktar moderni għall-utenti esterni u l-iżvilupp ta’ Curia Web TV f’verżjoni aċċessibbli għall-utenti kollha tal-internet. Dawn l-iżviluppi ser itejbu sinjifikattivament l-aċċess għall-informazzjoni ġudizzjarja għal kulħadd.
Fir-rigward tat-tisħiħ tat-trasparenza tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jissemmew ukoll, minn naħa, il-pubblikazzjoni tan-noti u tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati fil-kawżi għal deċiżjoni preliminari, deċiża fil-kuntest tal-aħħar riforma tas-sistema ġudizzjarja, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni, fl-1 ta' April 2025, tad-deċiżjoni dwar ir-regoli u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tax-xandir tas-seduti. Dan ix-xandir għandu jwassal għal komprensjoni aħjar tar-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-attivitajiet tagħha u għandu jiżgura aċċess usa' kemm għall-motivi, għall-argumenti u għall-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet, kif ukoll għall-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali u għas-sentenzi mogħtija mill-qorti.
Minbarra l-attività ġudizzjarja fil-veru sens tal-kelma tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet bl-isforzi tagħha fil-qasam tat-taħriġ, tal-komunikazzjoni u tal-iskambji mal-qrati tal-Istati Membri. F’dan il-kuntest, fit-3 sal-5 ta’ Settembru 2025 f’Sofija (il-Bulgarija), inżammet it-tielet edizzjoni tal-konferenza “EUnited in diversity”, li tiġbor flimkien il-qrati kostituzzjonali u l-istituzzjonijiet ekwivalenti li jeżerċitaw kompetenza kostituzzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-għan li jingħata spinta lid-djalogu ġudizzjarju u li jissaħħu l-interazzjonijiet fl-ordinament ġuridiku komuni li jikkostitwixxu l-Unjoni u s-sistemi legali tal-Istati Membri. Fl-1 u fit-2 ta’ Diċembru 2025, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet madwar 150 imħallef mill-Istati Membri fl-okkażjoni tal-Forum tal-Membri tal-Ġudikatura annwali tagħha. Dan il-forum, organizzat għall-ewwel darba fl-1968, joffri lill-imħallfin nazzjonali l-opportunità li jiffamiljarizzaw ruħhom mal-funzjonament tal-Qorti tal-Ġustizzja u li jiskambjaw direttament mal-Membri tagħha fi ħdan l-istess istituzzjoni dwar suġġetti ta’ interess komuni, sabiex b’hekk tissaħħaħ il-kooperazzjoni mill-qrib li torbotha mal-qrati nazzjonali. Għandha tiġi indikata wkoll l-iżvilupp tal-laqgħat u tat-taħriġ organizzati fil-qafas tan-Network Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea (NĠUE) u f’kooperazzjoni man-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (NETĠ), b’rabta b’mod partikolari mal-proċedura għal deċiżjoni preliminari. Fl-aħħar nett, f’Diċembru 2025, il-Qorti tal-Ġustizzja ospitat, għall-ewwel darba, il-finali tal-kompetizzjoni Themis organizzata min-NETĠ. Din il-kompetizzjoni prestiġjuża toffri opportunità unika lil imħallfin jew prosekuturi futuri mill-erbat irjieħ tal-Ewropa sabiex itejbu l-għarfien prattiku tagħhom fid-dritt tal-Unjoni, u b’hekk jipparteċipaw fil-konsolidazzjoni ta’ kultura ġudizzjarja komuni fi ħdanha.
Fir-rigward tal-istatistika tas-sena li għaddiet, din għadha turi numru għoli kemm ta' kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (889) u kemm ta’ kawżi magħluqa minnha (774), fejn dan in-numru tal-aħħar huwa dovut, fil-parti l-kbira tiegħu, għat-tibdil parzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-2024. B’hekk, in-numru ta’ kawżi pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2025 kien ta’ 1 322 kawża. It-tul medju tal-proċeduri, meta jitqiesu t-tipi kollha ta’ kawżi, kien, fl-2025, ta’ 16.7 xhur.
Il-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Qorti tal-Ġustizzja hija kkostitwita minn 27 Imħallef u minn 11-il Avukat Ġenerali.
L-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali jinħatru bi ftehim komuni mill-Gvernijiet tal-Istati Membri, wara konsultazzjoni ma’ kumitat responsabbli sabiex jagħti opinjoni dwar l-idoneità tal-kandidati proposti li jaqdu l-funzjonijiet inkwistjoni. Il-mandat tagħhom huwa għal sitt snin u jista’ jiġġedded.
Huma jintgħażlu minn fost personalitajiet li jipprovdu garanzija ta’ indipendenza sħiħa u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jokkupaw, fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, l-ogħla karigi ġudizzjarji, jew li huma ġuristi ta’ kompetenza magħrufa.
L-Imħallfin jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’imparzjalità u b’indipendenza sħiħa.
L-Imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja jaħtru minn fosthom il-President u l-Viċi President. L-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali jaħtru r-Reġistratur għal mandat ta’ sitt snin.
L-Avukati Ġenerali huma mistennija jippreżentaw, b’imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, opinjoni ġuridika, imsejħa “konklużjonijiet”, fil-kawżi li jiġu assenjati lilhom. Dawn il-konklużjonijiet ma humiex vinkolanti, imma jippermettu li tingħata ħarsa addizzjonali lejn is-suġġett tat-tilwima.
Fl-2025, daħlu fil-kariga bħala Mħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja: f'Ġunju, Marko Bošnjak (is-Slovenja), li ħa post Marko Ilešič, u f'Settembru, Alexander Kornezov (il-Bulgarija), li ħa post Alexander Arabadjiev.
K. Lenaerts
T. von Danwitz
F. Biltgen
K. Jürimäe
C. Lycourgos
I. Jarukaitis
M. L. Arastey Sahún
M. Szpunar
I. Ziemele
J. Passer
O. Spineanu-Matei
M. Condinanzi
F. Schalin
J. Kokott
S. Rodin
M. Campos Sánchez-Bordona
E. Regan
N. J. Cardoso da Silva Piçarra
A. Kumin
N. Jääskinen
J. Richard de la Tour
A. Rantos
D. Gratsias
M. Gavalec
N. Emiliou
Z. Csehi
T. Ćapeta
L. Medina
B. Smulders
D. Spielmann
A. Biondi
S. Gervasoni
N. Fenger
R. Frendo
R. Norkus
M. Bošnjak
A. Kornezov
A. Calot Escobar
Ordni protokollari b’effett mis-7 ta’ Ottubru 2025
B | Il-Qorti Ġenerali fl-2025
Il-Qorti Ġenerali tista’ prinċipalment tiġi adita, fl-ewwel istanza, b’rikorsi diretti ppreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi (individwi, kumpanniji, assoċjazzjonijiet, eċċ.), meta dawn ikunu individwalment u direttament ikkonċernati, u mill-Istati Membri kontra l-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll b’rikorsi diretti intiżi li jinkiseb il-kumpens għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet jew mill-membri tal-persunal tagħhom.
Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell, fuq punti ta’ liġi biss, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kawżi li diġà jkunu bbenefikaw minn eżami doppju (minn Bord tal-Appell indipendenti, u mbagħad mill-Qorti Ġenerali), il-Qorti tal-Ġustizzja tisma’ l-appell biss jekk dan l-appell iqajjem kwistjoni ta’ natura sinjifikattiva għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.
Mill-1 ta' Ottubru 2024, il-Qorti Ġenerali għandha wkoll kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, ittrasferiti mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jaqgħu esklużivament taħt wieħed jew iktar mis-sitt oqsma speċifiċi li ġejjin: is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud; id-dazji tas-sisa; il-Kodiċi Doganali; il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda; il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li jiġu miċħuda milli jitilgħu abbord jew ta’ dewmien jew kanċellazzjoni ta’ servizzi tat-trasport; u s-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
Il-parti kbira mill-kawżi mressqa quddiemha huma ta’ natura ekonomika: proprjetà intellettwali (trade marks u disinni tal-Unjoni Ewropea), kompetizzjoni, għajnuna mill-Istat u sorveljanza bankarja u finanzjarja. Il-Qorti Ġenerali hija wkoll kompetenti sabiex taqta’ kawżi fil-qasam tas-servizz pubbliku dwar tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha.
