Istituzzjoni li tirrispetta l-ambjent

 
Start Scroll

Il-Qorti tal-Ġustizzja ilha għal diversi snin issegwi politika ambjentali ambizzjuża, intiża li tissodisfa l-iktar regoli eżiġenti fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli u tal-preżervazzjoni tal-ambjent.

Bħal kull sena, l-istituzzjoni tagħti rendikont tal-evoluzzjoni tal-iktar indikaturi reċenti għad-dispożizzjoni tagħha, jiġifieri dawk tas-sena 2021.

Il-ġestjoni tal-proġetti immobiljari tal-istituzzjoni, kif ukoll il-ġestjoni ta’ kuljum tal-mezzi u tal-għodda mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha huma rregolati mix-xewqa kostanti ta’ rispett tal-ambjent, kif tixhed il-kisba tar-reġistrazzjoni EMAS (Eco-Management and Audit Scheme) fl-2016. Ir-reġistrazzjoni EMAS, maħluqa permezz ta’ regolament Ewropew, tingħata lill-organizzazzjonijiet li jissodisfaw rekwiżiti stretti marbuta mal-politika ambjentali tagħhom u mal-isforzi tagħhom favur il-ħarsien tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli. Hija tikkostitwixxi rikonoxximent qawwi tal-impenn ambjentali tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-prestazzjonijiet ambjentali għolja miksuba.

Fid-Dikjarazzjoni ambjentali annwali tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti bilanċ iddettaljat tal-prestazzjoni ambjentali u tiddeskrivi l-proġetti ekoloġiċi attwali u futuri fi ħdan l-istituzzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju, żviluppat programm ta’ taħriġ online li permezz tiegħu tindirizza ruħha lill-membri tal-persunal il-ġodda kollha sabiex tinformahom bl-aspetti ambjentali tax-xogħol ta’ kuljum tagħhom, filwaqt li tissuġġerixxi prattiki korretti mill-perspettiva tal-informatika u tal-uffiċċju, tal-użu tal-enerġija, tal-ilma u tat-trattament tal-iskart, kif ukoll taċ- ċaqliq tagħhom.

Fost l-azzjonijiet konkreti reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-persunal tagħha network ta’ funtani tal-ilma bil-għan li jitnaqqas drastikament l-użu ta’ fliexken tal-plastik. Mar-ritorn lejn l-uffiċċju wara l-pandemija, il-Qorti tal-Ġustizzja qassmet ukoll fliexken li jistgħu jerġgħu jintużaw sabiex tinkoraġġixxi l-użu tal- imsemmija funtani. Effettivament, is-sistema tal-provvista ta’ ilma tax-xorb teskludi l-użu ta’ fliexken tal-plastik.

Fir-rigward tal-konsum tal-karti, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet għall-ewwel darba għanijiet fil-forma ta’ ċifri għas-snin 2022-2023: tnaqqis ta’ 10 % meta mqabbel mal-2019 fl-2022 u tnaqqis supplimentari ta’ 5 % fl-2023. Barra minn hekk, f’Settembru 2022, il-kumitat EMAS ħa d-deċiżjoni li jnaqqas bin-nofs in-numru ta’ stampaturi personali. L-ewwel stadji ta’ dan l-eżerċizzju tnedew f’Diċembru 2022.

L-applikazzjoni “e-Curia” għall-iskambju tad-dokumenti ġudizzjarji bejn ir-rappreżentanti tal-partijiet u l-qrati tal-Unjoni għandha wkoll impatt ambjentali pożittiv. Bħala eżempju, li kieku l-paġni kollha tal-atti proċedurali mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Qorti Ġenerali permezz ta’ e-Curia fl-2022 (kważi miljun paġna) kellhom jiġu ppreżentati fuq karta flimkien ma’ diversi kopji tagħhom, dan kien jiġġenera l-produzzjoni ta’ diversi tunnellati ta’ karti, li, barra minn hekk, kien ikollhom jinġarru fiżikament sal-Lussemburgu.

  • Titjib kontinwu tar-riċiklaġġ tal-iskart: għażla selettiva u rkupru tat-tagħmir tal-uffiċċju (proġett f’fażi ta’ test)
  • Parteċipazzjoni fis-sistema ta’ roti self-service Vel’OH u sostenn għat-traġitti bir-rota
  • Titjib kontinwu fl-infrastrutturi tas-sħana, tal-ventilazzjoni u tal-klimatizzazzjoni
  • Tnaqqis tal-iskart (mill-uffiċċji u mir-ristoranti) - 59.8 % kg/EFT
  • Tnaqqis tal-konsum tal-ilma - 38.2 % m3/EFT
  • Tnaqqis tal-konsum tal-karti - 58.4 % kg/EFT
  • Tnaqqis tal-konsum tal-elettriku - 5.9 % kWh/EFT
  • 3 466 3466 m2 ta’ ċelloli fotovoltajċi li jipproduċu 380 041 kWh ekwivalenti għall-bżonnijiet annwali ta’ 69 familja
  • Tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju - 34.3 % kg CO2/EFT

L-ekwivalenti full-time (EFT) ) hija unità li tippermetti li titkejjel l-attività professjonali b’mod indipendenti mid- differenzi f’termini ta’ numru ta’ sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa għal kull membru tal-persunal minħabba d-diversi modi kif jiġi organizzat il-ħin tax-xogħol.

L-indikaturi ambjentali għall-ilma, għall-iskart, għall-karti u għall-elettriku jikkorrispondu għal dawk tas-sena 2021. Il-varjazzjonijiet huma kkalkolati fil-konfront tal- 2015, is-sena ta’ referenza.

Il-varjazzjonijiet kunsiderevoli fid-diversi indikaturi huma dovuti għan-natura eċċezzjonali tas-sena 2021 minħabba l-kriżi sanitarja.

go to top