Ħarsa qasira lejn is-sena 2022

A | Sena f’ritratti
B | Is-sena f’ċifri

 
Start Scroll

A | Sena f’ritratti

Jannar

Is-70 anniversarju tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Qorti tal-Ġustizzja tniedi ċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mas-70 anniversarju tagħha. It-tema għall-manifestazzjonijiet matul is-sena kollha hija “Ġustizzja qrib iċ-ċittadin”. Fuq il-pjattaformi Mastodon u Twitter, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel kontribut kull ġimgħa sabiex tfakkar l-avvenimenti ewlenin tas-70 sena tal-eżistenza tagħha.
#CJUEen70jours #CJEUin70days

Marzu

Introduzzjoni tal-firma elettronika

Fil-kuntest tat-tħaffif tal-proċess ta’ diġitalizzazzjoni, il-firma elettronika kkwalifikata tintuża għall-iffirmar tas-sentenzi u tad- digrieti tal-Qorti Ġenerali.

Marzu

Preżentata tar-rikors RT France vs Il-Kunsill

Fil-kuntest tal-gwerra fl-Ukraina u tas-sanzjonijiet adottati kontra r-Russja mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, l-istazzjon RT France jikkontesta quddiem il-Qorti Ġenerali l-projbizzjoni ta’ xandir imposta fuqu (T‑125/22).

Marzu

Preżentata tar-rikors Hamoudi vs Frontex

Cittadin Sirjan jitlob danni mingħand l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) minħabba l-aġir illegali tagħha fil-kuntesttal-operazzjoni ta’ “refoulement” fil-Baħar Eġew fit-28 u fid-29 ta’ April 2020 (T‑136/22).

April

Preżentata tar-rikorsi Il-Polonja vs Il-Kummissjoni

Il-Polonja tikkontesta quddiem il-Qorti Ġenerali l-irkupru mibdi mill-Kummissjoni tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 500 000 ordnati mill-Qorti tal- Ġustizzja (C‑121/21 R) fil-kawża dwar l-estrazzjoni ta’ linjite mill- “minjieri ta’ Turów” (T‑200/22 u T‑314/22).

April

Trażmissjoni permezz ta’ streaming ta’ seduti tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tniedi sistema ta’ streaming ta’ seduti għas-sottomissjonijiet orali, ta’ għoti ta’ sentenzi u ta’ qari tal- konklużjonijiet, li tippermetti lil kull min ikun jixtieq jassisti għal seduta, ikun fejn ikun.

Mejju

Tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari Tez Tour

Fil-kuntest tal-pandemija tal-Covid-19, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Litwanja) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriż u s-servizzi tal-ivvjaġġar relatati, sabiex tippreċiża l-kundizzjonijiet ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ vjaġġ kollox inkluż mingħajr ħlas ta’ spejjeż (C‑299/22).

Mejju

Finali tal-kompetizzjoni “European Law Moot Court”

Organizzata għall-ewwel darba fl-1988, il-European Law Moot Court hija l-iktar kompetizzjoni għas-sottomissjonijiet orali importanti fid-dinja fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni. L-Università ta’ Lund (l-Isvezja) hija t-tim rebbieħ tal-edizzjoni 2022.

Mejju

Jum l-Ewropa

Sabiex tiċċelebra l-anniversarju tad-dikjarazzjoni Schuman, il-Qorti tal-Ġustizzja tiltaqa’ maċ-ċittadini f’Esch-sur-Alzette, il-kapitali Ewropea tal-kultura fl-2022. Fit-toroq tal-Villaġġ Ewropew, il-gruppi ta’ volontarji tal-Qorti tal- Ġustizzja jisimgħu liċ-ċittadini u jwieġbu għall-mistoqsijiet tagħhom. Din l-inizjattiva tkompli fuq in-networks soċjali EU Voice u Twitter permezz ta’ pubblikazzjonijiet li jinkludu l-hashtag #ECJDidYouKnow dwar l-iżvolġiment ta’ kawża u l-hashtag #AskCuria, ippubblikati bi tweġiba għal mistoqsijiet magħmula miċ-ċittadini.

Mejju

Żjara uffiċjali ta’ delegazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kroazja

Il-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja jiltaqgħu mal-Prim Ministru, ma’ membri tal-Gvern kif ukoll mal-Presidenti tal-Qorti Suprema u tal-Qorti Kostituzzjonali Kroati. F’konferenza miżmuma f’Żagreb, huma jiddiskutu l-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, ir-rwol tal-ogħla qrati sabiex tiġi żgurata l-uniformità tad-dritt, il-klawżoli inġusti fil-kuntratti l-konsumatur u l-mandat ta’ arrest Ewropew.

Ġunju

Titfakkar il-memorja tal-Imħallfin G. Falcone u P. Borsellino

Fl-okkażjoni tat-30 anniversarju mill-mewt tal-Imħallfin kontra l-mafja Taljani Giovanni Falcone u Paolo Borsellino, u sabiex jiġu rrikonoxxuti dawk kollha li jiddefendu l-Istat tad-dritt, l-istituzzjoni tospita, b’mod eċċezzjonali, fis-Sala Prinċipali tagħha, rappreżentazzjoni tax- xogħol L’Ultima estate – Falcone e Borsellino trent’ anni dopo, ta’ Claudio Fava.

