A | Il-Qorti tal-Ġustizzja fl-2022
Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tisma’ kawżi, prinċipalment, dwar:
-
talbiet għal deċiżjoni preliminari
Meta qorti nazzjonali jkollha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni jew dwar il-validità tagħha, hija għandha tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ladarba tingħata d-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja li tindirizza dawn id-dubji, il-qorti nazzjonali tkun tista’ taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Fil-kawżi li jeħtieġu risposta fi żmien qasir ħafna (pereżempju fil-qasam tal-ażil, tal-kontroll mal-fruntieri, tal-ħtif ta’ minuri, eċċ.), hija prevista proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari (“PPU”); -
rikorsi diretti, intiżi:
- li jinkiseb l-annullament ta’ att tal-Unjoni (“rikors għal annullament”) jew
- li jiġi kkonstatat li Stat Membru ma josservax id-dritt tal-Unjoni (“rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu”). Jekk l-Istat Membru ma jikkonformax ruħu mas-sentenza li tkun ikkonstatat in-nuqqas min-naħa tiegħu, rikors ieħor, imsejjaħ “rikors għat-tieni nuqqas”, jista’ jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuqu sanzjoni pekunjarja;
- appelli, ippreżentati kontra d-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali, li jistgħu jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali;
- talbiet għal opinjoni dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati ta’ ftehim li l-Unjoni jkollha l-intenzjoni li tikkonkludi ma’ Stat terz jew ma’ organizzazzjoni internazzjonali (imressqa minn Stat Membru jew minn istituzzjoni Ewropea).
L-attività u l-evoluzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fl-2022 ma kien hemm ebda bidla fil-kompożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħalma lanqas ma kien hemm ebda bidla fit-testi li jirregolaw l-attivitajiet tagħha, jiġifieri l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura.
Wara sentejn affettwati mill-kriżi sanitarja, is-sena 2022 kienet ikkaratterizzata mill-integrazzjoni mill-ġdid, b’mod iġġeneralizzat, tal- persunal fil-bini tal-istituzzjoni u minn ritorn għal kundizzjonijiet normali ta’ funzjonament, b’mod partikolari fir-rigward taż-żamma ta’ seduti. Madankollu, l-iżviluppi teknoloġiċi li kienu meħtieġa mill-miżuri sanitarji matul is-sentejn li għaddew ġew applikati sabiex jiġu implimentati ċerti proġetti importanti intiżi li jqarrbu l-ġustizzja Ewropea lejn iċ-ċittadin.
B’hekk, mis-26 ta’ April 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja toffri sistema ta’ streaming tas-seduti li, bħall-proġett ta’ żjarat mill-bogħod imniedi fl-2021, hija intiża li ssaħħaħ l-aspett tagħha bħala “Qorti taċ-ċittadini”, iktar aċċessibbli għall- pubbliku ġenerali. L-idea wara dawn it-trażmissjonijiet hija li kull persuna li tkun tixtieq tagħmel hekk tkun tista’ ssegwi s-seduti fl-istess kundizzjonijiet daqslikieku tkun preżenti fiżikament fil-Lussemburgu, fl-awla, u dan bis- saħħa ta’ interpretazzjoni simultanja tad-dibattiti fil-lingwi meħtieġa għall- iżvolġiment tajjeb tas-seduta.
Mill-perspettiva tal-istatistika, is-sena 2022 kienet għal darba oħra kkaratterizzata minn volum kbir ta’ attività. F’dan is-sens, tressqu 806 kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Bħal fis-snin li għaddew, dawn kienu, essenzjalment, talbiet għal deċiżjoni preliminari u appelli li, b’546 u 209 kawżi rispettivament, jirrappreżentaw, waħedhom, iktar minn 93 % tal- kawżi kollha mressqa fl-2022. Dawn il-kawżi jikkonċernaw oqsma varji u sensittivi bħalma huma l-ħarsien tal-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-protezzjoni tad-data personali u l-protezzjoni tal-konsumaturi jew tal-ambjent, mingħajr ma ninsew it-tassazzjoni, il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat. Kien hemm ukoll diversi kawżi marbuta mal-kriżi sanitarja u mal-gwerra fl-Ukraina.
Id-diversi kulleġġi ġudikanti tal-Qorti tal-Ġustizzja qatgħu 808 kawżi. Numru kbir minnhom (78) ġew deċiżi mill-Awla Manja u żewġ kawżi, dwar ir-rabta bejn l-osservanza tal-Istat tad-dritt u l-eżekuzzjoni tal-baġit tal- Unjoni, ġew deċiżi mis-Seduta Plenarja (Kawżi C‑156/21, L-Ungerija vs Il- Parlament u Il-Kunsill, u C‑157/21, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill)).
Minħabba l-użu frekwenti ta’ digrieti, b’mod partikolari fil-każ tal-appelli, it-tul globali tal-proċeduri (16.4 xhur) baqa’ simili għal dak tas-sena li għaddiet (16.6 xhur), iżda – u dan huwa riflessjoni tal-kumplessità dejjem ikbar tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja – kien hemm żieda fit-tul medju tat-trattament tal-kawżi preliminari (li żdied minn 16.7 xhur fl-2021 għal 17.3 xhur).
Fil-31 ta’ Diċembru 2022, in-numru ta’ kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kien ta’ 1 111-il kawża, jiġifieri kważi l-istess numru, b’differenza ta’ żewġ kawżi, għal dak irreġistrat fil-31 ta’ Diċembru 2021 (1 113-il kawża).
Fid-dawl ta’ din l-istatistika, u tal-fatt li, minn Lulju 2022, il-Qorti Ġenerali għandha 54 Imħallef (tnejn minn kull Stat Membru) b’riżultat tat-tlestija tar-riforma tal- arkitettura ġudizzjarja tal-Unjoni mibdija fl-2015, il- Qorti tal-Ġustizzja ressqet quddiem il-leġiżlatur tal- Unjoni talba għall-emenda tal-Istatut li tikkonċerna żewġ punti. L-għan tagħha huwa li tippermetti lill- Qorti tal-Ġustizzja żżomm il-kapaċità tagħha li tagħti deċiżjonijiet ta’ kwalità f’tul ta’ żmien raġonevoli kif ukoll tiffoka iktar fuq il-missjonijiet ċentrali tagħha bħala qorti kostituzzjonali u suprema tal-Unjoni.
Fl-ewwel lok, it-talba għal emenda tikkonsisti fit-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-kompetenza preliminari f’ħames oqsma ddefiniti b’mod ċar, li ftit li xejn iqajmu kwistjonijiet ta’ prinċipju, li jgawdu minn bażi solida ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u li jirrappreżentaw, barra minn hekk, numru ta’ kawżi kbir biżżejjed sabiex it-trasferiment mixtieq jipproduċi effett reali fuq il-volum ta’ xogħol tagħha. Dawn l-oqsma huma s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, id-dazji tas-sisa, il-Kodiċi Doganali u l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija fin- Nomenklatura Magħquda, il-kumpens u l-assistenza tal-passiġġieri, kif ukoll is-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
Il-kompetenza preliminari tal-Qorti Ġenerali f’kawża ser tkun bla ħsara għall-possibbiltà, għal din tal-aħħar, li tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk tqis li l-kawża tkun teħtieġ deċiżjoni ta’ prinċipju li jista’ jkollha impatt fuq l-unità jew il-konsistenza tad- dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha wkoll il-possibbiltà li tipproċedi, b’mod eċċezzjonali, għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-każ ta’ riskju serju ta’ preġudizzju għal din l-unità jew għal din il-konsistenza.
Fit-tieni lok, f’kuntest ikkaratterizzat minn numru kbir ta’ appelli mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali, sabiex tinżamm l-effettività ta’ din il-proċedura u sabiex il- Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiffoka fuq l-appelli li jqajmu punti ta’ liġi importanti, it-talba leġiżlattiva tipprevedi estensjoni tal-mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019 (Artikolu 58a tal-Istatut).
Din l-estensjoni ser tikkonċerna l-appelli ppreżentati mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell indipendenti ta’ ċerti korpi tal- Unjoni li inizjalment ma kinux issemmew fl-Artikolu 58a tal-Istatut meta daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019 (pereżempju, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall- Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u tas- Swieq, kif ukoll l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol).
Koen Lenaerts
President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea


806 kawżi mressqa
546 proċedura għal deċiżjoni 5 PPU
Stati Membri li minnhom prinċipalment joriġinaw it-talbiet:
Il-Ġermanja 98
L-Italja 63
Il-Bulgarija 43
Spanja 41
Il-Polonja 39
37 rikors dirett, li minnhom: 35 rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u 2 rikorsi għat-“tieni nuqqas”
209 appelli ppreżentati mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali
6 talbiet għal għajnuna legali
Parti fil-kawża li ma tkunx tista’ tħallas għall-ispejjeż tal-kawża tista’ titlob li tibbenefika mill-għajnuna legali b’xejn.

