Ħarsa lejn il-futur

 
Start Scroll
“Maqgħuda fid-diversità”, il-motto tal-Unjoni Ewropea jevoka valuri komuni u tradizzjonijiet differenti. Fl-2023, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tiċċelebra l-multilingwiżmu, valur essenzjali tal- proġett Ewropew u element ċentrali tal-funzjonament tal-qrati tal-Unjoni.

 

Il-multilingwiżmu huwa espressjoni konkreta tal-prinċipju fundamentali tal-ugwaljanza taċ-ċittadini Ewropej u huwa pilastru tal-proġett Ewropej. L-aċċess għad-dritt tal-Unjoni huwa ggarantit f’kull lingwa uffiċjali: kull ċittadin tal-Unjoni jista’ jikseb għarfien ta’ dan id-dritt bil-lingwa tiegħu u jista’ jinvoka, bil-lingwa tiegħu wkoll, id-drittijiet li jagħtuh it-Trattati Ewropej. Il-multilingwiżmu jippermetti l-ugwaljanza fit-trattament fl-aċċess għall-ġustizzja u għall-ġurisprudenza. Sabiex timplimentah, il-Qorti tal-Ġustizzja tistrieħ fuq il-ġuristi lingwisti tagħha u l-interpreti tagħha, li jaħdmu kuljum bl-24 lingwa uffiċjali (552 kombinazzjoni lingwistiċi possibbli).

B’hekk, fis-sena 2023, ser jitlestew diversi proġetti marbuta ma’ dan il-valur, fosthom l-inawgurazzjoni ta’ Ġnien tal-Multilingwiżmu. B’kooperazzjoni mal- awtoritajiet Lussemburgiżi, il-Qorti tal-Ġustizzja tipparteċipa fil-ħolqien ta’ spazju miftuħ ġdid, maħsub sabiex jiċċelebra r-rikkezza u d-diversità lingwistika tal-Unjoni. Miftuħ għall-pubbliku maġenb il-bini tal- Qorti tal-Ġustizzja, dan il-ġnien ser jikkontribwixxi sabiex irawwem iktar għarfien dwar il-multilingwiżmu, valur li l-Qorti tal-Ġustizzja ilha tiddefendi bil-qawwa sa mill-ħolqien tagħha.

Barra minn hekk, huma previsti t-tnedija ta’ sit internet iddedikat għall-multilingwiżmu u l-pubblikazzjoni ta’ xogħol bi tliet volumi dwar il-multilingwiżmu ġuridiku. Dan ix-xogħol jiddeskrivi l-funzjonament, bl-24 lingwa uffiċjali, tal-qrati tal-Unjoni u jiġbor kontribuzzjonijiet minn personalitajiet eminenti tal-Istati Membri li jesprimu ruħhom dwar il-multilingwiżmu ġuridiku u amministrattiv. It-testi ser ikunu aċċessibbli fis-sit internet iddedikat għall-multilingwiżmu bil-lingwi uffiċjali kollha.

 

Barra minn hekk, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun dejjem eqreb lejn il-pubbliku ġenerali u l-professjonisti tad-dritt, fil-futur qarib ser ikun hemm modalità oħra ta’ komunikazzjoni, minbarra l-mezzi ta’ komunikazzjoni diġà eżistenti, b’mod partikolari s-sit internet u n-networks soċjali: Curia Web TV, stazzjon televiżiv online. Curia Web TV ser jixxandar fuq is-sit CVRIA u ser jikkontribwixxi għal trasparenza ikbar favur iċ-ċittadini Ewropej, inklużi ċ-ċittadini żgħażagħ, billi joffrilhom kontenut awdjoviżiv u billi jinformahom dwar l-attività istituzzjonali u ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fil-kuntest tal-pjan globali favur l-inklużjoni, fl-2023 il-Qorti tal-Ġustizzja ser tkompli bil-ħidma tagħha sabiex tkompli ttejjeb u tiffavorixxi l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà u sabiex tiffaċilita l-għajnuna u l-akkumpanjament minn assistenti.

Fl-aħħar nett, ser jiġu ddedikati sforzi kunsiderevoli favur it-tħaddim tal-potenzjal tal-teknoloġiji emerġenti bil-għan li jitkomplew it-trasformazzjoni diġitali u l-innovazzjoni fl-2023. L-investigazzjonijiet u l-esperimenti mwettqa fi ħdan il-laboratorju ta’ innovazzjoni ser isiru b’kollaborazzjoni mill-qrib mad-dipartimenti dwar il-bżonnijiet konkreti marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-għodda li tintuża fit-twettiq tal-missjoni ġudizzjarja. B’mod iktar partikolari, din il-ħidma ser titkompla fl-oqsma tal-analiżi awtomatika tat-test, tal-identifikazzjoni tar-referenzi, tat-traskrizzjoni awtomatizzata, tal-aċċessibbiltà u tal-awtomatizzazzjoni robotika tal-proċess.

go to top