Ġunju

Jiem interistituzzjonali tal-innovazzjoni

Il-Qorti tal-Ġustizzja tospita l-Kumitat Interistituzzjonali għat-Trasformazzjoni Diġitali (KITD): il-persuni responsabbli fi ħdan l-istituzzjonijiet tal- Unjoni fil-qasam tat-teknoloġija u tal-informatika jindirizzaw kwistjonijiet marbuta mas- sovranità diġitali, mal- kondiviżjoni ta’ riżorsi diġitali, mal-intelliġenza artifiċjali u maċ- ċibersigurtà.

Ġunju

Żjara tal-E.T. Katerina Sakellaropoulou, Presidenta tar-Repubblika Ellenika

Il-President u l-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja jospitaw għal sessjoni ta’ ħidma l-Eċċellenza Tagħha K. Sakellaropoulou, Presidenta tar-Repubblika Ellenika. Hija tassisti għal preżentazzjoni ġenerali tal- istituzzjoni u tal-multilingwiżmu.

Lulju

Laqgħa tan-Network Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea (NĠUE)

Il-membri tan-Network Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea, maħsub sabiex jinkoraġġixxi d-djalogu bejn il-qrati supremi u kostituzzjonali tal-Istati Membri, jiltaqgħu sabiex jiddiskutu, b’mod partikolari, it-tema tal- ġustizzja qrib iċ-ċittadin.

Lulju

Tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari RTL Nederland u RTL Nieuws

Il-Ministeru għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà tal-Pajjiżi l-Baxxi jirrifjuta, għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, li jagħti aċċess għall-informazzjoni dwar l-inċident li kien jinvolvi l-ajruplan MH17 (li twaqqa’ fl-2014 fuq l-Ukraina) lill-korp tal-istampa RTL Nederland. Ir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk dan ir-rifjut huwiex kompatibbli mal-libertà ta’ informazzjoni u ta’ espressjoni (C‑451/22).

Settembru

Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-kriżi sanitarja

Fir-rapport tal-awditu tagħha, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tfaħħar ir-reżiljenza tal-Qorti tal-Ġustizzja matul il-pandemija tal-Covid-19 u tosserva li l-istituzzjoni rreaġixxiet b’ħeffa u bi flessibbiltà filwaqt li strieħet fuq l-investimenti diġà mwettqa fit-trasformazzjoni diġitali.

Settembru

Żjara tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Ruma

Il-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana jiltaqgħu f’Ruma sabiex jiddiskutu t-temi tal-identità nazzjonali, tal-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it- Trattati, tal-Istat tad-dritt u tal-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura, kif ukoll is- supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

Settembru

Elezzjoni tal-President, tal-Viċi President, tal-Presidenti tal-Awla tal-Qorti Ġenerali u tiġdid parzjali tal-qorti

Fl-okkażjoni tat-tiġdid parzjali tal-Qorti Ġenerali, Marc van der Woude (il-Pajjiżi l-Baxxi) jiġi elett mill-ġdid bħala President tal-Qorti Ġenerali, mill-kollegi tiegħu, għal perijodu ta’ tliet snin. Savvas S. Papasavvas (Cipru) jiġi wkoll elett mill-ġdid bħala Viċi President tal-Qorti Ġenerali. Għaxar Presidenti ta’ Awla jiġu wkoll eletti, mill-Imħallfin, għal perijodu ta’ tliet snin.

Settembru

Tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl

Il-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) tistaqsi jekk is-sitwazzjoni tan-nisa fl-Afganistan, wara t-teħid tal-poter mit-Taliban, tikkostitwixxix persekuzzjoni li tagħti dritt għall- istatus ta’ refuġjat (C‑608/22).

Ottubru

Jum “Bibien miftuħa”

Sabiex jitrawwem għarfien fost il-pubbliku dwar ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja u dwar il-valuri tal-Unjoni, il-persunal u l-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja jilqgħu ċ-ċittadini fil-kuntest tal-Jum “Bibien miftuħa”. Iċ- ċittadini jiskopru l-istituzzjoni u l-funzjonament tagħha, kif ukoll kif tiżvolġi kawża u l-ħidma tad- dipartimenti.

Novembru

Ċerimonja ta’ ħruġ ta’ bolla kommemorattiva tas-70 sena tal-Qorti tal-Ġustizzja

B’kooperazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja, Post Luxembourg toħroġ bolla kommemorattiva sabiex tfakkar is-70 anniversarju tal-istituzzjoni. Din l-inizjattiva tagħmel parti minn tradizzjoni twila ta’ kommemorazzjoni ta’ anniversarji importanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Novembru

Żjara ta’ delegazzjoni tal-Qorti Suprema tal-Ukraina lill-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ delegazzjoni tal-Qorti Suprema tal-Ukraina fil-kuntest tal-proċedura ta’ adeżjoni mal-Unjoni Ewropea ta’ dan il-pajjiż. L-Ukraina ngħatat l-istatus ta’ pajjiż kandidat għall-adeżjoni f’Ġunju 2022. Din il-laqgħa hija intiża li tistabbilixxi kooperazzjoni, b’mod partikolari dwar il-valuri fundamentali tal- Unjoni, bejn iż-żewġ qrati.