808 kawżi maqtugħa
564 proċedura għal deċiżjoni preliminari li minnhom 7 PPUs
36 rikors dirett, li minnhom 17 -il-nuqqas ikkonstatat kontra 12 -il Stat Membru
196 appell mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li minnhom 38 annullaw id-deċiżjoni adottata mill-Qorti Ġenerali
1 opinjoni
Tul medju tal-proċeduri: 16.4 xhur
Tul medju tal-proċeduri b’urġenza għal deċiżjoni preliminari: 4.5 xhur

1 111-il kawża pendenti fil 31 ta’ Diċembru 2022
Suġġetti ewlenin ittrattati
Ambjent 46
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet 89
Dritt istituzzjonali 38
Għajnuna mill-Istat 58
Kompetizzjoni 64
Politika soċjali 73
Proprjetà intellettwali 33
Protezzjoni tal-konsumaturi 77
Spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja 132
Tassazzjoni 8-
Il-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Qorti tal-Ġustizzja hija kkostitwita minn 27 Imħallef u minn 11-il Avukat Ġenerali.
L-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali jinħatru bi ftehim komuni mill-Gvernijiet tal-Istati Membri, wara konsultazzjoni ma’ kumitat responsabbli sabiex jagħti opinjoni dwar l-idoneità tal-kandidati proposti li jaqdu l-funzjonijiet inkwistjoni. Il-mandat tagħhom huwa għal sitt snin u jista’ jiġġedded.
Huma jintgħażlu minn fost personalitajiet li jipprovdu garanzija ta’ indipendenza sħiħa u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jokkupaw, fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, l-ogħla karigi ġudizzjarji, jew li huma ġuristi ta’ kompetenza magħrufa.
L-Imħallfin jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’imparzjalità u b’indipendenza sħiħa.
L-Imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja jaħtru minn fosthom il-President u l-Viċi President. L-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali jaħtru r-Reġistratur għal mandat ta’ sitt snin.
L-Avukati Ġenerali huma mistennija jippreżentaw, b’imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, opinjoni ġuridika, imsejħa “konklużjonijiet” fil-kawżi li jiġu assenjati lilhom. Dawn il-konklużjonijiet ma humiex vinkolanti, imma jippermettu li tingħata ħarsa addizzjonali lejn is-suġġett tat-tilwima.
Fl-2022 ma nħatar ebda Membru ġdid tal-Qorti tal-Ġustizzja.

K. Lenaerts

L. Bay Larsen

A. Arabadjiev

A. Prechal

K. Jürimäe

C. Lycourgos

E. Regan

M. Szpunar

M. Safjan

P. G. Xuereb

L. S. Rossi

D. Gratsias

M. L. Arastey Sahún

J. Kokott

M. Ilešič

J.-C. Bonichot

T. von Danwitz

S. Rodin

F. Biltgen

M. Campos Sánchez-Bordona

N. J. Cardoso da Silva Piçarra

G. Pitruzzella

I. Jarukaitis

P. Pikamäe

A. Kumin

N. Jääskinen

N. Wahl

J. Richard de la Tour

A. Rantos

I. Ziemele

J. Passer

A. M. Collins

M. Gavalec

N. Emiliou

Z. Csehi

O. Spineanu-Matei

T. Ćapeta

L. Medina

A. Calot Escobar
Ordni protokollari b’effett mis-7 ta’ Ottubru 2022
B | Il-Qorti Ġenerali fl-2022
Il-Qorti Ġenerali tista’ prinċipalment tiġi adita, fl-ewwel istanza, b’rikorsi diretti minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, meta dawn ikunu individwalment u direttament ikkonċernati (individwi, kumpanniji, assoċjazzjonijiet, eċċ.) u mill-Istati Membri kontra l-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll b’rikorsi diretti intiżi li jinkiseb il-kumpens għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet jew mill-membri tal-persunal tagħhom.
Parti kbira mill-kawżi quddiemha huma ta’ natura ekonomika: proprjetà intellettwali (trade marks u disinni tal-Unjoni Ewropea), kompetizzjoni, għajnuna mill-Istat u superviżjoni bankarja u finanzjarja.
Il-Qorti Ġenerali hija wkoll kompetenti sabiex taqta’ kawżi fil-qasam tas-servizz pubbliku dwar tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha.
Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell, fuq punti ta’ liġi biss, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kawżi li diġà jkunu bbenefikaw minn eżami doppju (minn Bord tal-Appell indipendenti, u mbagħad mill-Qorti Ġenerali), il-Qorti tal-Ġustizzja tisma’ l-appell biss jekk dan l-appell iqajjem kwistjoni ta’ natura sinjifikattiva għall-unità, għall- koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.
L-attività u l-evoluzzjoni tal-Qorti Ġenerali
Is-sena 2022 kienet ikkaratterizzata mir-ritorn tal-gwerra fil-kontinent tagħna. Dan l-avveniment terribbli għandu jservi bħala mument ta’ riflessjoni kollettiva għall-Ewropej kollha. Qatt ma għandna nieħdu l-paċi għall-għarrieda u huwa meħtieġ impenn min-naħa ta’ kulħadd favur il-paċi. L-istituzzjoni tagħna għandha rwol ċentrali f’dan l-impenn. Fil-fatt, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali hija li jiżguraw l-osservanza tal-Istat tad-dritt u li jaħdmu favur il-protezzjoni tad-dinjità umana. Fl- Unjoni, is-soluzzjoni għall-kunflitti ma tinvolvix theddid u armi, iżda tinsab permezz ta’ diskussjoni u tal-liġi. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali hija b’mod partikolari mistiedna, xi drabi f’termini qosra ħafna, tistħarreġ il- legalità tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni fir-rigward ta’ persuni jew ta’ entitajiet marbuta mal-aggressjoni mibdija mill-Federazzjoni Russa fi Frar 2022. B’hekk, is-sentenza fil-kawża RT France vs Il-Kunsill setgħet tingħata, mill-Awla Manja tal-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, ħames xhur wara t-tressiq tal-kawża. Sal-lum il-ġurnata, tressqu iktar minn 70 kawża dwar miżuri restrittivi marbuta mal-kunflitt bl-armi. Huwa unur għall-Unjoni tagħna li tali miżuri ma humiex suġġetti għal arbitrarjetà iżda huma s-suġġett ta’ stħarriġ minn qrati indipendenti u imparzjali.
Iktar minn qatt qabel, il-kawżi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali jirriflettu l-isfidi soċjali kbar li qiegħed jaffaċċja l-kontinent tagħna. Lil hinn mill-miżuri restrittivi, li ma jikkonċernawx biss l-aggressjoni fl-Ukraina, dawn il-kawżi jikkonċernaw ukoll ir-regolazzjoni taħt id-dritt tal-kompetizzjoni tal-ġganti diġitali u r-regolazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari fil-qasam fiskali u fis-settur tal-enerġija u tal-ambjent. Dawn il-kawżi jikkonċernaw ukoll id-dritt bankarju u finanzjarju, il-protezzjoni tad-data personali, il- politika kummerċjali komuni kif ukoll ir-regolazzjoni tas-swieq tal-enerġija. L-iżviluppi leġiżlattivi reċenti u l-kuntest internazzjonali kkaratterizzat minn tensjonijiet dejjem ikbar jista’ jwassal għal intensifikazzjoni tal-istħarriġ tal- legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
Dan iżda huwa ċar: il-Qorti Ġenerali hija kompletament konxja tar-responsabbiltajiet tagħha. Hija għandha r-riżorsi meħtieġa sabiex taffaċċjahom. B’mod partikolari, il-qorti laqgħet fi ħdanha tmien Membri ġodda matul is-sena li għaddiet, u b’hekk tlestiet ir-riforma mibdija bir- Regolament 2015/2422. Issa li għandha 54 Membru, il-qorti fl-aħħar għandha żewġ Imħallfin minn kull Stat Membru. Fid-dawl tal-perijodu l-ġdid ta’ tliet snin li beda f’Settembru 2022, il-Qorti Ġenerali għamlet riflessjonijiet iktar estensivi dwar l-organizzazzjoni tagħha u dwar il-metodi tax-xogħol tagħha, filwaqt li enfasizzat stħarriġ ġudizzjarju iktar approfondit, komunikazzjoni mal-partijiet fit-tilwima matul l-istanza kollha u t-tul tal-proċeduri (16.2 xhur bħala medja fl-2022). Il-Qorti Ġenerali, imsaħħa u organizzata mill- ġdid b’dan il-mod, tat lilha nfisha din l-isfida: li tagħti ġustizzja ta’ kwalità, li tinftiehem mis-suġġetti tad-dritt, fi żmien li jirrifletti dak li huwa mistenni minnha fid-dinja tal-lum.
L-arkitettura ġudizzjarja tal-Unjoni għandha tadatta lilha nfisha b’mod kontinwu għall-isfidi ta’ żmienna. Huwa b’dan il-ħsieb li l-Qorti tal-Ġustizzja ressqet, f’Novembru 2022, talba leġiżlattiva intiża b’mod partikolari li jiġu ddefiniti l-oqsma speċifiċi li fihom il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tingħata kompetenza sabiex tisma’ talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mressqa mill- qrati tal-Istati Membri (Artikolu 256 TFUE). Il-Qorti Ġenerali hija lesta sabiex tgħin lill-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħda taffaċċja volum ta’ xogħol dejjem jikber. B’rabta mill-qrib mar-riflessjonijiet li wasslu għal din l-inizjattiva, il-Qorti Ġenerali diġà qiegħda tipprepara għall-implimentazzjoni tagħha.
Marc van der Woude
President tal-Qorti Ġeneral


