Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiggarantixxi l-protezzjoni tad-dritt tal-Unjoni
- Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija waħda minn seba’ istituzzjonijiet Ewropej.
- Bħala l-istituzzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni, hija għandha l-missjoni li tiggarantixxi l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni filwaqt li tiżgura interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tat-Trattati kif ukoll li tiggarantixxi l-istħarriġ tal-legalità tal-atti adottati mill- istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal- Unjoni.
- L-istituzzjoni tikkontribwixxi sabiex jitħarsu l-valuri tal-Unjoni u tagħti s-sehem tagħha fil-proġett Ewropew permezz tal-ġurisprudenza tagħha.
- Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija kkostitwita minn żewġ qrati: il-“Qorti tal-Ġustizzja” u l-“Qorti Ġenerali”.
Daħla mill-President
L-immaġini xokkanti ta’ vittmi u ta’ qerda, li konna nittamaw li mhux se nerġgħu naraw fil-kontinent Ewropew, ifakkruna li l-paċi u l-libertà huma valuri li, irrispettivament minn kemm huma “evidenti” għal dawk li jemmnu fil-proġett Ewropew, ma jistgħux jittieħdu għall-għarrieda.
Koen Lenaerts
President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
Is-sena 2022 kienet is-sena li fiha ċċelebrajna s-70 anniversarju tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għal din l-okkażjoni, ir-Rapport Annwali tal-istituzzjoni qed jieħu xejra ġdida. Mingħajr kompromessi fejn tidħol il-kwalità tal-informazzjoni, ġie deċiż li jingħata format iktar konċiż, li jagħti ħarsa ġenerali lejn l-evoluzzjonijiet prinċipali li kellhom impatt fuq l-istituzzjoni u l-ġurisprudenza, bi stil iktar dirett u aċċessibbli għall-ikbar pubbliku possibbli.
Il-perijodu kopert minn din il-Panorama kien ikkaratterizzat minn ritorn għan-normal fil-funzjonament tal-istituzzjoni, wara sentejn ikkumplikati minħabba l-kriżi sanitarja marbuta mal-pandemija tal-Covid-19. L-għodda teknoloġiċi implimentati matul din il-kriżi issa jifformaw parti mill-ambjent tax-xogħol ta’ kuljum tagħna. Madankollu, kien essenzjali li l-istituzzjoni terġa’ tieħu l-ħajja internament bl-istabbiliment mill-ġdid ta’ kuntatti u interazzjonijiet spontanji fuq il-post, li huma tant importanti għall-effettività tal-ħidma taż-żewġ qrati.
Il-kommemorazzjoni tas-70 anniversarju tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, bit-tema “Ġustizzja viċin iċ-ċittadin”, ħadet il-forma ta’ sensiela ta’ avvenimenti u ta’ funzjonijiet, bħalma kienu l-Jum “Bibien Miftuħa” speċjali organizzat fit-8 ta’ Ottubru 2022, il-Forum Straordinarju tal-Membri tal-Ġudikatura li nżamm bejn l-4 u s-6 ta’ Diċembru 2022, li kien jinkludi, bħala l-avveniment prinċipali, udjenza solenni fil-preżenza tal-Altezza Rjali Tiegħu l-Gran Duka Eredi tal-Lussemburgu kif ukoll tal-ogħla rappreżentanti tal-istituzzjonijiet Ewropej, tal-awtoritajiet Lussemburgiż, tad-dinja ġuridika u tal-korp diplomatiku, il-pubblikazzjoni ta’ ktieb ta’ prestiġju, il-ħruġ ta’ bolla speċjali mill-posta Lussemburgiża, it-tħejjija ta’ film dwar l-istorja tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll l-għoti ta’ isem ġdid lill-binjiet tal-istituzzjoni, ismijiet li issa jirreferu għal personalitajiet li ħallew impatt speċjali fl-istorja tal-ġustizzja.
Fis-sena 2022 ma fakkarniex biss is-70 sena tal-istituzzjoni, iżda kienet ukoll sena “tal-anniversarji” fir-rigward ta’ stadji essenzjali tal-proġett Ewropew: 30 sena mit-Trattat ta’ Maastricht, li bis-saħħa tiegħu sar riferiment espliċitu, fit-testi fundaturi tal-Unjoni Ewropea, għall-valuri demokratiċi, li jinkludu l-valur tal-Istat tad-dritt, 25 sena mit-Trattat ta’ Amsterdam, li estenda l-“metodu Komunitarju”, b’mod partikolari l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal- ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, kif ukoll 20 sena mill-introduzzjoni tal-euro.
