PANORAMA TAS-SENA

RAPPORT ANNWALI 2021

 
Go Down
 

Daħla tal-President

Hija l-istituzzjoni tagħna li għandha tislet it-tagħlim kollu mill-esperjenza tal-ġestjoni tal-pandemija u tikkonsolida fit-tul il-kisbiet fil-funzjonament tagħha u fir-relazzjonijiet tagħha mal-qrati nazzjonali iżda wkoll mal-opinjonijiet pubbliċi fl-Unjoni kollha.

Koen Lenaerts

President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Fis-sena 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-persunal tagħha kellhom jaħdmu bil-persistenza tal-miżuri sanitarji u tar-restrizzjonijiet sabiex jitqabdu mal-mewġ suċċessiv tal-pandemija tal-Covid-19. Il-persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja kollox, seta’ jiggarantixxi l-kontinwità tal-attivitajiet tiegħu fis-servizz tal-ġustizzja Ewropea billi jħaddem l-esperjenza u l-użanzi l-ġodda miksuba, mill-bidu tal-pandemija fl-2020, permezz tal-użu ta’ tekniki ta’ xogħol u ta’ komunikazzjoni mill-bogħod. F’dan il-kuntest, l-istituzzjoni sodisfatta li l-isforzi ddedikati għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ videokonferenza li tippermetti ż-żamma mill-bogħod ta’ seduti quddiem iż-żewġ qrati, b’interpretazzjoni simultanja, ġew ikkumpensati mill-Premju għall-amministrazzjoni tajba minħabba l-eċċellenza fl-innovazzjoni u fit-trasformazzjoni, imniedi mill-Ombudsman Ewropew.

Is-sena 2021 kienet ikkaratterizzata wkoll minn tiġdid parzjali sinjifikattiv tal-Qorti tal-Ġustizzja, bil-wasla ta’ disa’ Membri ġodda. Filwaqt li l-kollegi onorawni billi ġeddu l-fiduċja tagħhom fija billi eleġġewni mill-ġdid fil-funzjonijiet tiegħi ta’ President, l-Imħallef Bay Larsen ġie elett Viċi President wara t-tluq ta’ R. Silva de Lapuerta. Matul din l-istess sena, il-Qorti Ġenerali laqgħet ukoll ħames imħallfin ġodda.

Barra minn hekk, is-sena rat żieda fin-numru ta’ kawżi mressqa quddiem iż-żewġ qrati (1 720 fl-2021, meta mqabbel ma’ 1 584 fl-2020) kif ukoll in-numru ta’ kawżi magħluqa (1 723 fl-2021, meta mqabbel ma’ 1 540 fl-2020). Id-diversità u l-impatt tad-deċiżjonijiet mogħtija fil-qasam tal-istat tad-dritt, tal-ambjent, tal-protezzjoni tad-data personali, tal-protezzjoni soċjali jew ukoll tal-għajnuna mogħtija fil-kuntest tal-kriżi sanitarja juru sa liema punt l-attività tal-istituzzjoni tinsab fil-qalba tar-realtajiet kontemporanji u għandha effett konkret fuq il-ħajja taċ-ċittadini u tal-impriżi tal-Unjoni Ewropea. Diversi sfidi jirriżultaw minn dawn il-konstatazzjonijiet.

Fl-ewwel lok, din ir-realtà titlob, min-naħa tal-Qortital-Ġustizzja, li ssaħħaħ l-approċċ tagħha ta’ qrubija fil-konfront taċ-ċittadini, billi tiġi implimentata mixja lejn trasparenza ikbar fuq il-funzjonament tagħha. F’din il-perspettiva, qiegħed jitwettaq proġett sabiex jiġu trażmessi, b’mod sperimentali, is-seduti tas-sottomissjonijiet orali tal-Awla Manja bil-webstreaming. L-għodda diġitali kienet iċ-ċavetta għall-ġestjoni notevoli tal-kriżi sanitarja u tar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għar-restrizzjonijiet ta’ moviment marbuta mal-pandemija. In-“know-how” tekniku żviluppa, fi ħdan kulħadd, u rajna l-qsim tal-barriera diġitali: in-norma nbidlet. Wasal il-mument, għalhekk, permezz ta’ dawn l-iżviluppi teknoloġiċi u soċjali, li nagħmlu l-Qorti tal-Ġustizzja aċċessibbli għall-Ewropa kollha

Fit-tieni lok, l-istituzzjoni ser tkompli r-riflessjoni tagħha dwar il-mod ta’ kif jintlaħaq bilanċ mill-ġdid tal-piż ta’ xogħol bejn il-Qorti tal-Ġustizzja, kompost minn imħallef għal kull Stat Membru, u l-Qorti Ġenerali, li għandha żewġ imħallfin għal kull Stat Membru mix-xahar ta’ Settembru.

Fit-tielet lok, wieħed josserva tendenza mifruxa ta’kontestazzjoni tal-awtorità tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u, f’ċerti Stati Membri, għall-kontestazzjoni tal-proġett ta’ integrazzjoni Ewropea kif ukoll tal-valuri tiegħu u tal-prinċipji fundamentali tiegħu. Din it-tendenza titlob viġilanza kostanti fir-rigward tal-kwalità tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ispjegazzjoni tagħhom fil-konfront tal-pubbliku u t-trasparenza tal-attività tagħha. Dan huwa neċessarju sabiex il-ġustizzja Ewropea tiġi pperċepita u mifhuma korrettament, jiġifieri bħala li tibqa’, fiċ-ċirkustanzi kollha, għas-servizz esklużiv tal-osservanza tar-regola tad-dritt.

Hija l-istituzzjoni tagħna li għandha tislet it-tagħlim kollu mill-esperjenza tal-ġestjoni tal-pandemija u tikkonsolida fit-tul il-kisbiet fil-funzjonament tagħha u fir-relazzjonijiet tagħha mal-qrati nazzjonali iżda wkoll mal-opinjonijiet pubbliċi fl-Unjoni kollha. Huwa għal dawn l-għanijiet li ser tiġi ddedikata l-2022, is-sena taċ-ċelebrazzjoni tas-70 anniversarju tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ diversi xogħlijiet, avvenimenti u manifestazzjonijiet.

Koen Lenaerts

President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

go to top