L-attività u l-evoluzzjoni tal-Qorti Ġenerali
Marc van der Woude
President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea
Għall-Qorti Ġenerali, is-sena 2025 kienet ikkaratterizzata b'mod partikolari minn żewġ avvenimenti li seħħew f'Settembru, jiġifieri, minn naħa, it-tibdil parzjali tagħha u, min-naħa l-oħra, it-tmiem tal-perjodu tranżitorju fir-rigward tat-trattament tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari.
Fil-15 ta' Settembru 2025, tliet Membri telqu mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tat-tibdil parzjali, jiġifieri l-Imħallef Vesna Tomljenović, il-President ta’ Awla Roberto Mastroianni u l-Presidenta ta’ Awla Ornelkla Porchia, filwaqt li Alexander Kornezov inħatar bħala Mħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti Ġenerali tirringrazzjahom għall-kontribut siewi tagħhom għall-ġurisprudenza tagħha. Fl-istess data, l-Imħallfin Francesco Bestagno, Raffaella Pezzuto u Tanja Pavelin ħadu l-ġurament bħala Membri ġodda tal-Qorti Ġenerali. Il-kulleġġ il-ġdid ikkostitwit b’dan il-mod imbagħad eleġġa mill-ġdid, għal mandat ta’ tliet snin, il-President u l-Viċi President tal-Qorti Ġenerali kif ukoll għaxar Presidenti ta’ Awla.
Dawn l-avvenimenti kkoinċidew ukoll mat-tmiem tal-perjodu tranżitorju li l-Qorti Ġenerali kienet stabbilixxiet wara t-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Qorti Ġenerali previst fir-Regolament 2024/2019 (riforma li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru 2024). Internament, dan wassal għall-ħolqien ta' żewġ awli speċjalizzati għat-trattament tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, fejn kull waħda minn dawn l-awli hija kkostitwita minn sitt Imħallfin, li wieħed minnhom jiġi elett bħala Avukat Ġenerali għat-trattament ta’ dawn it-talbiet. Fil-fatt, u b'differenza mir-rikorsi diretti, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jiġu inizjalment assenjati lil kulleġġ ġudikanti b’ħames Imħallfin, bla ħsara għall-possibbiltà li kawża mbagħad tintbagħat quddiem kulleġġ ġudikanti differenti. Sabiex jiġi żgurat l-aħjar trattament possibbli tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti Ġenerali eleġġiet ukoll żewġ Imħallfin sabiex jissostitwixxu l-imsemmija Avukati Ġenerali fil-każ ta’ impediment min-naħa tagħhom.
Din ir-riorganizzazzjoni u l-wasla ta' Membri ġodda madankollu kellhom impatt pożittiv fuq l-attività ġudizzjarja tal-Qorti Ġenerali peress li, matul l-2025, din tal-aħħar irnexxielha tagħlaq 1 527 kawża (inklużi 404 kawżi magħquda mressqa minn ex Membri tal-Parlament Ewropew kontra l-Parlament Ewropew dwar l-iskema tal-pensjoni addizzjonali), li huwa rekord storiku assoluta għaliha. Meta jitqiesu d-989 kawża mressqa, in-numru ta' kawżi pendenti fl-aħħar tas-sena naqas għal 1 167. Fir-rigward b'mod aktar partikolari tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, 65 talba ġew ittrasferiti lill-Qorti Ġenerali fl-2025 u 16-il talba ġew deċiżi.
It-tul medju tal-proċeduri kien, meta jitqiesu l-oqsma u d-deċiżjonijiet kollha, ta' 18.9 xhur. Meta l-404 kawżi essenzjalment identiċi jitqiesu daqslikieku kawża waħda, it-tul medju tal-proċeduri jonqos għal 16-il xahar. Għat-trattament tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, dan it-tul kien iqsar u kien ta’ 6.2 xhur.
Fl-2025, 34.7% tal-kawżi magħluqa kienu deċiżi minn kulleġġi ġudikanti kkostitwiti minn ħames Imħallfin (fosthom l-404 kawżi magħquda msemmija iktar ’il fuq). Fost l-iktar kawżi importanti (ara l-kapitolu “Ħarsa lejn l-iktar sentenzi importanti tas-sena”), tnejn minnhom ġew deċiżi mill-Awla Manja, komposta minn 15-il Imħallef, u tnejn mill-Awla Intermedja b’9 Mħallfin, awla li l-Qorti Ġenerali sawret fil-kuntest tal-aħħar riforma tagħha fl-2024. Dawn kienu l-kawżi Stevi u The New York Times vs Il‑Kummissjoni u L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (Awla Manja), kif ukoll il-kawżi magħquda YL vs Il‑Kunsill u YL vs Il‑Kunsill u EUIPO (Awla Intermedja).
Matul din l-ewwel sena sħiħa mit-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari fl-1 ta' Ottubru 2024, il-Qorti Ġenerali rnexxielha tikkonsolida l-missjoni l-ġdida tagħha u tintegra b'mod sħiħ it-trattament ta' dawn it-talbiet fil-funzjonament intern tagħha, filwaqt li fl-istess ħin qatgħet, b’mod ġenerali, numru eċċezzjonalment kbir ta' kawżi. Permezz tat-trattament effettiv u proattiv tal-kawżi, kif il-Qorti Ġenerali rnexxielha turi, din tal-aħħar tinsab lesta, iktar minn qatt qabel, sabiex tindirizza sfidi ġodda.
Żviluppi importanti fil-ġurisprudenza
Savvas Papasavvas
Viċi President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea
Is-sena 2025 kienet ikkaratterizzata prinċipalment mill-effetti tar-riforma introdotta bir-Regolament 2024/2019. Adottata f’kuntest ta’ żieda kemm fin-numru ta’ kawżi għal deċiżjoni preliminari pendenti kif ukoll fit-tul medju tat-trattament tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din ir-riforma tagħmel żewġ bidliet kbar fi ħdan il-Qorti Ġenerali sa fejn toħloq kulleġġ ġudikanti ġdid, minn naħa, u tittrasferixxi parti mill-kompetenza preliminari lill-Qorti Ġenerali, min-naħa l-oħra.
F’dan il-kuntest, l-Awla Intermedja, komposta minn 9 Mħallfin, tat l-ewwel sentenza tagħha u ġiet assenjata diversi kawżi. Il-ħolqien ta' din l-awla kien ir-riżultat tax-xewqa li tinżamm b’mod partikolari l-konsistenza tad-deċiżjonijiet preliminari mogħtija mill-Qorti Ġenerali u tar-rieda li tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.
L-Awla għad-Deċiżjonijiet Preliminari tal-Qorti Ġenerali tat ukoll l-ewwel deċiżjonijiet tagħha. Dawn id-deċiżjonijiet jirrigwardaw żewġ oqsma speċifiċi mis-sitta ttrasferiti lill-Qorti Ġenerali. Dawn l-oqsma kienu, b’mod partikolari, id-dazji tas-sisa u s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud.
Għalhekk, fl-ewwel kawża għal deċiżjoni preliminari deċiża mill-Qorti Ġenerali, li wasslet għas-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2025, Gotek (T-534/24), it-talba kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE u kienet tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn persuna fiżika u l-Ministeru għall-Finanzi tal-Kroazja dwar l-irkupru tad-dazji tas-sisa dovuti minn din il-persuna, fil-kuntest tal-kunsinna fittizja ta’ prodotti suġġetti għas-sisa u li kienu jinsabu fuq fatturi foloz.