904 kawżi mressqa

858 kawża maqtugħa
760 rikors dirett, li minnhom:

1 474 kawża pendenti (fil-31 ta’ Diċembru 2022)
Suġġetti prinċipali tar-rikors:
Innovazzjonijiet fil-ġurisprudenza
Fi ħdan il-Qorti Ġenerali, bħal f’kuntesti oħra, l-iktar avvenimenti reċenti jħallu l-marka tagħhom. Filwaqt li t-tilwimiet imnissla mill- pandemija tal-Covid-19 għadhom jirrikjedu li l-Qorti Ġenerali tesplora suġġetti ġodda, bħalma turi s-sentenza Roos Roos et vs Il-Parlament tas-27 ta’ April 2022 (T‑710/21, T‑722/21 u T‑723/21) li eżaminat għall-ewwel darba l-legalità ta’ ċerti restrizzjonijiet imposti mill-istituzzjonijiet tal- Unjoni Ewropea sabiex jipproteġu s-saħħa tal-membri tal-persunal tagħhom, l-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa fuq l-Ukraina li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022 tat lok għal qasam ġdid ta’ kawżi. B’hekk, fis-sentenza tagħha RT France vs Il-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 2022 (T‑125/22), il-Qorti Ġenerali, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, tat deċiżjoni mingħajr ebda preċedent, fi tmiem proċedura mħaffa, dwar il-legalità ta’ miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill u intiżi li jipprojbixxu x-xandir ta’ kontenut awdjoviżiv.
Madankollu, dawn l-iżviluppi, importanti kemm huma importanti, ma għandhomx jaħbu d-diversi żviluppi ġurisprudenzjali mwettqa mill-Qorti Ġenerali f’kuntesti iktar klassiċi.
B’hekk, fil-qasam istituzzjonali, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza Verelst vs Il-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2022 (T‑647/20), indirizzat għall-ewwel darba l-kwistjoni tal-legalità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2020/1117 li taħtar il-Prosekuturi Ewropej tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, adottata bis-saħħa tar-Regolament 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-imsemmi Uffiċċju. Fi tmiem l-eżami tagħha, hija waslet għall-konklużjoni li l-Kunsill kellu marġni wiesa’ ħafna ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni u fit-tqabbil tal-merti tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ Prosekutur Ewropew ta’ Stat Membru, filwaqt li ddikjarat ukoll li, f’dan il-każ, l-għażla u l-ħatra tal-kandidat magħżul kienu osservaw il-limiti ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza Leonardo vs Frontex tas-26 ta’ Jannar 2022 (T‑849/19), eżaminat l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra avviż ta’ kuntratt u l-annessi tiegħu minn impriża li ma kinitx ipparteċipat fis-sejħa għal offerti organizzata permezz ta’ dan l-avviż. B’awla estiża bħala l-kulleġġ ġudikanti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li impriża li turi li l-parteċipazzjoni tagħha fi proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet magħmula impossibbli minħabba l-kundizzjonijiet previsti fl-ispeċifikazzjonijiet setgħet tiġġustifika interess ġuridiku fil-konfront ta’ diversi dokumenti ta’ kuntratt. Fl-aħħar nett, fil-qasam tal-kompetizzjoni, fis-sentenza Illumina vs Il Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2022 (T‑227/21), il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni għall-ewwel darba dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ referenza lill-Kummissjoni previst fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 dwar il-konċentrazzjonijiet għal tranżazzjoni li l-komunikazzjoni tagħha ma kinitx meħtieġa fl-Istat li talab ir-referenza tagħha iżda li kienet timplika l-akkwist ta’ impriża li l-importanza tagħha għall-kompetizzjoni ma kinitx riflessa fid-dħul mill-bejgħ tagħha. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, bħala prinċipju, li l-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi li għandha kompetenza f’tali sitwazzjoni.
Savvas S. Papasavvas
Viċi President tal-Qorti Ġenerali

Il-Membri tal-Qorti Ġenerali
-Qorti Ġenerali hija kkostitwita minn żewġ Imħallfin minn kull Stat Membru.
L-Imħallfin jintgħażlu minn fost persuni li jipprovdu garanzija ta’ indipendenza sħiħa u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jokkupaw l-ogħla karigi ġudizzjarji. Huma jinħatru bi ftehim komuni mill-Gvernijiet tal-Istati Membri, wara konsultazzjoni ma’ kumitat responsabbli sabiex jagħti opinjoni dwar l-idoneità tal-kandidati. Il-mandat tagħhom huwa għal sitt snin u jista’ jiġġedded. Huma jinnominaw minn fosthom, għal tliet snin, il-President u l-Viċi President. Huma jaħtru r-Reġistratur għal mandat ta’ sitt snin.
L-Imħallfin jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’imparzjalità u b’indipendenza sħiħa.

M. van der Woude

S. Papasavvas

D. Spielmann

A. Marcoulli

F. Schalin

R. da Silva Passos

J. Svenningsen

M. J. Costeira

K. Kowalik-Bańczyk

A. Kornezov

L. Truchot

O. Porchia

M. Jaeger

S. Frimodt Nielsen

H. Kanninen

J. Schwarcz

M. Kancheva

E. Buttigieg

V. Tomljenović

S. Gervasoni

L. Madise

V. Valančius

N. Półtorak

I. Reine

P. Nihoul

U. Öberg

C. Mac Eochaidh

G. De Baere

R. Frendo

T. R. Pynnä

J. C. Laitenberger

R. Mastroianni

J. Martín y Pérez de Nanclares

G. Hesse

M. Sampol Pucurull

M. Stancu

P. Škvařilová-Pelzl

I. Nõmm

G. Steinfatt

R. Norkus

T. Perišin

D. Petrlík

M. Brkan

P. Zilgalvis

K. Kecsmár

I. Gâlea

I. Dimitrakopoulos

D. Kukovec

S. Kingston

T. Tóth

B. Ricziová

E. Tichy-Fisslberger

W. Valasidis

S. Verschuur

E. Coulon
Ordni protokollari b’effett mid-19 ta’ Settembru 2022
C | Il-ġurisprudenza fl-2022
- Focus Ir-Regolament li jissuġġetta l-ħlas ta’ fondi Ewropej għall-osservanza tal-Istat tad-dritt huwa validu
- Focus Id-dritt għal azzjoni legali tal-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent
- Focus Id-dritt li wieħed jintesa u d-dritt għal informazzjoni
- Focus Gwerra fl-Ukraina: projbizzjoni ta’ xandir imposta fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni favur ir-Russja u l-libertà ta’ espressjoni
- Focus Multa rekord ta’ EUR 4.125 biljuni imposta fuq Google minħabba r-restrizzjonijiet imposti fuq il-manifatturi ta’ apparat mobbli Android
- Ħarsa lejn l-iktar sentenzi importanti tas-sena

Focus
Ir-Regolament li jissuġġetta l-ħlas ta’ fondi Ewropej għall-osservanza tal-Istat tad-dritt huwa validu

