Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ilha għal diversi snin issegwi politika ambjentali ambizzjuża, intiża li tissodisfa l-iktar regoli eżiġenti fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli u tal-preżervazzjoni tal-ambjent.

Bħal kull sena, l-Istituzzjoni tagħti rendikont tal-evoluzzjoni tal-iktar indikaturi reċenti għad-dispożizzjoni tagħha, jiġifieri dawk tas-sena 2020.

Il-ġestjoni tal-kumpless immobiljari tal-istituzzjoni, kif ukoll dak, ta’ kuljum, tal-mezzi u tal-għodda mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha huma mmexxija mill-mira kostanti ta’ rispett tal-ambjent, kif tixhed il-kisba tar-reġistrazzjoni EMAS (Eco-Management and Audit Scheme) fl-2016. Ir-reġistrazzjoni EMAS, stabbilita permezz ta’ regolament Ewropew u mogħtija lill-organizzazzjonijiet li jissodisfaw rekwiżiti stretti marbuta mal-politika ambjentali tagħhom u mal-isforzi tagħhom favur il-preżervazzjoni tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli, hija b’hekk rikonoxximent ekoloġiku qawwi tal-impenn ambjentali tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-prestazzjonijiet ambjentali għolja miksuba.

Fid-dikjarazzjoni ambjentali annwali tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti bilanċ iddettaljat tal-prestazzjoni ambjentali u tal-proġetti ekoloġiċi attwali u futuri fi ħdan l-istituzzjoni. Permezz ta’ formula ta’ taħriġ online li ffinalizzat, il-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju, tindirizza ruħha lill-membri tal-persunal il-ġodda kollha sabiex tinformahom bl-aspetti ambjentali tax-xogħol ta’ kuljum tagħhom, u tħajjarhom jadottaw prattiki korretti mill-perspettiva informatika u tal-uffiċċju, tal-użu enerġetiku, tal-ilma u tat-trattament tal-iskart, kif ukoll iċ-ċaqliq tagħhom.

Fost l-azzjonijiet konkreti reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja rrinunzjat totalment milli tipproponi fliexken tal-plastik għal użu uniku fis-swali tas-seduti, tad-deliberazzjoni, u tal-laqgħat minn Novembru 2020.

L-applikazzjoni “e-Curia” iġġeneralizzat għall-iskambju tad-dokumenti ġudizzjarji bejn ir-rappreżentanti tal-partijiet u l-qrati tal-Unjoni wkoll għandha impatt ambjentali pożittiv. Bħala eżempju, li kieku l-paġni kollha tal-atti proċedurali mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Qorti Ġenerali permezz ta’ e-Curia fl-2021 (iktar minn miljun paġna) kellhom jiġu ppreżentati fil-forma ta’ karta flimkien mal-kopji tagħhom, dan kien jiġġenera l-produzzjoni ta’ diversi tunnellati ta’ karti, li, barra minn hekk, kien ikollhom jinġarru fiżikament sal-Lussemburgu.

  • Il-fażi sperimentali tal-ġbir ta’ provvisti ta’ uffiċċju użati għar-riċiklaġġ tagħhom
  • Parteċipazzjoni fis-sistema tar-rota self-service Velóh u appoġġ għaċ-ċaqliq bir-rota
  • Tnaqqis fil-konsum tal-ilma -37,5 % m³/EŻS Fl-2020
  • Tnaqqis tal-iskart(uffiċċju u ristoranti) -67,3 % kg/EŻSfl-2020
  • Tkomplija tas-sostituzzjoni tal-bozoz tad-dawl favur l-użu tat-teknoloġija LED
  • Tnaqqis fil-konsum tal-karti -63,7 % kg/EŻS fl-2020
  • Tnaqqis fil-konsum tal-elettriku -20,8 % kWh/EŻS fl-2020
  • 2 958 m² ta’ ċelloli fotovoltajċi għal produzzjoni ta’ 381 586 kWh fl-2020 ekwivalenti għall-bżonnijiet annwali ta’ 65 familja
  • Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju

L-ekwivalenti għall-full-time (EŻS) hija unità ta’ kejl li tippermetti li titkejjel l-attività professjonali indipendenti tad-differenzi f’termini ta’ numru ta’ sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa ta’ kull membru tal-persunal, minħabba forom differenti ta’ xogħol.

L-indikaturi ambjentali għall-ilma, għall-iskart, għall-karta u għall-elettriku jikkorrispondu għal dawk tas-sena 2020. Il-varjazzjonijiet għandhom ċifra mqabbla mal-2015, is-sena ta’ riferiment.

It-tnaqqis qawwi tal-iskart u tal-konsum tar-riżorsi huma spjegati min-natura eċċezzjonali tas-sena 2020 minħabba l-kriżi sanitarja.