Fir-rigward tas-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, fis-sentenza tagħha tas-26 ta' Novembru 2025, Versãofast (T-657/24), il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni dwar talba għal deċiżjoni preliminari li kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE u li kienet tressqet fil-kuntest ta' tilwima bejn Versãofast u l-awtorità tat-taxxa rigward l-attivitajiet ta' intermedjarju tal-kreditu li kienu eżerċitati minn din il-kumpanija u li din l-awtorità tat-taxxa kienet ikklassifikat bħala tranżazzjonijiet ta' negozjar tal-kreditu eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud.
L-Avukati Ġenerali li jassistu lill-Qorti Ġenerali fit-trattament tat-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari ppreżentaw ukoll l-ewwel konklużjonijiet tagħhom.
B’hekk, fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Accorinvest (T-653/24), ippreżentati fid-29 ta' Ottubru 2025, l-Avukata Ġenerali Maja Brkan eżaminat talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, talba li fil-kuntest tagħha l-Qorti Ġenerali hija mitluba tiddetermina jekk il-kontribuzzjoni tariffarja tat-trasport tistax tiġi kklassifikata bħala “taxxa indiretta addizzjonali” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 u jekk taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni.
Min-naħa tiegħu, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża European Air Charter (T-656/24), ippreżentati fis-26 ta' Novembru 2025, l-Avukat Ġenerali José Martín y Pérez de Nanclares eżamina t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Qorti Reġjonali ta' Düsseldorf (il-Ġermanja), li talbet lill-Qorti Ġenerali tippreċiża l-kunċett ta' “rabta kawżali ‘diretta'” bejn il-fatt li sseħħ ċirkustanza straordinarja fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 li tkun affettwat titjira u d-dewmien ta' titjira sussegwenti.
It-trasferiment ta' parti mill-kompetenza preliminari lill-Qorti Ġenerali huwa pass importanti għal din il-qorti li l-missjoni inizjali tagħha kienet li tiddeċiedi tilwimiet li jeħtieġu eżami fil-fond ta' fatti kumplessi u li issa ġiet fdata b’missjoni ta’ djalogu mal-qrati nazzjonali. Is-sena li għaddiet uriet li l-Qorti Ġenerali kienet kapaċi twettaq dak li huwa mistenni minnha, kemm fir-rigward tal-kwalità tal-ewwel deċiżjonijiet tagħha kif ukoll fir-rigward tat-tul medju tal-proċeduri.
Il-Membri tal-Qorti Ġenerali
Il-Qorti Ġenerali hija kkostitwita minn żewġ Imħallfin minn kull Stat Membru.
L-Imħallfin jintgħażlu minn fost persuni li jipprovdu garanzija ta’ indipendenza sħiħa u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jokkupaw l-ogħla karigi ġudizzjarji. Huma jinħatru bi ftehim komuni mill-Gvernijiet tal-Istati Membri, wara konsultazzjoni ma’ kumitat responsabbli sabiex jagħti opinjoni dwar l-idoneità tal-kandidati. Il-mandat tagħhom huwa għal sitt snin u jista’ jiġġedded. Huma jinnominaw minn fosthom, għal tliet snin, il-President u l-Viċi President. Huma jaħtru r-Reġistratur għal mandat ta’ sitt snin.
L-Imħallfin jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’imparzjalità u b’indipendenza sħiħa.
M. van der Woude
S. Papasavvas
E. Buttigieg
N. Półtorak
K. Kowalik-Bańczyk
G. De Baere
M. Sampol Pucurull
P. Škvařilová-Pelzl
K. Kecsmár
I. Gâlea
S. Kingston
S. L. Kalėda
M. Jaeger
H. Kanninen
J. Schwarcz
M. Kancheva
L. Madise
A. Marcoulli
I. Reine
R. da Silva Passos
P. Nihoul
J. Svenningsen
U. Öberg
M. J. Costeira
C. Mac Eochaidh
T. Pynnä
L. Truchot
J. Laitenberger
J. Martín y Pérez de Nanclares
G. Hesse
M. Stancu
I. Nõmm
G. Steinfatt
T. Perišin
D. Petrlík
M. Brkan
P. Zilgalvis
I. Dimitrakopoulos
D. Kukovec
T. Tóth
B. Ricziová
E. Tichy-Fisslberger
W. Valasidis
S. Verschuur
L. Spangsberg Grønfeldt
H. Cassagnabère
R. Meyer
J. Hettne
D. Jočienė
F. Bestagno
R. Pezzuto
T. Pavelin
V. Di Bucci
Ordni protokollari b’effett mis-16 ta’ Settembru 2025
C | Il-ġurisprudenza fl-2025
- Focus Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-“passaporti tad-deheb”
- Focus Id-Direttiva dwar il-pagi minimi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
- Focus Aċċess għall-messaġġi testwali skambjati bejn il-Presidenta tal-Kummissjoni u l-President-Direttur Ġenerali ta' Pfizer
- Focus Soċjetà tal-informazzjoni: l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) u l-pjattaformi online kbar ħafna
- Ħarsa lejn l-iktar sentenzi importanti tas-sena
Focus
Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-“passaporti tad-deheb”
Sentenza Il-Kummissjoni vs Malta (Ċittadinanza permezz ta' investiment) (C-181/23)
Fl-2014, Malta introduċiet mekkaniżmi li kienu jippermettu lil ċittadini ta' pajjiżi terzi jiksbu n-nazzjonalità Maltija billi jagħmlu, bħala korrispettiv, kontribuzzjonijiet finanzjarji u investimenti. Fl-2020, din l-iskema ġiet issostitwita bi programm ġdid ta’ “ċittadinanza permezz ta’ naturalizzazzjoni għal servizzi eċċezzjonali b’investiment dirett”. Din l-iskema kienet tippermetti lil investitur barrani, kif ukoll lil ċerti membri tal-familja tiegħu, jiksbu n-nazzjonalità Maltija billi jħallsu somom kbar ta' flus lill-Istat, jixtru jew jikru proprjetà immobbli Malta, jagħmlu donazzjoni lil organizzazzjoni approvata u jissodisfaw rekwiżit ta’ residenza msejħa legali, li t-tul tagħha seta’ jitnaqqas billi jsir ħlas addizzjonali.
Il-Kummissjoni Ewropea kkunsidrat li dan il-programm kien iqajjem diffikultajiet fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni għaliex l-akkwist minn persuna tan-nazzjonalità ta' Stat Membru jagħtih awtomatikament iċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, il-programm Malti ġdid introdott fl-2020 kien ibbażat fuq loġika essenzjalment tranżazzjonali. Il-kundizzjonijiet finanzjarji kienu l-element ċentrali tiegħu, filwaqt li r-rekwiżit ta’ residenza ma kienx jeħtieġ preżenza effettiva u fit-tul fit-territorju. Il-possibbiltà li t-tul tar-residenza jitnaqqas b’mod sinjifikattiv billi jsir ħlas ogħla kienet turi li r-rabta bejn l-applikant u l-Istat Membru ma kinitx fattur determinanti għall-għoti tan-nazzjonalità. Il-Kummissjoni għalhekk qieset li din l-iskema kienet twassal għal forma ta' kummerċjalizzazzjoni taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li hija inkompatibbli man-natura ta' dan l-istatus.
Il-Kummissjoni fetħet kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li fakkret li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri. Din iċ-ċittadinanza tagħti drittijiet u timponi obbligi, u hija bbażata fuq relazzjoni speċjali ta' solidarjetà u ta’ lealtà bejn l-Istat u ċ-ċittadini tiegħu. Din ir-relazzjoni hija wkoll il-bażi tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri li wasslet għall-introduzzjoni taċ-ċittadinanza Ewropea meta ġie adottat it-Trattat ta' Maastricht, b'kull Stat Membru jaċċetta l-effetti tad-deċiżjonijiet tal-oħrajn f'materji ta' nazzjonalità.
Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, fil-kuntest ta’ dan il-programm, l-għoti tan-nazzjonalità Maltija kien jiddependi prinċipalment mill-osservanza ta' kundizzjonijiet finanzjarji ddeterminati minn qabel u li r-rekwiżit ta’ residenza, peress li ma kienx jeħtieġ prova ta' residenza effettiva fit-tul f'Malta, ma kienx jimplika integrazzjoni effettiva fis-soċjetà Maltija. Hija osservat li dawn il-konstatazzjonijiet ma setgħux jiddaħħlu inkwistjoni permezz tal-verifiki tas-sigurtà u tar-reputazzjoni invokati minn Malta, peress li dawn kienu essenzjalment limitati sabiex jipprevjenu ċerti riskji għall-interess pubbliku.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li programm ta' naturalizzazzjoni bbażat fuq tali proċedura tranżazzjonali kien imur kontra n-natura stess taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Stat Membru li jagħti n-nazzjonalità tiegħu, u għalhekk iċ-ċittadinanza Ewropea, prinċipalment bi skambju għal ħlasijiet jew investimenti ddeterminati minn qabel, mingħajr ma jeħtieġ rabta awtentika ta' solidarjetà u ta’ lealtà bejnu u l-applikant għan-naturalizzazzjoni, jippreġudika l-fiduċja reċiproka li fuqha hija bbażata l-Unjoni.
Għalhekk, billi stabbilixxiet u implimentat dan il-programm ta’ ċittadinanza permezz ta' investiment, Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bħala Stat Membru u kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.
X’inhi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea?
Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea hija waħda mill-aspetti essenzjali tal-proġett Ewropew. Introdotta mit-Trattat ta’ Maastricht u llum ’il ġurnata stabbilita fl-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), hija tagħti lil kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru status komuni, li jiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali mingħajr ma jissostitwixxiha. Dan l-istatus jagħti drittijiet importanti, bħalma huwa d-dritt li wieħed jiċċaqlaq u jgħix liberament fl-Istati Membri, id-dritt li wieħed ivvota u jikkontesta fl-elezzjonijiet muniċipali u Ewropej fl-Istat Membru ta' residenza, kif ukoll id-dritt għall-protezzjoni diplomatika u konsulari minn Stati Membri oħra f'pajjiżi terzi.
Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija bbażata fuq is-solidarjetà u l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħhom. L-għoti tagħha jirriżulta awtomatikament mill-kwalità ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, li hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà bejn dan iċ-ċittadin u dan l-Istat Membru. Hija din ir-relazzjoni partikolari li tiġġustifika l-għoti ta’ drittijiet li huma marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, u li jistgħu jiġu eżerċitati fl-Unjoni kollha.
Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
Sa mill-introduzzjoni tagħha permezz tat-Trattat ta' Maastricht (1993), il-portata preċiża taċ-ċittadinanza tal-Unjoni ġiet iċċarata gradwalment permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Sa mis-sentenza Martínez Sala (C-85/96), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni kien jippermetti, f'ċerti sitwazzjonijiet, li jiġi invokat direttament il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità. Dan l-iżvilupp ġie kkonfermat fis-sentenza Grzelczyk (C-184/99), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja affermat li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija intiża li tkun l-“istatus fundamentali” taċ-ċittadini tal-Istati Membri, affermazzjoni din li kienet tirrappreżenta punt simboliku u ġuridiku importanti fl-integrazzjoni Ewropea.
Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-portata u l-limiti ta’ dan l-istatus. Fis-sentenza Rottmann (C-135/08), hija ddeċidiet li d-deċiżjonijiet nazzjonali dwar it-telf tan-nazzjonalità, meta jwasslu għat-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ftit wara, fis-sentenza Zambrano (C-34/09), hija kkonfermat li wild ta’ età żgħira, li jkollu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru u li għalhekk ikun ċittadin tal-Unjoni, għandu jkun jista’ jgawdi effettivament mis-sustanza tad-drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus. B’hekk, permess ta' residenza ma jistax jiġi miċħud lill-ġenituri tiegħu meta dawn ikunu ċittadini ta' pajjiżi terzi. Jekk il-ġenituri ma jkollhomx tali permess, dan il-wild ikun imġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni sabiex jakkumpanja lill-ġenituri tiegħu u b'hekk jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tas-sustanza tad-drittijiet mogħtija miċ-ċittadinanza tal-Unjoni.
Bl-istess mod, fis-sentenza Stolichna obshtina, rayon “Pancharevo” (C-490/20), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru huwa obbligat jirrikonoxxi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, rabta ta’ filjazzjoni legalment stabbilita fi Stat Membru ieħor ma’ żewġ persuni tal-istess sess sabiex jiggarantixxi lill-wild it-tgawdija effettiva tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, b’mod partikolari l-libertà ta’ moviment. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja b'hekk stabbilixxiet kunċett ta' ċittadinanza Ewropea li tiġi eżerċitata fil-prattika permezz tad-dritt li wieħed jgħix ħajja familjali normali.
Fl-aħħar nett, iktar reċentement, fis-sentenza Udlændinge- og Integrationsministeriet (C-689/21), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, għalkemm l-Istati Membri jibqgħu kompetenti f'materji ta' nazzjonalità, huma għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza b'mod li ma jippreġudikawx b'mod sproporzjonat is-sustanza stess tad-drittijiet mogħtija miċ-ċittadinanza tal-Unjoni, u b'hekk enfasizzat għal darba oħra n-natura ċentrali u protettiva ta' dan l-istatus fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.
Ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt:
- jiċċaqlaq liberament, jgħix, jaħdem jew jistudja fi Stat Membru ieħor;
- jivvota u joħroġ għall-elezzjonijiet muniċipali u Ewropej fl-Istat Membru ta’ residenza tiegħu;
- jibgħat petizzjoni lill-Parlament Ewropew jew inizjattiva taċ-ċittadini lill-Kummissjoni Ewropea;
- jagħmel ilment lill-Ombudsman Ewropew dwar att ta’ amministrazzjoni ħażina minn istituzzjoni tal-Unjoni;
- jirċievi protezzjoni konsulari minn Stat Membru ieħor meta l-Istat tiegħu stess ma jkunx irrappreżentat f’pajjiż terz;
- jitlob aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;
- jindirizza ruħu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-għażla tiegħu.
Focus
Id-Direttiva dwar il-pagi minimi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Sentenza Id-Danimarka vs Il-Parlament u Il-Kunsill (Pagi minimi adegwati) (C-19/23)
Adottata f’Ottubru 2022 mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, id-Direttiva (UE) 2022/2041 dwar il-pagi minimi għandha l-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema fl-Unjoni. Hija tistabbilixxi qafas komuni maħsub sabiex jippromwovi n-natura adegwata tal-pagi minimi statutorji, fejn jeżistu, u sabiex isaħħaħ ir-rwol tan-negozjati kollettivi fl-iffissar tal-pagi. Adottata abbażi tal-Artikolu 153(1)(b) TFUE, dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, din id-direttiva tispeċifika li hija tosserva l-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-pagi kif ukoll l-awtonomija tal-imsieħba soċjali.
Id-Danimarka, sostnuta mill-Isvezja, ikkontestat il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tintervjeni f'dan il-qasam. Id-Danimarka kkunsidrat li, minkejja n-natura apparentament proċedurali tagħha, id-Direttiva fil-fatt kienet twassal lill-Unjoni sabiex tintervjeni direttament fl-iffissar tal-pagi. Issa, dan il-qasam huwa espliċitament eskluż mill-kompetenzi tal-Unjoni mill-Artikolu 153(5) TFUE. Id-Danimarka sostniet ukoll li ċerti obbligi imposti fuq l-Istati Membri kienu jippreġudikaw id-dritt tal-assoċjazzjoni u l-mudell Daniż tar-relazzjonijiet industrijali, li huwa bbażat fuq livell għoli ta' awtonomija għall-imsieħba soċjali.
Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Unjoni tista' taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati. Hija speċifikat li l-esklużjoni dwar il-“pagi” għandha l-għan li tipprevjeni kwalunkwe armonizzazzjoni diretta tal-livell tal-pagi fil-livell tal-Unjoni. Madankollu, din l-esklużjoni ma tistax tiġi interpretata b'mod daqstant wiesa' li ċċaħħad mis-sustanza tagħhom il-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-politika soċjali, b'mod partikolari l-kompetenza li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva dwar il-pagi minimi adegwati la tistabbilixxi paga minima Ewropea u lanqas livell armonizzat ta' remunerazzjoni fl-Unjoni. Essenzjalment, hija timponi biss rekwiżiti proċedurali minimi, u tħalli lill-Istati Membri marġni wiesa' ta' evalwazzjoni sabiex jiddeterminaw u jaġġornaw il-pagi minimi tagħhom.
Fir-rigward tal-promozzjoni tan-negozjati kollettivi, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li d-Direttiva ma timponi ebda obbligu fir-rigward tar-riżultat. L-Istati Membri fejn inqas minn 80 % tal-ħaddiema huma koperti minn ftehimiet kollettivi huma meħtieġa biss li joħolqu qafas li jiffavorixxi tali negozjati u, għaldaqstant, li jadottaw pjan ta' azzjoni intiż li jinkoraġġixxi tali negozjati. Dawn huma obbligi fir-rigward tal-mezzi, li josservaw id-diversità tat-tradizzjonijiet nazzjonali u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali, peress li d-Direttiva, b'mod partikolari, ma timponi ebda obbligu fuq dawn l-Istati Membri sabiex jilħqu livell minimu ta' tali kopertura.
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-pagi minimi adegwati kienu jmorru lil hinn minn dan il-qafas proċedurali. Hija qieset li l-fatt li l-Istati Membru jkunu obbligati jieħdu inkunsiderazzjoni kriterji speċifiċi meta jiffissaw u jaġġornaw il-pagi minimi statutorji, bħalma huma l-għoli tal-ħajja, il-livell ġenerali tal-pagi jew il-produttività, kien jammonta għal armonizzazzjoni ta' parti mill-elementi li jikkostitwixxu l-pagi minimi statutorji. Hija waslet għal konstatazzjoni simili fir-rigward tad-dispożizzjoni ta' din id-direttiva li tipprojbixxi kwalunkwe tnaqqis fil-pagi minimi statutorji meta dawn tal-aħħar ikunu suġġetti għal sistemi ta' indiċjar awtomatiku. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu ndħil dirett fid-determinazzjoni tar-remunerazzjonijiet. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li jinvolvu tali ndħil dirett mill-Unjoni fid-determinazzjoni tar-remunerazzjonijiet u li għalhekk imorru lil hinn mill-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati. Hija ċaħdet il-kumplament tar-rikors tad-Danimarka.
B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-bilanċ bejn il-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-politika soċjali u l-esklużjoni relatata mar-remunerazzjonijiet, filwaqt li kkonfermat li l-Unjoni tista' tirregola l-proċeduri u tippromwovi n-negozjati kollettivi mingħajr ma tintervjeni direttament fl-iffissar tal-pagi.
X'jipprevedi l-Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU)?
L-Artikolu 153 tat-TFEU jiddefinixxi l-oqsma li fihom l-Unjoni Ewropea tista' tappoġġa u tikkomplementa l-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-politika soċjali. Dan l-artikolu jippermetti lill-Unjoni tadotta direttivi li jistabbilixxu rekwiżiti minimi f'oqsma bħalma huma l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-protezzjoni tal-ħaddiema, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa kif ukoll l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema.
Madankollu, dan l-artikolu jistabbilixxi limiti ċari għall-azzjoni tal-Unjoni. Il-paragrafu 5 tiegħu jeskludi b'mod espliċitu ċerti suġġetti mill-qafas tal-kompetenza tal-Unjoni, b'mod partikolari ir-remunerazzjonijiet, id-dritt ta’ assoċjazzjoni, id-dritt għal strajk u d-dritt għal lock-out. Din l-esklużjoni hija maħsuba sabiex tħares l-awtonomija tal-Istati Membri u tal-imsieħba soċjali f'oqsma meqjusa bħala li huma essenzjali għat-tradizzjonijiet soċjali u kostituzzjonali tagħhom. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li, għalkemm tista' tadotta regoli li jkollhom impatt indirett fuq il-pagi, l-Unjoni ma tistax tintervjeni direttament fl-iffissar tal-livell tagħhom.
Id-Direttiva (UE) 2022/2041 dwar il-pagi minimi adegwati
Id-Direttiva (UE) 2022/2041 għandha l-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea billi ssaħħaħ il-protezzjoni offruta minn pagi minimi adegwati. Din id-direttiva ma tipprevedix paga minima Ewropea u lanqas ma tistabbilixxi livell uniformi ta' remunerazzjoni. L-għan tagħha huwa li tistabbilixxi qafas komuni li jiggarantixxi li l-pagi minimi, fejn jeżistu, jippermettu li jiġi żgurat livell ta' għajxien xieraq, filwaqt li tirrispetta t-tradizzjonijiet nazzjonali u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali.
Id-Direttiva prinċipalment timmira li tilħaq dawn l-għanijiet permezz ta' dispożizzjonijiet proċedurali. Għal dan il-għan, hija tobbliga lill-Istati Membri li l-leġiżlazzjoni tagħhom tistabbilixxi paga minima statutorja sabiex jipprevedu proċeduri ċari u trasparenti għall-iffissar u għall-aġġornament tagħha.
Hija tippromwovi wkoll in-negozjati kollettivi, li huma meqjusa bħala element ewlieni sabiex jiġu żgurati pagi adegwati, b'mod partikolari billi tistieden lill-Istati Membri fejn il-kopertura ta' ħaddiema li jibbenefikaw mill-applikazzjoni ta' ftehimiet kollettivi hija baxxa sabiex jadottaw miżuri li jiffavorixxu d-djalogu soċjali. Għalhekk, id-Direttiva tfittex li ssaħħaħ il-konverġenza soċjali fi ħdan l-Unjoni mingħajr ma tinterferixxi, f’dan ir-rigward, fil-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-iffissar tar-remunerazzjonijiet.
Il-pagi minimi fil-ġurisprudenza tal-Qorti
Anki qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva dwar il-pagi minimi adegwati, il-Qorti tal-Ġustizzja kien diġà kellha l-opportunità li tiżviluppa ġurisprudenza sostanzjali dwar il-pagi minimi. Diversi sentenzi ddefinixxew il-limiti tal-kompetenzi nazzjonali u tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.
Il-kawżi dwar il-kollokament tal-ħaddiema kellhom rwol ċentrali. Fis-sentenza Laval (C-341/05), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-portata tar-“rati minimi ta’ paga” li jistgħu jiġu imposti fuq l-impriżi barranin li jikkollokaw ħaddiema, filwaqt li enfasizzat il-bżonn ta' bażi legali ċara u ta’ trasparenza suffiċjenti għall-operaturi ekonomiċi.
Qasam ieħor importanti fil-ġurisprudenza jirrigwarda r-relazzjoni bejn il-paga minima u l-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi. Fis-sentenza Bundesdruckerei (C-549/13), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kompatibbiltà ta' obbligu li jiġi osservat salarju minimu stabbilit mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ospitanti fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku mwettaq parzjalment barra mill-pajjiż, filwaqt li insistiet fuq ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità ta' tali miżuri fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. B’dan premess, fis-sentenza RegioPost (C-115/14), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-awtoritajiet kuntrattwali jistgħu jissuġġettaw l-eżekuzzjoni ta' kuntratt pubbliku għall-osservanza ta' paga minima imposta minn liġi jew regolament, bil-kundizzjoni li dan ir-rekwiżit isegwi għan soċjali leġittimu u jiġi applikat b'mod mhux diskriminatorju.
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll il-kunċett stess ta' "rati minimi ta’ paga” fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-kollokament, b'mod partikolari fis-sentenza Sähköalojen ammattiliitto (C-396/13), filwaqt li indikat l-elementi tar-remunerazzjoni li jaqgħu taħt dan il-kunċett.