L-Istat tad-dritt
Dan huwa wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni li jkopri:
- il-prinċipju ta’ legalità, li jeżiġi l-eżistenza ta’ proċess leġiżlattiv trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralistiku;
- il-prinċipju ta’ ċertezza legali;
- il-projbizzjoni tal-arbitrarjetà fil-poter eżekuttiv;
- il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali);
- il-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri;
- il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi.
Sabiex il-baġit tal-Unjoni u l-interessi finanzjarji tagħha jiġu protetti kontra l-preġudizzju li jirriżulta minn ksur tal-Istat tad-dritt bħala valur fundamentali li fuqu hija bbażata l-Unjoni, din tal-aħħar adottat sistema ġdida ta’ kundizzjonalità.
Din is-sistema, stabbilita permezz tar-Regolament 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tissuġġetta l-benefiċċju ta’ finanzjamenti mill-baġit tal-Unjoni għall-osservanza mill- Istati Membri tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt. Dan ir-regolament jippermetti lill-Kunsill, wara li tintemm investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, jieħu miżuri, bħalma huma s-sospensjoni tal-pagamenti jew korrezzjonijiet finanzjarji, sabiex jiġu protetti l-baġit tal-Unjoni u l-interessi finanzjarji tagħha meta tali ksur iġorr ir-riskju li jippreġudikahom.
Dan ir-regolament ġie kkontestat mill-Ungerija u mill-Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fid-dawl tal-importanza eċċezzjonali tagħhom, il-kawżi ġew deċiżi mis-Seduta Plenarja tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Fis-16 ta’ Frar 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rikorsi tal-Ungerija u tal-Polonja.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-Unjoni hija bbażata fuq valuri komuni għall-Istati Membri, fosthom l-Istat tad-dritt. Dawn il-valuri komuni jiddefinixxu l-identità stess tal-Unjoni bħala ordinament ġuridiku komuni u ġew aċċettati mill-Istati Membri kollha meta aderixxew mal-Unjoni. L-osservanza tal- prinċipji tal-Istat tad-dritt tikkostitwixxi għalhekk obbligu fir- rigward tal-eżitu għall-Istati Membri, li jirriżulta direttament mis-sħubija tagħhom mal-Unjoni. It-tgawdija minn dawn l-Istati tad-drittijiet l-oħra kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-Trattati hija suġġetta għal din l-osservanza.
L-interessi finanzjarji tal-Unjoni jistgħu jkunu kompromessi b’mod gravi minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt imwettaq minn Stat Membru. L-Istati Membri jistgħu jiggarantixxu ġestjoni finanzjarja tajba biss jekk l-awtoritajiet pubbliċi jaġixxu konformement mad-dritt, jekk il-ksur tad-dritt ikun effettivament investigat u jekk id- deċiżjonijiet arbitrarji jew illegali tal-awtoritajiet pubbliku jkunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv minn poter ġudizzjarju indipendenti u imparzjali. B’hekk, l-Unjoni għandha tkun tista’ tiddefendi l-interessi finanzjarji tagħha, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri li jipproteġu l-baġit tagħha. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li s-sistema stabbilita permezz tar-Regolament ikkontestat taqa’ taħt il-kunċett ta’ regoli finanzjarji li jistabbilixxu b’mod partikolari l-modalitajiet dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit tal- Unjoni (Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal- Unjoni Ewropea (TFUE)). B’hekk, ir-Regolament kien adottat b’mod korrett fuq din il-bażi legali.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tispjega wkoll, bi tweġiba għal ċerti argumenti tal-Ungerija u tal-Polonja, li l-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità ma huwiex intiż li tiġi evitata l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Iż-żewġ proċeduri għandhom finalità differenti u għan distint. B’mod partikolari, l-Artikolu 7 TUE jippermetti reazzjoni għal kull ksur gravi u persistenti ta’ wieħed mill-valuri fundaturi tal- Unjoni, jew għal riskju ċar ta’ tali ksur, filwaqt li r-Regolament ikkontestat japplika biss għall-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad- dritt u fil-każ biss li jkun hemm raġunijiet raġonevoli sabiex jitqies li dan il-ksur għandu impatt baġitarju.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ukoll l-argument li l-prinċipji tal-Istat tad-dritt ma għandhomx kontenut materjali konkret fid-dritt tal-Unjoni. Dawn il-prinċipji ġew żviluppati b’mod estensiv fil-ġurisprudenza tagħha u għalhekk jinsabu speċifikati fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Is-sors tagħhom jinsab fil-valuri komuni rrikonoxxuti u applikati mill-Istati Membri fl-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma f’pożizzjoni li jiddeterminaw bi preċiżjoni suffiċjenti l-kontenut essenzjali kif ukoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn kull wieħed minn dawn il-prinċipji.
Fl-aħħar nett, l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità teżiġi l-istabbiliment ta’ rabta reali bejn ksur tal-prinċipju tal-Istat tad-dritt u preġudizzju jew riskju serju ta’ preġudizzju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-Unjoni. Din l-implimentazzjoni teżiġi wkoll rekwiżiti proċedurali stretti fir-rigward tal- Kummissjoni. B’hekk, l-Ungerija u l-Polonja ma għandhomx raġun meta jallegaw li l-poteri mogħtija lill-Kummissjoni u lill-Kunsill huma wiesgħa wisq. Minn dan il- Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li r-Regolament ikkontestat jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċertezza legali.
L-Artikollu 7 TUE
Din id-dispożizzjoni tiddeskrivi l-proċedura li tippermetti li jiġu sospiżi ċerti drittijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-Trattati għal Stat Membru fil-każ ta’ ksur gravi u persistenti tal-valuri komuni għall-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 2 TUE, li jinkludu l-Istat tad-dritt. L-Ungerija u l-Polonja kienu qegħdin jargumentaw li r-Regolament dwar il-kundizzjonalità kien jippermetti, b’mod illegali, permezz ta’ proċedura parallela, li jiġu evitati l-kundizzjonijiet preċiżi previsti fl-Artikolu 7 TUE sabiex jiġi ssanzjonat Stat Membru.
L-osservanza tal-Istat tad-dritt kienet is-suġġett ta’ diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, fosthom:
- is-sentenza Associação Sindical dos Juízes Portugueses (Indipendenza tal-membri tal-ġudikatura – Tnaqqis tar-remunerazzjonijiet fis- servizz pubbliku nazzjonali) tas-27 ta’ Frar 2018 (C‑64/16) ;
- is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-membri tal-ġudikatura – Limitazzjoni tad-dritt u tal-obbligu tal-qrati nazzjonali li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja) tal-15 ta’ Lulju 2021 (C‑791/19) ;
- is-sentenza Repubblika (Indipendenza tal-membri tal-ġudikatura ta’ Stat Membru – Proċedura ta’ ħatra – Setgħa tal-Prim Ministru – Parteċipazzjoni ta’ kummissjoni għall-ħatra tal-membri tal- ġudikatura) tal-20 ta’ April 2021 (C‑896/19).
Il-prinċipju ta’ ċertezza legali
Dan il-prinċipju jeżiġi li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għas-suġġetti tad-dritt, b’mod partikolari meta jkun jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli. B’hekk, leġiżlazzjoni għandha tippermetti lill- persuni kkonċernati jagħrfu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jieħdu l-passi tagħhom fid-dawl ta’ dawn id-drittijiet u obbligi.

Focus
Id-dritt għal azzjoni legali tal-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent

Sentenza Deutsche Umwelthilfe (Approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur) tat-8 ta’ Novembru 2022 (C‑873/19)
Sabiex jipproteġi l-ambjent u jtejjeb il-kwalità tal-arja, ir-Regolament tal-Unjoni Ewropea dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur jipprojbixxi l-użu ta’ apparat li jaġixxi fuq is-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet ta’ gass li jniġġes sabiex inaqqas l-effettività tagħha (apparat imsejjaħ “ta’ manipulazzjoni”). Madankollu, din il-projbizzjoni għandha tliet eċċezzjonijiet, b’mod partikolari meta “l-bżonn tat-tagħmir huwa ġġustifikat f’termini ta’ protezzjoni tal-magna kontra ħsara jew inċident u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura”.
Deutsche Umwelthilfe, assoċjazzjoni Ġermaniża għall-protezzjoni tal-ambjent, qieset li l-Uffiċċju Federali Ġermaniż għaċ-Cirkolazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur kiser il-projbizzjoni inkwistjoni meta awtorizza, għal ċerti vetturi tad-ditta Volkswagen l-użu ta’ software li jnaqqas ir-riċiklaġġ tal-gassijiet li jniġġsu, b’mod partikolari l-ossidu tan-nitroġenu (NOx). Dan is-software, imsejjaħ “tieqa ta’ temperaturi”, kien jippermetti li r-rata ta’ purifikazzjoni tal-gassijiet tal-exhaust tiġi adattata skont it-temperatura esterna. L-installazzjoni ta’ dan is-software b’hekk kellha bħala riżultat li r-riċiklaġġ tal-gassijiet li jniġġsu kien kompletament effettiv biss jekk it-temperatura esterna kienet ta’ iktar minn 15 °C. Issa, għas-sena 2018, it- temperatura medja annwali fil-Ġermanja kienet ta’ 10.4 °C.
Deutsche Umwelthilfe kkontestat l-awtorizzazzjoni quddiem qorti Ġermaniża. Din tal-aħħar daret lejn il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikseb kjarifiki dwar żewġ domandi.
1. Il-qorti Ġermaniża tirrileva li, skont id-dritt Ġermaniż, ma teżistix possibbiltà għal Deutsche Umwelthilfe li tippreżenta rikors kontra l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Uffiċċju Federali għaliex ir-Regolament Ewropew li hija tinvoka ma huwiex intiż li jipproteġi liċ-ċittadini individwalment. Il-qorti Ġermaniża tistaqsi lill- Qorti tal-Ġustizzja jekk din l-impossibbiltà hijiex kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u mad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Novembru 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, konformement mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqrija fid-dawl tal-Karta, assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, , li hija awtorizzata tressaq kawża quddiem qorti, ma tistax tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li teżiġi l-istħarriġ, mill-qrati nazzjonali, tal- osservanza ta’ ċerti regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent. Tali assoċjazzjoni għandha għalhekk tkun tista’ tikkontesta quddiem qorti awtorizzazzjoni mogħtija għal apparat ta’ manipulazzjoni.
2. Il-qorti Ġermaniża tistaqsi wkoll jekk il-“bżonn” li jintuża l-apparat ta’ “tieqa ta’ temperaturi”, li jippermetti b’mod eċċezzjonali l-ġustifikazzjoni tal-installazzjoni tiegħu sabiex tiġi protetta l-magna jew sabiex din tintuża b’mod sigur, għandux jiġi evalwat fid-dawl tat-teknoloġija eżistenti fid-data tal-awtorizzazzjoni jew jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li apparat ta’ manipulazzjoni, bħalma huwa “tieqa ta’ temperaturi”, jista’ jkun eċċezzjonalment iġġustifikat jekk il-kundizzjonijiet segwenti jkunu ssodisfatti:
- l-apparat għandu jissodisfa strettament il-bżonn li jiġu evitati r-riskji immedjati ta’ ħsara jew ta’ inċident fil-magna, ikkawżati minn funzjonament difettuż ta’ komponent tas-sistema ta’ riċiklaġġ tal-gassijiet tal- exhaust;
- din il-ħsara għandha tkun ta’ gravità tali li toħloq perikolu konkret matul is-sewqan tal-vettura;
- fil-mument tal-awtorizzazzjoni tal-apparat jew tal-vettura li tkun mgħammra bih, ebda soluzzjoni teknika oħra ma tippermetti li jiġu evitati dawn ir-riskji.
Fl-aħħar nett, anki jekk dan il-bżonn jiġi stabbilit, l-apparat ta’ manipulazzjoni għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi pprojbit jekk il-mod kif ikun iddisinjat iwassal sabiex, f’kundizzjonijiet normali ta’ ċirkolazzjoni, il-funzjonament tiegħu jiġi attivat matul il-parti l-kbira tas-sena. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-eċċezzjoni tiġi applikata ħafna iktar mill- projbizzjoni, b’mod li jkun hemm ksur sproporzjonat tal-prinċipju stess ta’ limitazzjoni tal-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu (NOx).
Il-Qorti tal-Ġustizzja regolarment taqta’ kawżi fil-qasam tal-ambjent. Fost l-iktar reċenti jistgħu jissemmew:
- is-sentenza “Ville de Paris et ” (Approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur – Valuri tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu – Proċedura għall-ittestjar tal-emissjonijiet f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali) tat-13 ta’ Jannar 2022 (C‑177/19 P et) ;
- is-sentenzi GSMB Invest, Volkswagen u Porsche Inter Auto u Volkswagen (Vetturi bil-mutur diesel – Emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu (NOx) – Apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit – “Tieqa ta’ temperaturi”) tal-14 ta’ Lulju 2022 (C‑128/20 et) ;
- is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (Valuri ta’ limitu – NO2) tat-22 ta’ Diċembru 2022 (C‑125/20) ;
- is-sentenza Ministre de la Transition écologique u Premier ministre (Responsabbiltà tal-Istat għat-tniġġis tal-arja) tat-22 ta’ Diċembru 2022 (C‑61/21).

Focus
Id-dritt li wieħed jintesa u d-dritt għal informazzjoni

Sentenza Google (Tneħħija ta’ referenza għal kontenut allegatament mhux preċiż) tat-8 ta’ Diċembru 2022 (C‑ 460/20)
Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (RĠPD)
Ir-RĠPD, li daħal fis-seħħ fl-2018, jagħti liċ-ċittadini iktar kontroll fuq id-data personali tagħhom u jqiegħed ċerti responsabbiltajiet fuq l-atturi li jżommu din id-data.
Fost id-drittijiet stabbiliti fir-RĠPD hemm:
- id-dritt għal informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data;
- id-dritt ta’ aċċess għad-data miżmuma;
- id-dritt għall-korrezzjoni tad-data li ma tkunx preċiża jew li ma tkunx kompleta;
- id-dritt għat-tħassir tad-data li tkun ġiet ipproċessata b’mod illegali jew li ma tkunx għadha meħtieġa fid-dawl tal-għanijiet tal-ipproċessar tagħha (magħruf aħjar bħala d-“dritt li wieħed jintesa”);
- id-dritt għall-portabbiltà tad-data (irkupru tad-data pprovduta lil kontrollur responsabbli għall-ipproċessar).
Fil-livell tal-Unjoni Ewropea, il-protezzjoni tad-data personali hija rregolata permezz tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.
Madankollu, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ma huwiex assolut. Dan id-dritt għandu jiġi bbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħra, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fost dawn id-drittijiet fundamentali oħra hemm id-dritt għal-libertà ta’ informazzjoni.
Fis-sentenza Google, mogħtija fit-8 ta’ Diċembru 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret l-importanza ta’ dan l-ibbilanċjar u implimentat tali bbilanċjar f ’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Federali tal-Ġustizzja Ġermaniża dwar id-dritt li wieħed jintesa.
It-tilwima kienet tikkonċerna żewġ diretturi ta’ grupp ta’ kumpanniji ta’ investiment li kienu talbu lil Google tneħħi r-referenza għar-riżultati ta’ tfittxijiet imwettqa abbażi ta’ isimhom. Ir-riżultat ta’ dawn it-tfittxijiet kien jinkludi links lejn artikli fl-istampa li kienu jippreżentaw b’mod kritiku l-mudell ta’ investiment ta’ dan il-grupp. Iż-żewġ diretturi kienu qegħdin isostnu li dawn l-artikli kien fihom allegazzjonijiet li ma kinux preċiżi. Barra minn hekk, huma kienu qegħdin jitolbu li ritratti tagħhom, murija fil-forma ta’ ritratti żgħar ħafna (thumbnails) mingħajr ebda element kuntestwali ieħor, jitneħħew mil-lista ta’ dawn ir-riżultati.
Google rrifjutat li tilqa’ dawn it-talbiet filwaqt li rreferiet għall-kuntest professjonali ta’ dawn l-artikli u ritratti, u filwaqt li sostniet li hija ma kinitx taf jekk l-informazzjoni li kienet tinsab fl-artikli kinitx preċiża jew le.
Adita bit-tilwima, il-Qorti Federali tal-Ġustizzja Ġermaniża talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad- Data fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, ir-Regolament jipprevedi espliċitament li d-dritt li wieħed jintesa għandu jkun eskluż meta l-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni jkun meħtieġ għall-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ informazzjoni.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li d-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali għandu jipprevali, bħala regola ġenerali, fuq l-interess leġittimu tal-utenti tal-internet li jkollhom aċċess għal informazzjoni. Madankollu, dan il-bilanċ jista’ jiddependi min-natura ta’ din l-informazzjoni u min-natura sensittiva tagħha għall-ħajja privata tas-suġġett tad-data. Huwa jiddependi wkoll mill-interess tal-pubbliku li jkollu informazzjoni. Dan l-interess jista’ jvarja skont ir-rwol li s-suġġett tad-data jkollu fil-ħajja pubblika.
Madankollu, id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni meta l-informazzjoni li tkun tinsab fil-kontenut li għalih issir referenza (u li ma tkunx ta’ importanza żgħira) tirriżulta li ma tkunx preċiża.
Meta persuna tressaq talba għat-tneħħija ta’ referenza, l-operatur ta’ magna tat-tiftix għandu numru ta’ obbligi:
- Huwa għandu jivverifika jekk kontenut jistax jibqa’ jiġi inkluż fil-lista ta’ riżultati tat-tfittxijiet imwettqa permezz tal-magna tat-tiftix tiegħu. Jekk it-talba jkollha provi suffiċjenti, l-operatur tal-magna tat-tiftix għandu jilqa’ din it-talba.
- Jekk it-talba ma tistabbilixxix b’mod manifest in-natura mhux preċiża tal-informazzjoni, l-operatur ma huwiex obbligat iħassarha. F’dan il-każ, il-persuna li tressaq it-talba għandha madankollu tkun tista’ tressaq il-każ quddiem l-awtorità superviżorja fil-qasam tal- protezzjoni tad-data jew quddiem l-awtorità ġudizzjarja sabiex dawn tal-aħħar iwettqu l-verifiki meħtieġa u jordnaw, jekk ikun il-każ, lill-operatur jadotta l-miżuri meħtieġa.
- L-operatur għandu jwissi lill-utenti tal-internet bl-eżistenza ta’ proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja dwar in-natura allegatament mhux preċiża ta’ kontenut.
- Huwa għandu jivverifika jekk il-preżentazzjoni ta’ ritratti fil-forma ta’ ritratti żgħar ħafna (thumbnails) tkunx meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ informazzjoni tal-utenti tal-internet li potenzjalment ikollhom interess li jkollhom aċċess għal dawn ir-ritratti. Fil-fatt, il-preżentazzjoni ta’ ritratti ta’ persuna tikkostitwixxi ndħil partikolarment kunsiderevoli fil-ħajja privata tagħha. Il-fatt li dan l-aċċess jikkontribwixxi għal dibattitu ta’ interess ġenerali jikkostitwixxi element importanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jsir ibbilanċjar ma’ drittijiet fundamentali oħra.
Il-protezzjoni tad-data personali hija suġġett li jagħti lok għal numru kbir ta’ kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Dawn huma numru ta’ sentenzi reċenti marbuta mal-evoluzzjoni tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni:
- is-sentenza Facebook Ireland u Schrems tas-16 ta’ Lulju 2020 dwar il-livell ta’ protezzjoni li għandu jiġi żgurat fil-każ ta’ trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz (C‑311/18);
- is-sentenzi La Quadrature du Net et tas-6 ta’ Ottubru 2020 dwar il-projbizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi t-trażmissjoni jew iż-żamma ġġeneralizzati u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u l-lokalizzazzjoni (C‑511/18 et);
- is-sentenza Prokuratuur tat-2 ta’ Marzu 2021 dwar l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data dwar it-traffiku u l-lokalizzazzjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja (C‑746/18) ;
- is-sentenza Facebook Ireland et tal-15 ta’ Ġunju 2021 dwar is-setgħat tal-awtoritajiet superviżjoni nazzjonali (C‑645/19) ;
- is-sentenza Vyriausioji tarnybinės etikos komisija tal-1 ta’ Awwissu 2022 dwar it-trasparenza tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati ta’ ħaddiema jew diretturi tas-settur pubbliku (C‑184/20).

