Għall-Qorti tal-Ġustizzja, is-sena 2022 ser tkun sena ta’ anniversarju. Maħluqa fl-1952 bl-isem ta’ “Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar” (KEFA), il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-2022, tiċċelebra 70 sena ta’ eżistenza.

 

Dan l-anniversarju jitlob mhux biss li wieħed jixħet ħarsa retrospettiva fuq il-ħolqien u l-iżvilupp tal-istituzzjoni ġudizzjarja komuni għas-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, iżda wkoll li jsir konxju tal-valuri li jsostnu l-missjoni tagħha.

L-istituzzjoni nediet proġetti ġodda billi qiegħdet liċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-inizjattivi tagħha u billi saħħet il-preżenza tagħha fi ħdan l-Istati Membri.

 

Fost iċ-ċelebrazzjonijiet previsti, insemmu l-kampanja retrospettiva, diġà mnedija fuq Twitter u aċċessibbli via (#CJUEen70jours), li turi, sena wara sena, l-avvenimenti prinċipali f’dawn is-70 sena u s-sentenzi prinċipali mogħtija mill-istituzzjoni. Film iddedikat għall-istorja tal-Qorti tal-Ġustizzja u għar-rwol tagħha fil-kostruzzjoni Ewropea jinsab ukoll fil-proċess tat-twettiq. Ser jintwera, għall-ewwel darba, waqt Forum tal-membri tal-ġudikatura eċċezzjonali fuq is-suġġett “Ġustizzja qrib iċ-ċittadin” u jiġbor il-presidenti kollha tal-qrati supremi u kostituzzjonali tal-Istati Membri u ser ikun aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali.

Is-70 sena tal-istituzzjoni tagħna ser jintwerew fil-kuntest tal-manifestazzjonijiet organizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-sena kollha. L-anniversarju ser ikun l-okkażjoni ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku għall-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja u għall-impatt tagħha fuq il-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni.

Ġurnata wara ġurnata, l-istituzzjoni, l-imħallfin u l-avukati ġenerali kif ukoll il-persunal kollu jaħdmu għall-protezzjoni tal-prinċipji fundamentali li jorbtu lill-Istati u li huma ggarantiti lil kull ċittadin, permezz tad-deċiżjonijiet disponibbli fil-lingwa ta’ kull wieħed minnhom.

Il-protezzjoni tal-Istat tad-dritt, bħad-drittijiet fundamentali, tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, tal-ħaddiema, tal-ambjent kif ukoll tal-konsumaturi jibqgħu fil-qalba tax-xogħol li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq wara li l-ewwel membri tiegħu daħlu fis-servizz, fl-4 ta’ Diċembru 1952.