Madankollu, dawn l-anniversarji kollha ma għandhomx jaħbu r-realtajiet li għandna nħabbtu wiċċna magħhom.
Sfortunatament, mill-kriżi sanitarja għaddejna, fl-aħħar ta’ Frar 2022, għall-bidu tal-gwerra fl-Ukraina. L-immaġini xokkanti ta’ vittmi u ta’ qerda, li konna nittamaw li mhux se nerġgħu naraw fil-kontinent Ewropew, ifakkruna li l-paċi u l-libertà huma valuri li, irrispettivament minn kemm huma “evidenti” għal dawk li jemmnu fil-proġett Ewropew, ma jistgħux jittieħdu għall-għarrieda.
Il-leġittimità stess tal-Unjoni Ewropea u tal-istituzzjonijiet tagħha tiddaħħal regolarment inkwistjoni minn movimenti bbażati fuq xettiċiżmu fil-konfront tal-Ewropa jew minn movimenti populisti, jew minn attakki fil-konfront tal-valuri demokratiċi li jikkostitwixxu l-pedament stess tal-proġett Ewropew. F’Unjoni Ewropea li ngħatat, permezz ta’ reviżjonijiet sussegwenti tat-Trattati, oqsma ta’ kompetenzi ġodda, l-istituzzjoni hija mistennija tadotta, iktar minn qatt qabel, deċiżjonijiet ġudizzjarji dwar suġġetti sensittivi. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali jolqtu direttament l-iktar interessi importanti tad-dinja tal-lum f’oqsma bħalma huma l-ħarsien tal-valuri inerenti għall-Istat tad-dritt, il-protezzjoni tal-ambjent, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il- protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data personali, l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni mill-ġganti diġitali, il-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll l-istħarriġ tal-legalità tal-miżuri restrittivi adottati bħala reazzjoni għal ksur gravi tad-drittijiet tal- bniedem jew tad-dritt internazzjonali.
F’kuntest ġeopolitiku fejn il-pedamenti stess tas-soċjetajiet demokratiċi tagħna qegħdin iġarrbu attakki dejjem iktar frekwenti, l-impatt ta’ dawn id-deċiżjonijiet jimplika sforz kunsiderevoli ta’ komunikazzjoni u ta’ edukazzjoni sabiex nippruvaw neliminaw mill-għeruq l-ideat mhux ċari jew id-diżinformazzjoni, iżda wkoll sabiex dak li tgħallimna l-ġurisprudenza Ewropea jiġi integrat b’mod korrett fid-diversi ordinamenti ġuridiċi nazzjonali.
Fuq livell ta’ statistika, in-numru ta’ kawżi mressqa quddiem iż-żewġ qrati fl-2022 huwa simili għal dak tas-sena li għaddiet (1 710 kawżi fl-2022, meta mqabbla ma’ 1 720 fl-2021). In-numru ta’ kawżi maqtugħa mill- Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali huwa, minn naħa tiegħu, ftit inqas mis-sena l-oħra (1 666 fl-2022, meta mqabbla ma’ 1 723 fl-2021). Meta kkunsidrati flimkien, dawn iż-żewġ ċifri jfissru li kien hemm żieda żgħira fin-numru total ta’ kawżi pendenti (2 585 fl- 2022, meta mqabbla ma’ 2 541 in 2021).
In-numru ta’ kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm naqas bi ftit meta mqabbel mas-sena li għaddiet (806 fl-2022, meta mqabbla ma’ 838 fl-2021), baqa’ wieħed kbir din is-sena, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kawżi għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, numru dejjem ikbar ta’ kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jqajmu kwistjonijiet sensittivi u kumplessi, li jeħtieġu għalhekk iktar riflessjoni u iktar żmien.
Sabiex iżżomm, f’dan il-kuntest, il-kapaċità tagħha li tagħti deċiżjonijiet ta’ kwalità fi żmien raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja, fit-30 ta’ Novembru 2022, bagħtet lil-leġiżlatur tal-Unjoni talba bil-għan li tiġi ttrasferita lill-Qorti Ġenerali kompetenza preliminari f’ċerti oqsma speċifiċi kif ukoll bil-għan li jiġi estiż il- mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali.
Nieħu din l-okkażjoni sabiex nirringrazzja minn qalbi lill-kollegi tiegħi kif ukoll lill-persunal kollu tal-istituzzjoni għall-ħidma impressjonanti li wettqu matul din is-sena.