Focus
Gwerra fl-Ukraina: projbizzjoni ta’ xandir imposta fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni favur ir-Russja u l-libertà ta’ espressjoni

Sentenza RT France vs Il-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 2022 (T‑125/22)
Il-proċedura għal miżuri provviżorji
Fl-istennija tad-deċiżjoni finali tal-Qorti Ġenerali, RT France talbet lill-President tal-Qorti Ġenerali, fit-8 ta’ Marzu 2022, jissospendi immedjatament l-effetti tad- deċiżjoni ta’ projbizzjoni tal- attivitajiet ta’ xandir. Din it-talba, imsejħa proċedura għal miżuri provviżorji, ġiet miċħuda fit- 30 ta’ Marzu 2022. Il-President iddeċieda, b’mod partikolari, li RT France ma kinitx stabbilixxiet li l-projbizzjoni kienet qiegħda tikkawżalha dannu irreparabbli. Għaldaqstant, ma kienx hemm urġenza partikolari li kienet tiġġustifika din is-sospensjoni qabel l-għoti tas-sentenza definittiva fil-kawża.
Fl-24 ta’ Frar 2022, il-Federazzjoni Russa bdiet gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukraina. Fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tagħha, l-Unjoni Ewropea rreaġixxiet għal dan il-ksur tad-dritt internazzjonali, fost l-oħrajn billi imponiet sanzjonijiet fuq il-Federazzjoni Russa. Fl-1 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea pprojbixxa l-attivitajiet ta’ xandir ta’ ċerti mezzi ta’ komunikazzjoni fl-Unjoni jew lejn l-Unjoni sabiex jaffaċċja l-azzjonijiet ta’ propaganda Russa.
Din il-projbizzjoni kellha impatt b’mod partikolari fuq RT France, li topera stazzjon tat-televiżjoni ffinanzjat mill-baġit tal-Istat Russu, li, fit-8 ta’ Marzu 2022, ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tal-Kunsill.
Fid-dawl tal-importanza u tal-urġenza tal-kawża, il-Qorti Ġenerali, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti (bi 15-il Imħallef), implimentat ex officio, għall-ewwel darba, il-proċedura mħaffa, li bis-saħħa tagħha rnexxielha taqta’ l-kawża f’inqas minn 5 xhur.
Fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Lulju 2022, il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu. Is-sentenza hija bbażata fuq tliet elementi essenzjali:
- Il-Kunsill għandu diskrezzjoni wiesgħa sabiex jiddefinixxi miżuri restrittivi fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni. Huwa jista’ jimponi projbizzjoni temporanja ta’ xandir ta’ kontenut ta’ ċerti mezzi ta’ komunikazzjoni ffinanzjati mill-baġit tal-Istat Russu jekk dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni jappoġġjaw l-aggressjoni militari mir-Russja. L-implimentazzjoni uniformi ta’ projbizzjoni ta’ dan it-tip tista’ tiġi żgurata aħjar fil-livell tal-Unjoni milli fil-livell nazzjonali.
- Il-projbizzjoni ta’ xandir, li d-deċiżjoni dwarha kienet ittieħdet mingħajr ma RT France nstemgħet minn qabel, ma tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża. Il-kuntest eċċezzjonali u ta’ urġenza estrema minħabba l-bidu ta’ gwerra mal-fruntieri tal-Unjoni kien jeħtieġ reazzjoni rapida. L-implimentazzjoni immedjata tal-miżuri ta’ projbizzjoni ta’ mezz ta’ propaganda favur l-aggressjoni militari kienet essenzjali sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dawn il-miżuri.
- Il-libertà ta’ espressjoni tikkostitwixxi waħda mill-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika. Din il-libertà ma tapplikax biss għall-ideat milqugħa b’mod favorevoli jew meqjusa li ma jagħmlux ħsara, iżda tapplika wkoll għall-ideat li joffendu, jixxokkjaw jew jinkwetaw. Dan jirriżulta mir-rekwiżiti tal-pluraliżmu, tat-tolleranza u tal-ispirtu ta’ ftuħ li mingħajrhom ma jkunx hemm soċjetà demokratika.
Madankollu, jista’ jkun meħtieġ, fis-soċjetajiet demokratiċi, li jiġu ssanzjonati l-forom ta’ espressjoni li jxerrdu, jiġġustifikaw jew jinċitaw il-mibegħda bbażata fuq l-intolleranza jew fuq l-użu u l-ġustifikazzjoni tal-vjolenza.
Il-miżura ta’ projbizzjoni meħuda kontra RT France ssegwi dan il-għan. Hija intiża li tipproteġi l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika tal-Unjoni, li huma mhedda mill-kampanja sistematika ta’ propaganda implimentata mir-Russja, u li teżerċita pressjoni fuq l-awtoritajiet Russi sabiex iwaqqfu l-aggressjoni militari. Din il- miżura hija wkoll proporzjonata peress li hija xierqa u neċessarja għall-għanijiet mixtieqa. Hemm biżżejjed indizji konkreti, preċiżi u konsistenti sabiex jintwera li RT France kienet qiegħda ssostni b’mod attiv il- politika destabilizzanti u aggressiva mħaddna mill-Federazzjoni Russa li fl-aħħar mill-aħħar wasslet għal operazzjoni militari offensiva kbira kontra l-Ukraina. Ebda wieħed mill-elementi ppreżentati minn RT France ma jippermetti li jiġi kkonstatat li din tal-aħħar kienet tiżgura trattament globalment ibbilanċjat tal-informazzjoni dwar il-gwerra li kienet għaddejja, li kien josserva l-prinċipji fil-qasam tad-“dmirijiet u responsabbiltajiet” tal-mezzi awdjoviżivi ta’ komunikazzjoni.
Il-miżuri restrittivi jew sanzjonijiet
Dawn huma għodda li għandha l-Unjoni Ewropea sabiex tippromwovi l-għanijiet tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tagħha. Dawn l-għanijiet huma, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-valuri, tal-interessi fundamentali u tas-sigurtà tal-Unjoni, il-konsolidazzjoni u s-sostenn tad-demokrazija, tal-Istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali, iż-żamma tal-paċi u l-prevenzjoni tal- kunflitti kif ukoll it-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali.
Dawn il-miżuri jistgħu jkunu indirizzati kontra l-gvernijiet ta’ pajjiżi terzi jew kontra entitajiet mhux statali (pereżempju impriżi) u individwi (bħalma huma l-gruppi terroristiċi). Fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-miżuri jkunu indirizzati kontra individwi jew entitajiet u jikkonsistu fl-iffriżar tal-assi u fi projbizzjonijiet ta’ vjaġġar fl-Unjoni.
Il-Qorti Ġenerali tiġi adita b’numru kbir ta’ kawżi li jikkonċernaw miżuri restrittivi: dawn jinkludu, b’mod partikolari, sanzjonijiet fil-kuntest ta’ azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is- sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, jew minħabba s-sitwazzjoni fis-Sirja u fil-Bjelorussja, kif ukoll kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