Diċembru

Forum Straordinarju tal-Membri tal-Ġudikatura

Għal din il-laqgħa annwali, il-Qorti tal-Ġustizzja torganizza Forum speċjali li għandu bħala mistiedna prinċipali l-Presidenti tal-ogħla qrati tal-Istati Membri, il-Presidenti tal-Qorti EDB u tal-Qorti tal-EFTA, kif ukoll ex Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja. Iddedikat għat-tema “Ġustizzja qrib iċ-ċittadin”, il-Forum jiftaħ bil-wiri ta’ film qasir li jirrakkonta l-istorja tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’immaġni mill-arkivji, interventi minn Membri tal-istituzzjoni u intervisti ma’ professuri tad-dritt.

Diċembru

Udjenza solenni tas-70 anniversarju

Il-Qorti tal-Ġustizzja tlaqqa’ l-ogħla awtoritajiet Lussemburgiżi, rappreżentanti għoljin tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-parteċipanti fil-Forum tal-Membri tal- Ġudikatura f’udjenza solenni, imxandra b’xandira diretta, li tfakkar is-70 sena mill-udjenza solenni tal-installazzjoni tal- Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar (KEFA).

Diċembru

Konferenza “Bennejja tal-Ewropa”

Iċ-ċelebrazzjonijiet jiġu konklużi b’laqgħa interattiva bejn studenti postsekondarji minn diversi Stati Membri, preżenti fil-post jew b’parteċipazzjoni mill-bogħod permezz ta’ videokonferenza, u persuni f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà għolja fl- istituzzjonijiet Ewropej.

B | Is-sena f’ċifri

L-istituzzjoni fl-2022

Baġit għall-2022: EUR 465 miljun

81 Imħallef

11 -il Avukat Ġenerali

page-s1.sub-2.region-1.infographic-2.paragraph-4

page-s1.sub-2.region-1.infographic-2.paragraph-5

page-s1.sub-2.region-1.infographic-2.paragraph-6

page-s1.sub-2.region-1.infographic-2.paragraph-7

page-s1.sub-2.region-1.infographic-2.paragraph-8

page-s1.sub-2.region-1.infographic-2.paragraph-9

page-s1.sub-2.region-1.infographic-2.paragraph-10

page-s1.sub-2.region-1.infographic-2.paragraph-11

Is-sena ġudizzjarja (il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali)

1 710 kawża mressqa

1 666 kawża maqtugħa

2 585 kawża pendenti

173 288 atti proċedurali rreġistrati fir-reġistru tar-Reġistri

Tul medju tal-proċeduri: 16.3 xhur

16.4 xhur għall-Qorti tal-Ġustizzja

16.2 xhur għall-Qorti Ġenerali

Perċentwali tal-atti proċedurali ppreżentati permezz ta’ e-Curia:

87% Il-Qorti tal-Ġustizzja

94% Il-Qorti Ġenerali

9 365 kont ta’ aċċess e-Curia

e-Curia hija applikazzjoni informatika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tippermetti lir-rappreżentanti tal-partijiet fil- kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, kif ukoll lill-qrati nazzjonali fil-kuntest tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiskambjaw l-atti proċedurali mar-Reġistri b’mezzi esklużivament elettroniċi


e-Curia : l-applikazzjoni informatika li tippermetti l-iskambju ta’ dokumenti ġudizzjarji
ara l-video fuq YouTube

Id-dipartimenti lingwistiċi

Il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala istituzzjoni ġudizzjarja multilingwi, għandha tkun tista’ tittratta kawża tkun xi tkun il-lingwa uffiċjali tal-Unjoni li fiha tkun tressqet. Hija mbagħad tippubblika l-ġurisprudenza tagħha bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

24 lingwa tal-kawża

552 kombinazzjoni lingwistika possibbli

612 ġurista lingwista sabiex jittraduċu d-dokumenti miktuba

1 281 000 paġna għat-traduzzjoni

1 279 000 paġna tradotti

71 interpretu għas-seduti għas-sottomissjonijiet orali u għal-laqgħat

526 seduta u laqgħat li bbenefikaw mill-interpretazzjoni simultanja

Fil-Qorti tal-Ġustizzja, it-traduzzjonijiet jitwettqu skont sistema lingwistika obbligatorja, li tipprovdi għall-kombinazzjonijiet kollha tal-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Id-dokumenti li għandhom jiġu tradotti huma kollha testi legali tekniċi ħafna. Huwa għalhekk li d-dipartiment lingwistiku tal-Qorti tal-Ġustizzja jimpjega biss ġuristi lingwisti li jkollhom taħriġ legali sħiħ, kif ukoll għarfien profond ta’ mill-inqas żewġ lingwi uffiċjali minbarra l-ilsien matern tagħhom.


Multilingwiżmu fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – jiżgura l-ugwaljanza ta’ aċċess għall-ġustizzja
ara l-video fuq YouTube

go to top