Din il-ġurisprudenza kollha tifforma l-bażi għat-trattament illum ’il ġurnata tal-kawżi dwar id-Direttiva dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni. Din il-ġurisprudenza tiddetermina l-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri filwaqt li tiggarantixxi l-effettività tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE.
Focus
Aċċess għall-messaġġi testwali skambjati bejn il-Presidenta tal-Kummissjoni u l-President-Direttur Ġenerali ta' Pfizer
Sentenza Stevi u The New York Times vs Il-Kummissjoni (T-36/23)
It-trasparenza fil-ħajja pubblika hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’hekk, kull ċittadin jew kull persuna ġuridika tal-Unjoni jista’ jkollhom aċċess għad-dokumenti tal-Parlament, tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill. Dan l-aċċess huwa rregolat mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.
Dan it-test jifforma l-bażi legali għad-dritt ta’ aċċess mill-pubbliku għad-dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u għandu l-għan, qabel kollox, li jsaħħaħ it-trasparenza bħala kundizzjoni essenzjali tad-demokrazija Ewropea u tal-leġittimità tal-azzjonijiet tal-Unjoni. Dan il-prinċipju ta’ trasparenza japplika b'mod sħiħ għall-attivitajiet ta' dawn l-istituzzjonijiet, inkluż meta jieħdu l-forma ta' komunikazzjonijiet moderni bħalma huma l-messaġġi testwali.
F'Mejju 2022, Matina Stevi, ġurnalista man-New York Times, talbet aċċess għall-messaġġi testwali (SMS) skambjati bejn il-Presidenta tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u l-President-Direttur Ġenerali tal-kumpannija farmaċewtika Pfizer fil-kuntest tan-negozjati dwar il-kuntratti tal-vaċċin kontra l-COVID-19.
Il-Kummissjoni Ewropea rrifjutat din it-talba billi sostniet li l-messaġġi mitluba ma kinux fil-pussess tagħha. Skont il-Kummissjoni, il-messaġġi testwali skambjati ma kinux jikkostitwixxu dokumenti miżmuma mill-istituzzjoni u għalhekk ma setgħux jiġu kkomunikati.
M. Stevi ressqet kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Din tal-aħħar bdiet billi fakkret prinċipju essenzjali: id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti huwa maħsub sabiex jiżgura l-ikbar trasparenza possibbli fl-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet Ewropej. Meta istituzzjoni ssostni li dokument ma jinsabx fil-pussess tagħha, din id-dikjarazzjoni għandha bħala prinċipju titqies li hija korretta. Madankollu, din il-preżunzjoni tista' tiddaħħal inkwistjoni jekk l-applikant jipproduċi provi serji li juru li d-dokumenti kienu jeżistu.
F'din il-kawża, il-Qorti Ġenerali qieset li dan kien il-każ. Hija osservat li diversi sorsi pubbliċi, b’mod partikolari artikli fl-istampa, dikjarazzjonijiet mill-Presidenta tal-Kummissjoni u rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, kienu jsemmu kuntatti diretti, inkluż permezz ta’ messaġġi testwali, bejn iż-żewġ persuni kkonċernati matul in-negozjati. Dawn l-elementi kienu biżżejjed sabiex jintwera li l-messaġġi kienu jeżistu, minn tal-anqas f'mument partikolari.
Fid-dawl ta’ dawn l-indizji, il-Kummissjoni kien imissha spjegat b’mod ċar u ddettaljat għaliex il-messaġġi ma setgħux jinstabu. Issa, skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma pprovdietx tali spjegazzjoni. Hija sempliċement sostniet li kienu saru tfittxijiet, mingħajr ma speċifikat fejn, kif u fuq liema mezzi, u mingħajr ma indikat jekk il-messaġġi kinux tħassru, ġew arkivjati jew ittrasferiti meta nbidlu t-telephones użati.
Il-Qorti Ġenerali enfasizzat li d-dritt għat-trasparenza ma jistax jisfa mingħajr sustanza minħabba nuqqas ta' konservazzjoni ta’ dokumenti. L-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li jiġġestixxu d-dokumenti tagħhom b'mod serju u prevedibbli, sabiex il-pubbliku jkun jista' jifhem u jissorvelja l-azzjonijiet tagħhom. Skambji relatati ma' deċiżjonijiet importanti, bħalma huwa x-xiri tal-vaċċini għall-Unjoni kollha, ma jistgħux jiġu injorati sempliċement għax kienu fil-forma ta' messaġġi qosra.
Filwaqt li kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovdiet spjegazzjonijiet suffiċjenti dwar x'ġara mill-messaġġi mitluba, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rifjut tal-aċċess kien illegali. Hija għalhekk annullat id-deċiżjoni kontestata.
Proċedura ċara
Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2011 jistabbilixxi proċedura ċara, li teħtieġ deċiżjoni motivata mill-istituzzjoni u l-possibbiltà ta' eżami mill-ġdid intern segwit minn stħarriġ ġudizzjarju. Ir-Regolament jagħti liċ-ċittadini l-possibbiltà li jifhmu, jissorveljaw u, fejn meħtieġ, jikkontestaw l-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet.
Filwaqt li jipprevedi eċċezzjonijiet maħsuba sabiex jiġu protetti interessi pubbliċi jew privati sensittivi, ir-Regolament jirregola b'mod strett l-użu tagħhom billi jimponi interpretazzjoni restrittiva ta' dawn l-eċċezzjonijiet, ġustifikazzjoni konkreta tar-rifjut kif ukoll eżami sistematiku tal-possibbiltà li jingħata aċċess parzjali.
Il-ġurisprudenza tal-Unjoni saħħet dan l-approċċ billi kkonfermat li għandha tirbaħ it-trasparenza, partikolarment fil-proċessi leġiżlattivi, sabiex jiġi żgurat kontroll demokratiku.
Sa mis-sentenza tagħha L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (C-39/05 P), mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-bażijiet għal dan l-approċċ billi rrikjediet eżami konkret u individwali tat-talbiet għal aċċess għall-opinjonijiet legali tal-Kunsill u billi rrifjutat kull loġika ta' sigriet awtomatiku għad-dokumenti leġiżlattivi, u b'hekk stabbilixxiet il-prinċipju li t-trasparenza hija r-regola u s-sigriet l-eċċezzjoni. Dan l-approċċ issaħħaħ permezz tas-sentenza De Capitani vs Il-Parlament (T-540/15), li fiha l-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kunfidenzjalità sistematika tad-dokumenti tat-trilogu (jiġifieri l-laqgħat u l-iskambji bejn it-tliet istituzzjonijiet li jieħdu sehem fil-proċess leġiżlattiv), filwaqt li ppreċiżat li l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet ma tistax tintuża sabiex jinħeba l-funzjonament normali tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Iktar reċentement, fis-sentenza Kaili vs Il-Parlament (T-1031/23, li kienet is-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-632/25 P), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Parlament li rrifjutat li tagħti aċċess għal ċerti dokumenti lill-ex Viċi Presidenta tiegħu. Hija b’hekk ikkonfermat ir-rekwiżit ta’ skrutinju rigoruż u individwalizzat ta’ kull rifjut ta' aċċess u l-portata konkreta tad-dritt għat-trasparenza, inkluż f'kuntesti istituzzjonali sensittivi.
Focus
Soċjetà tal-informazzjoni: l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) u l-pjattaformi online kbar ħafna
L-Unjoni Ewropea għandha rwol ewlieni fl-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni, bil-għan li toħloq ambjent favorevoli għall-innovazzjoni u għall-kompetittività, filwaqt li tipproteġi d-drittijiet tal-konsumatur u filwaqt li tipprovdi ċertezza legali. Dawn il-prinċipji huma riflessi fl-Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA), ir-Regolament (UE) 2022/1925, u fl-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA), ir-Regolament (UE) 2022/2065. Dawn ir-regolamenti jikkostitwixxu pakkett leġiżlattiv fundamentali maħsub sabiex isawwar l-ispazju diġitali Ewropew madwar żewġ għanijiet. Minn naħa, l-għan li tiġi ggarantita l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali tal-utenti u tal-konsumaturi f’ambjent diġitali; min-naħa l-oħra, l-għan li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni bejn l-atturi ekonomiċi, b’mod partikolari fid-dawl tas-saħħa dejjem tikber ta’ ċerti pjattaformi diġitali kbar. Flimkien, dawn iż-żewġ regolamenti jirrappreżentaw pass deċiżiv fil-bini ta' qafas regolatorju Ewropew għas-settur diġitali.