Focus
Multa rekord ta’ EUR 4.125 biljuni imposta fuq Google minħabba r-restrizzjonijiet imposti fuq il-manifatturi ta’ apparat mobbli Android

Sentenza Google u Alphabet vs Il Kummissjoni (Google Android) tal-14 ta’ Settembru 2022 (T‑604/18)
Google hija impriża fis-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni speċjalizzata fil-prodotti u fis-servizzi marbuta mal-internet. Hija tiġġenera l-parti essenzjali tad-dħul tagħha mill- prodott ewlieni tagħha, il-magna tat-tiftix Google Search. Il-mudell kummerċjali tagħha huwa bbażat fuq l-interazzjoni bejn, minn naħa, ċertu numru ta’ prodotti u ta’ servizzi proposti, ħafna drabi bla ħlas, lill-utenti u, min-naħa l-oħra, servizzi ta’ reklamar online bl-użu tad-data miġbura mingħand dawn l-utenti. Google tipproponi, barra minn hekk, is- sistema operattiva Android, li f’Lulju 2018 kienet tintuża, skont il-Kummissjoni, fuq 80 % tal-apparat mobbli intelliġenti użat fl-Ewropa.
Wara li rċeviet numru ta’ lmenti, il-Kummissjoni fetħet proċedura kontra Google fl-2015. Din il-proċedura wasslet, fl-2018, għall-impożizzjoni fuq Google ta’ sanzjoni ta’ EUR 4.343 biljuni minħabba li kienet imponiet restrizzjonijiet illegali fuq il-manifatturi ta’ apparat mobbli Android u fuq l-operaturi ta’ networks tat-telefonija mobbli. Dawn ir-restrizzjonijiet kienu jinvolvu l-impożizzjoni fuq il-manifatturi ta’ apparat mobbli l-obbligu:
- li jinstallaw minn qabel Google Search u Chrome sabiex ikunu jistgħu jiksbu l-liċenzja għall-użu ta’ Play Store;
- li jastjenu milli jbigħu apparat mgħammar b’verżjonijiet Android li ma jkunux approvati minn Google;
- li jirrinunzjaw milli jinstallaw minn qabel servizz ta’ tiftix kompetitur sabiex ikunu jistgħu jiksbu parti mid-dħul mir-reklamar ta’ Google.
Skont il-Kummissjoni, dawn ir-restrizzjonijiet kienu intiżi li jiġu kkonsolidati l-pożizzjoni dominanti tal-magna tat-tiftix ta’ Google u d-dħul tagħha miksub permezz tar-reklami marbuta ma’ dawn it-tfittxijiet.
X’inhu abbuż minn pożizzjoni dominanti?
Il-pożizzjoni dominanti hija sitwazzjoni ta’ saħħa ekonomika miżmuma minn impriża li tagħtiha s-setgħa li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva u li taġixxi indipendentement mill- kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha, mill-fornituri tagħha u mill-konsumatur finali.
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxi lill-impriżi milli jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom sabiex joħolqu restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni, pereżempju billi jimponu prezzijiet abbużivi, ftehimiet ta’ bejgħ esklużivi, jew bonus tal-lealtà intiżi li jattiraw il- fornituri tal-kompetituri tagħhom.
Din hija l-ikbar multa li qatt ġiet imposta fl-Ewropa minn awtorità tal-kompetizzjoni. Google ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni.
Fil-każ tal-kawża Google u Alphabet, il-proċess tal-kawża kien fih iktar minn 100 000 paġna. Matul is-seduta, kienu preżenti 72 avukat u rappreżentant, għal 13-il parti differenti (ir-rikorrenti, Google u Alphabet; il-konvenuta, il- Kummissjoni Ewropea; u 11-il intervenjent insostenn jew tar-rikorrenti jew tal-konvenuta). Is-seduta nżammet fuq ħamest ijiem.
Il-kawża nqatgħet bis-sentenza Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni tal-14 ta’ Settembru 2022. Fil-parti l-kbira, il-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni u ċaħdet il-parti essenzjali tar-rikors. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet b’mod suffiċjenti l-kapaċità ta’ ċertu aġir ta’ Google li joħloq restrizzjoni tal-kompetizzjoni u li l-Kummissjoni ma kienx imissha rrifjutat lil Google l-possibbiltà li tippreżenta l-argumenti tagħha dwar dan il-punt fil-kuntest ta’ seduta għas-smigħ. Wara l-evalwazzjoni tagħha stess taċ- ċirkustanzi kollha, il-Qorti Ġenerali fl-aħħar mill-aħħar naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq Google għal EUR 4.125 biljuni.
Verifika tal-fatti u tal-applikazzjoni tajba tad-dritt mill-Qorti Ġenerali
Il-kawżi tal-kompetizzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali ħafna drabi jkunu kumplessi u voluminużi. Il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fl-ewwel istanza: hija għalhekk ma teżaminax biss jekk il-Kummissjoni tkunx applikat b’mod korrett id- dritt iżda teżamina wkoll jekk il-fatti jkunux ġew stabbiliti suffiċjentement. Il-proċessi jistgħu jinkludu provi u studji ekonomiċi ddettaljati intiżi li jistabbilixxu jew li jikkontestaw l-effetti tal-aġir tal-impriżi fis-suq.
Sentenza Qualcomm vs Il Kummissjoni tal-15 ta’ Ġunju 2022 (T‑235/18)
F’kawża oħra dwar abbuż minn pożizzjoni dominanti, il-Qorti Ġenerali annullat kompletament id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet imponiet fuq Qualcomm multa ta’ madwar EUR 1 biljun minħabba li kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq taċ-chipsets LTE (komponenti elettroniċi li bihom jiġu mgħammra s-smartphones u t-tablets). Skont il-Kummissjoni, dan l-abbuż kien ikkaratterizzat mill-eżistenza ta’ ftehimiet li jipprevedu pagamenti bħala inċentiv u li kienu jipprovdu li Apple kellha takkwista l-provvista tagħha ta’ chipsets LTE esklużivament mingħand Qualcomm. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li diversi irregolaritajiet proċedurali kienu affettwaw id-drittijiet tad-difiża ta’ Qualcomm, b’mod partikolari l-assenza ta’ reġistrazzjoni ta’ ċerti laqgħat matul l-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali osservat ukoll li l-analiżital-Kummissjoni dwar l-effetti antikompetittivi tal-ftehimiet ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha, b’mod partikolari l-fatt li Apple ma kellhiex alternattiva teknika għaċ-chipsets LTE.
Ħarsa lejn l-iktar sentenzi importanti tas-sena
Ambjent
Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-ambjent
Ara l-video fuq YouTube
Il-protezzjoni tal-fawna u tal-flora, it-tniġġis tal-arja, tal-art u tal-ilma kif ukoll ir-riskji marbuta mas-sustanzi perikolużi huma wħud mill-isfidi li l-Unjoni Ewropea tikkontribwixxi sabiex jiġu affaċċjati bl-adozzjoni ta’ regoli stretti. L-Unjoni adottat, pereżempju, valuri ta’ limitu għall-emissjoni ta’ inkwinanti, b’mod partikolari fl-agglomerazzjonijiet.
Id-Direttorat tar-Riċerka u tad-Dokumentazzjoni jipproponi lill-professjonisti tal-liġi, fil-kuntest tal-Kollezzjoni tas-Sunti tagħha, “Selezzjoni ta’ sentenzi importanti” u “Bulettin mensili tal-ġurisprudenza” tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali.
Enerġija
F’kuntest ikkaratterizzat mill-gwerra fl-Ukraina u mid-dipendenza f ’termini ta’ enerġija tal-kontinent Ewropew fil-konfront tal-bqija tad-dinja, l-Unjoni Ewropa tiżgura l- provvista u s- sigurtà tal- enerġija fit- territorju tagħha. Hija tikkontribwixxi sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament tas- suq tal-enerġija u sabiex tiġi kkontrollata ż-żieda bla rażan tal-prezzijiet tal-enerġija, b’mod partikolari l-prezz tal-gass u tal- elettriku. Barra minn hekk, hija tiżgura l-interkonnessjoni tan-networks tal-enerġija tal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-Unjoni tippromwovi l-iżvilupp tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u t-tnaqqis tad-dipendenza fuq l- enerġiji mill-fossili. L-investimenti tal-Istati Membri jistgħu jikkompromettu l-kompetizzjoni fis- suq tal- enerġija u għalhekk il-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-Unjoni huwa suġġett għall-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali.
Konsumaturi
X’għamlet għalija l-Qorti tal-Ġustizzja?
Ara l-video fuq YouTube
Il-Qorti tal-Ġustizzja: Garanzija tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-Unjoni Ewropea
Ara l-video fuq YouTube
Ir-rispett tad-drittijiet tal-konsumaturi, il-prosperità tagħhom u l-benesseri tagħhom huma valuri fundamentali fl-iżvilupp tal-politiki tal-Unjoni. Il- Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ l- applikazzjoni tar- regoli li jipproteġu lill-konsumaturi, sabiex jiġi ggarantit il-ħarsien tas-saħħa tagħhom, tas- sigurtà tagħhom u tal-interessi ekonomiċi u legali tagħhom, irrispettivament mill- post fejn jirrisjedu jew li jmorru fih u irrispettivament minn fejn iwettqu x-xiri tagħhom fi ħdan l-Unjoni.
Ugwaljanza fit-trattament
Il-Qorti tal-Ġustizzja: Garanzija ta’ trattament ugwali u ħarsien tad-drittijiet tal-minoranzi
Ara l-video fuq YouTube
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tistabbilixxi l-ugwaljanza quddiem il-liġi tal-individwi kollha bħala bnedmin, ħaddiema, ċittadini jew partijiet fi proċedura ġudizzjarja. Id-Direttiva 2000/78, b’mod partikolari, tiżgura qafas ġenerali favur l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, filwaqt li tipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, fuq diżabbiltà, fuq l-età jew l- orjentament sesswali. Il- Qorti tal- Ġustizzja qatgħet diversi kawżi dwar dawn il-preżunzjonijiet ta’ diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, filwaqt li tenfasizza l-osservanza dovuta lill-prinċipju ta’ proporzjonalità bejn l-għan imfittex mir-regoli kkontestati u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
Familja
L-Unjoni Ewropea tistabbilixxi regoli għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, bil-għan li ċ-ċittadini Ewropej u b’mod partikolari l-familji tagħhom ma jkunux imfixkla fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom minħabba li jgħixu fi Stati Membri differenti tal-Unjoni jew minħabba li jkunu iċċaqalqu minn Stat Membru għal ieħor matul il-ħajja tagħhom. B’din l-istess idea, ir-Regolament “ Brussell IIa” jirregola l- kooperazzjoni ġudizzjarja fi ħdan l- Unjoni fil- qasam matrimonjali u fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri.
Data personali
Il-Qorti tal-Ġustizzja fid-dinja diġitali
Ara l-video fuq YouTube
L-Unjoni Ewropea adottat leġiżlazzjoni li tikkostitwixxi bażi solida u konsistenti għall-protezzjoni tad-data personali, irrispettivament mill-mod u mill-kuntest tal- ġbir, taż-żamma, tal- ipproċessar u tat-trasferiment ta’ din id- data. Il- Qorti tal- Ġustizzja tiżgura li d- data personali pproċessata jew miżmuma tkun limitata għal dak li jkun strettament meħtieġ, mingħajr indħil sproporzjonat fid- dritt għall-ħajja privata.
Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja
L-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja bla fruntieri interni huwa bbażat fuq diversi aspetti: il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri fil-qasam ċivili u f’dak kriminali, il-kooperazzjoni mill-pulizija, il-kontroll mal- fruntieri esterni, l-ażil u l-immigrazzjoni. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri tieħu l-forma, b’mod partikolari, tal-mandat ta’ arrest Ewropew, deċiżjoni ġudizzjarja ta’ Stat Membru intiża għall- arrest ta’ persuna mfittxija fi Stat Membru ieħor u għall-konsenja tagħha minħabba proċedura kriminali jew għall-finijiet tal- eżekuzzjoni ta’ piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal- libertà. Fir-rigward tal-ażil, id-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew il-persuni bla Stat għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali (id-Direttiva dwar ir-refuġ jati). Il- Qorti tal- Ġustizzja regolarment tintalab tispeċifika l-portata tar-regoli applikabbli.
Salvataġġ fil-baħar
Fil-kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ salvataġġ fil-baħar, qamet il-kwistjoni tal-portata tas-setgħat tal-awtoritajiet tal-Istat Membru tal- port għall-finijiet tal-kontroll tal-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tas-sigurtà marittima u ambjentali.
Aċċess għad-dokumenti
It-trasparenza tal-ħajja pubbliku hija prinċipju ewlieni tal-Unjoni. Għaldaqstant, bħala prinċipju, kull ċittadin jew persuna ġuridika tal-Unjoni jista’ jkollhom aċċess g ħad - dokumenti tal - is tituz zjonijiet. Madankollu, f’ċerti każijiet, dan l-aċċess jista’ jiġi miċħud.
Kompetizzjoni u għajnuna mill-istat
L-Unjoni Ewropea tapplika regoli għall-finijiet tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni ħielsa. Il-prattiki li għandhom bħala għan jew bħala effett li jipprekludu, li jillimitaw jew li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern huma pprojbiti. B’mod iktar preċiż, id- dritt tal-Unjoni jipprojbixxi ċerti ftehimiet jew skambji ta’ informazzjoni bejn impriża u l-kompetituri tagħha li jista’ jkollhom tali għan jew tali effett kif ukoll l-isfruttament abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti, f ’suq partikolari, minn impriża. F’din l-istess perspettiva, l- għajnuna mill- Istat hija bħala prinċipju pprojbita, ħlief meta tkun iġġustifikata u meta ma toħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni li tmur kontra l-interess ġenerali.
Proprjetà intellettwali
Il-Proprjetà Intellettwali fil-Qorti Ġenerali
Ara l-video fuq YouTube
Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jiżguraw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni adottata mill-Unjoni sabiex jiġu protetti d-drittijiet esklużivi kollha fuq ix-xogħlijiet intellettwali. Il-protezzjoni tal- proprjetà intellettwali (drittijiet tal-awtur) u industrijali (dritt tat-trade marks, protezzjoni tad- disinni) ittejjeb il- kompetittività tal- impriżi billi tiffavorixxi ambjent li jinkoraġġixxi l-kreattività u l-innovazzjoni. Id-dritt tal-Unjoni jipproteġi wkoll l-għarfien irrikonoxxut ta’ prodott f’żona ġeografika tal- Unjoni permezz tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetta (DOP).
Tassazzjoni
Bħala prinċipju, it-taxxi diretti jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu, dawn it-taxxi, bħalma hija pereżempju t-taxxa fuq il-kumpanniji, għandhom josservaw ir- regoli bażi tal-Unjoni Ewropea, bħalma hija l-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat. B’hekk, id-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem (“tax rulings”) ta’ ċerti Stati Membri li jagħtu lil impriżi multinazzjonali trattament fiskali partikolari jkunu s-suġġett ta’ kontrolli min- naħa tal-Kummissjoni u l-qorti tal-Unjoni tintalab tagħti deċiżjoni.
L-istat tad-dritt
Id-Difiża tal-Istat tad-Dritt fl-Unjoni Ewropea
Ara l-video fuq YouTube
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – regoli vinkolanti b’impatt reali
Ara l-video fuq YouTube
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-istess bħat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tagħmel riferiment espliċitu għall-Istat tad-dritt, wieħed mill- valur komuni għall-Istati Membri tal-Unjoni li fuqhom hija bbażata din tal-aħħar. Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda dejjem iktar tintalab tagħti deċiżjoni dwar l-osservanza tal-Istat tad-dritt mill-Istati Membri, kemm fil-kuntest ta’ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentati kontrihom mill-Kummissjoni Ewropea u kemm fil-kuntest ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill- qrati nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk teżamina jekk dan il-valur fundatur huwiex osservat fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-poter ġudizzjarju u, b’mod iktar partikolari, fil-kuntest tal- proċess ta’ ħatra jew tas-sistema dixxiplinari tal-membri tal-ġudikatura.
Miżuri restrittivi u politika estera
Il-miżuri restrittiv jew “ sanzjonijiet” jikkostitwixxu strument essenzjali tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) tal- Unjoni Ewropea. Huma jintużaw fil- kuntest ta’ azzjoni integrata u globali li tinkludi b’mod partikolari djalogu politiku. L-Unjoni tużahom, b’mod partikolari, sabiex tħares il-valuri, l-interessi fundamentali u s-sigurtà tal-Unjoni, u sabiex tevita l-kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali. Fil-fatt, is-sanzjonijiet huma intiżi li jwasslu għal bidla fil-politika jew fl-aġir min-naħa tal-persuni jew tal-entitajiet koperti, bil-għan li jiġu promossi l-għanijiet tal-PESK.