Fl-2025, il-Qorti Ġenerali tat l-ewwel sentenzi tagħha fil-kuntest ta’ rikorsi ppreżentati kontra deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħuda skont id-DSA.
L-ewwel sentenzi rigward id-DSA
Sentenza Zalando vs Il-Kummissjoni (T-348/23)
F’April 2023, il-Kummissjoni Ewropea identifikat il-pjattaforma ta’ bejgħ online Zalando bħala “pjattaforma online kbira ħafna” fis-sens tar-Regolament dwar is-Servizzi Diġitali (DSA). Fil-fatt, iktar minn 83 miljun persuna jużaw is-servizzi tagħha kull xahar u l-pjattaforma b’hekk taqbeż sew il-limitu ta’ 45 miljun previst mir-Regolament. Madankollu, Zalando kkontestat din l-identifikazzjoni filwaqt li sostniet li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji fil-kalkoli.
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha. Hija kkonfermat li Zalando fil-fatt tikkostitwixxi pjattaforma online peress li tospita bejjiegħa terzi permezz tal-“Partner Programme” tagħha, anki jekk l-attività tagħha stess ta' bejgħ dirett (“Zalando Retail”) ma taqax f'din il-kategorija. Il-Kummissjoni setgħet tqis li l-utenti kollha kienu esposti għall-informazzjoni tal-bejjiegħa terzi. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argumenti bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, filwaqt li fakkret li tali pjattaformi għandhom ikunu suġġetti għal obbligi msaħħa sabiex jitnaqqsu r-riskji ta’ distribuzzjoni ta' prodotti perikolużi jew illegali.
Sentenzi Meta Platforms Ireland vs Il-Kummissjoni u Tiktok Technology vs Il-Kummissjoni (T-55/24 u T-58/24)
Il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet, għas-sena 2023, it-tariffa ta’ sorveljanza dovuta minn Facebook, Instagram u TikTok bħala "pjattaformi online kbar ħafna” skont l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA). Hija ddeċidiet li l-metodu użat sabiex tiġi kkalkolata t-tariffa, ibbażat fuq in-numru medju ta' utenti fix-xahar, kellu jiġi adottat f'att delegat u mhux f'sempliċi deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni peress li dan il-metodu jikkostitwixxi element essenzjali tal-kalkolu. Madankollu, peress li ebda żball ma kien jaffettwa l-obbligu ta' dawn il-pjattaformi li jħallsu t-tariffa, il-Qorti Ġenerali żammet fis-seħħ proviżorjament l-effetti tad-deċiżjonijiet annullati matul il-perijodu li teħtieġ il-Kummissjoni sabiex tadotta metodoloġija konformi u deċiżjonijiet ġodda. Madankollu, dan il-perijodu tranżitorju ma jistax ikun ta’ iktar minn tnax-il xahar minn meta s-sentenzi jsiru finali.
Sentenza Amazon EU vs Il-Kummissjoni (T-367/23)
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta' Amazon intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li identifikat il-pjattaforma Amazon Store bħala “pjattaforma online kbira ħafna” fis-sens tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA), li jimponi obbligi msaħħa fuq is-servizzi b'iktar minn 45 miljun utent fl-Unjoni. Amazon invokat ksur ta’ diversi drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fosthom il-libertà ta’ intrapriża, id-dritt għall-proprjetà, l-ugwaljanza quddiem il-liġi, il-libertà ta’ espressjoni kif ukoll id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-informazzjoni kunfidenzjali. Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset li l-obbligi imposti mid-DSA, għalkemm jistgħu jinvolvu spejjeż u jistgħu jaffettwaw l-organizzazzjoni tal-pjattaforma, huma previsti mil-liġi, huma proporzjonati u huma ġġustifikati mill-għan ta' interess ġenerali ta' prevenzjoni tar-riskji sistemiċi marbuta mal-pjattaformi kbar ħafna, b'mod partikolari t-tixrid ta' kontenut illegali u l-protezzjoni tal-konsumatur. Hija kkonkludiet li l-miżuri kkontestati, bħalma huma l-għażla ta’ rakkomandazzjoni mingħajr il-bini ta’ profil, ir-reġistru pubbliku tar-reklami jew l-aċċess ta’ riċerkaturi għad-data, ma jippreġudikawx il-kontenut essenzjali tad-drittijiet invokati u huma marbuta ma’ garanziji stretti f’termini ta' kunfidenzjalità u ta’ sigurtà.
L-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA)
Id-DSA, li ilu fis-seħħ mis-17 ta' Frar 2024, huwa l-kontroparti tad-DMA fil-qasam tar-regolazzjoni tal-kontenut u tas-servizzi diġitali. Huwa għandu l-għan li joħloq ambjent online iktar sigur, iktar trasparenti u iktar prevedibbli għall-utenti Ewropej. Id-DSA jimmodernizza r-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-fornituri ta' servizzi intermedjarji u jimponi obbligi msaħħa fuq il-pjattaformi online kbar ħafna u fuq il-magni tat-tiftix kbar ħafna. Dawn l-obbligi jikkonċernaw b’mod partikolari l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi effettivi għall-ipproċessar ta’ kontenuti illegali, l-evalwazzjoni u t-tnaqqis tar-riskji sistemiċi – bħalma huma d-diżinformazzjoni, il-ksur tad-drittijiet fundamentali jew ir-riskji għall-protezzjoni tal-minuri – kif ukoll żieda fit-trasparenza tas-sistemi algoritmiċi u tal-mekkaniżmi ta' rakkomandazzjoni.
Għalhekk, id-DMA u d-DSA ma għandhomx fil-mira tagħhom eżattament l-istess kategoriji ta' atturi. Id-DMA jiffoka fuq il-pjattaformi li għandhom importanza strutturali fis-suq intern u li jikkostitwixxu punt ta' aċċess inevitabbli li jippermetti lill-impriżi utenti jilħqu lill-utenti finali. Id-DSA, min-naħa tiegħu, ikopri firxa usa' ta' impriżi li jipprovdu servizzi intermedjarji lill-utenti Ewropej, filwaqt li jimponi obbligi partikolarment stretti fuq il-pjattaformi u l-magni tat-tiftix kbar ħafna minħabba l-impatt sistemiku tagħhom fuq l-ispazju tal-informazzjoni u dak ekonomiku.
Fir-rigward tal-DSA, f'deċiżjoni aġġornata f'Diċembru 2025, il-Kummissjoni identifikat numru ta' pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix kbar ħafna li kienu suġġetti għall-obbligi msaħħa previsti fid-DSA, li kienu jinkludu, b’mod partikolari, Amazon, Apple, Booking.com, Google, LinkedIn, Meta, Microsoft, Pinterest, Snap, TikTok, X (li qabel kienet Twitter), Wikimedia Foundation u Zalando, kif ukoll diversi operaturi oħra attivi fis-suq Ewropew.
L-implimentazzjoni tad-DSA u tad-DMA diġà wasslet għal sanzjonijiet sinjifikattivi. L-ewwel multa imposta abbażi tad-DSA ġiet adottata fil-5 ta’ Diċembru 2025 kontra l-pjattaforma X, fl-ammont ta’ EUR 120 miljun, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ diversi obbligi previsti mid-DSA.
Spjegazzjoni tal-kunċetti ewlenin użati fid-DSA
L-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) huwa strument leġiżlattiv Ewropew intiż li jirregola s-servizzi diġitali sabiex jiġi ggarantit ambjent online iktar sigur, iktar trasparenti u iktar ġust. Dawn huma wħud mill-kunċetti ewlenin, spjegati f’termini sempliċi:
- Pjattaforma online: servizz diġitali li jippermetti lill-utenti jippubblikaw, jikkondividu jew jikkonsultaw kontenut (networks soċjali, swieq online, pjattaformi tal-video, eċċ.).
- Pjattaforma online kbira ħafna (very large online platform, VLOP): pjattaforma b’iktar minn 45 miljun utent attivi fl-Unjoni Ewropea. Minħabba l-impatt sinjifikattiv tagħhom fuq is-soċjetà, dawn il-pjattaformi huma suġġetti għal obbligi msaħħa.
- Kontenut illegali: kull kontenut li jikser id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt nazzjonali applikabbli (pereżempju, diskors li jqajjem mibegħda, prodotti illegali, ksur tad-drittijiet tal-awtur).
- Moderazzjoni tal-kontenut: grupp ta’ miżuri meħuda mill-pjattaformi sabiex jidentifikaw, jevalwaw u, fejn meħtieġ, ineħħu jew jirrestrinġu l-aċċess għal kontenut problematiku.
- Trasparenza algoritmika: l-obbligu għal ċerti pjattaformi li jispjegaw, b'mod faċli biex jinftiehem, kif jaħdmu s-sistemi tagħhom ta' rakkomandazzjoni tal-kontenut.
Permezz ta' dawn il-kunċetti, id-DSA jfittex li jipproteġi aħjar lill-utenti, jagħmel lill-pjattaformi kbar iktar responsabbli u jsaħħaħ il-fiduċja fl-ispazju diġitali Ewropew.
Ħarsa lejn l-iktar sentenzi importanti tas-sena
Moviment liberu
L-Unjoni Ewropea tiggarantixxi liċ-ċittadini tagħha l-possibbiltà li jiċċaqilqu u li jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri. Sabiex din il-libertà tkun effettiva, l-Istati għandhom jirrikonoxxu s-sitwazzjonijiet personali u familjali miksuba legalment fi Stat Membru ieħor, li għandhom jitqiesu fid-dawl tad-drittijiet fundamentali protetti mill-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja privata u tal-familja u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
Ugwaljanza fit-trattament u nondiskriminazzjoni
L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet qafas legali komuni sabiex tiżgura l-ugwaljanza fit-trattament u sabiex tiġġieled id-diskriminazzjoni. Id-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE huma l-pedament ta' dan il-qafas: l-ewwel waħda tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, filwaqt li t-tieni waħda għandha l-għan li tiżgura l-ugwaljanza fl-impjieg u fix-xogħol. Dawn it-testi jipprojbixxu kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta, bla ħsara għal ċerti possibbiltajiet ta’ ġustifikazzjoni, u għalhekk jobbligaw lill-Istati Membri jiżguraw protezzjoni effettiva u konsistenti fi ħdan l-Unjoni.
L-Istat tad-dritt
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-istess bħat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tagħmel riferiment espliċitu għall-Istat tad-dritt, wieħed mill-valuri komuni għall-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 2 TUE. L-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati huma elementi essenzjali tal-Istat tad-dritt.
Politika estera u ta’ sigurtà komuni
Bħala strument essenzjali tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) tal-Unjoni Ewropea, il-miżuri restrittivi jew “sanzjonijiet” jintużaw bħala parti minn azzjoni integrata u komprensiva li tinkludi, fost l-oħrajn, djalogu politiku. L-Unjoni tużahom, b’mod partikolari, sabiex tħares il-valuri, l-interessi fundamentali u s-sigurtà tal-Unjoni, u sabiex tevita l-kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali. Fil-fatt, is-sanzjonijiet huma intiżi li jwasslu għal bidla fil-politika jew fl-aġir min-naħa tal-persuni jew tal-entitajiet koperti, bil-għan li jiġu promossi l-għanijiet tal-PESK.
Migrazzjoni u ażil
L-Unjoni Ewropea adottat sett ta’ regoli għall-istabbiliment ta’ politika Ewropea effettiva, umanitarja u sigura dwar il-migrazzjoni. Is-sistema Ewropea komuni tal-ażil tistabbilixxi standards minimi applikabbli għall-ipproċessar ta’ dawk kollha li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil u tal-applikazzjonijiet tagħhom fl-Unjoni kollha.
Konsumaturi
Il-politika Ewropea dwar il-konsumaturi għandha l-għan li tipproteġi s-saħħa, is-sigurtà kif ukoll l-interessi ekonomiċi u legali tal-konsumaturi, irrispettivament mill-post fejn jirrisjedu jew jiċċaqalqu jew minn fejn jixtru fl-Unjoni.
Proprjetà intellettwali
Il-leġiżlazzjoni adottata mill-Unjoni Ewropea sabiex tiġi protetta l-proprjetà intellettwali (drittijiet tal-awtur) u industrijali (dritt tat-trade marks, protezzjoni tad-disinni) ittejjeb il-kompetittività tal-impriżi billi tiffavorixxi ambjent li jinkoraġġixxi l-kreattività u l-innovazzjoni.
Kompetizzjoni
L-Unjoni Ewropea tiżgura l-osservanza tar-regoli li jipproteġu l-kompetizzjoni ħielsa. Il-prattiki li għandhom bħala għan jew bħala effett li jipprekludu, li jillimitaw jew li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern huma pprojbiti u jistgħu jiġu ssanzjonati b’multi. Id-dritt ta’ kull persuna li titlob kumpens għal dannu kkawżat minn aġir antikompetittiv isaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi l-aġir li jippreġudika l-kompetizzjoni libera.
Kooperazzjoni ġudizzjarja
L-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jinkludi miżuri li jippromwovu l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri. Din il-kooperazzjoni hija bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u għandha l-għan li tarmonizza d-drittijiet nazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali billi tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi, tal-persuni ssuspettati u tad-detenuti fl-Unjoni.
Ħajja privata
L-Unjoni Ewropea għandha leġiżlazzjoni ddettaljata dwar il-protezzjoni tad-data personali. L-ipproċessar u ż-żamma ta’ din id-data għandhom josservaw il-kundizzjonijiet previsti f’din il-leġiżlazzjoni, għandhom ikunu limitati għal dak li jkun strettament neċessarju u ma għandhomx jippreġudikaw sproporzjonatament id-dritt għall-ħajja privata.
Ambjent
L-Unjoni Ewropea timpenja ruħha li tħares u ttejjeb il-kwalità tal-ambjent u li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata ksur tad-dritt tal-Unjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkonforma ruħu mas-sentenza mingħajr dewmien. Meta l-Kummissjoni tqis li l-Istat Membru ma kkonformax ruħu mas-sentenza, hija tista’ tippreżenta rikors ġdid u titlob sanzjonijiet pekunjarji.
Soċjetà tal-informazzjoni
L-Unjoni Ewropea għandha rwol ewlieni fl-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni, bil-għan li toħloq ambjent favorevoli għall-innovazzjoni u għall-kompetittività, filwaqt li tipproteġi d-drittijiet tal-konsumatur u filwaqt li tipprovdi ċertezza legali. Hija tiżgura swieq diġitali ġusti u miftuħa, u tneħħi l-ostakoli għas-servizzi online transkonfinali fis-suq intern sabiex tiżgura l-moviment liberu tagħhom.
Aċċess għal dokumenti
It-trasparenza fil-ħajja pubblika hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, kull ċittadin jew kull persuna ġuridika tal-Unjoni Ewropea jistgħu, bħala prinċipju, ikollhom aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet Ewropej.
Id-Direttorat tar-Riċerka u tad-Dokumentazzjoni jipproponi lill-professjonisti tal-liġi, fil-kuntest tal-Kollezzjoni tas-Sunti tiegħu, “Selezzjoni tal-iktar sentenzi importanti” u “Bullettini tal-ġurisprudenza ta’ kull xahar” tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali.