Istituzzjoni li tirrispetta l-ambjent

 
Start Scroll

Il-Qorti tal-Ġustizzja ilha għal diversi snin issegwi politika ambjentali ambizzjuża, intiża li tissodisfa l-iktar regoli eżiġenti fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli u tal-ħarsien tar-riżorsi naturali. L-impenn tal-istituzzjoni favur prattiki li jirrispettaw l-ambjent ilu kkonfermat mill-2016 permezz tar-reġistrazzjoni tagħha fl-EMAS (Eco-Management and Audit Scheme). Din iċ-ċertifikazzjoni rregolata mill-Unjoni Ewropea tingħata lill-organizzazzjonijiet li jissodisfaw standards stretti fir-rigward tal-politiki ambjentali tagħhom, tal-isforzi tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u tal-metodi ta’ ħidma sostenibbli tagħhom.

Fl-2023, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet bl-isforzi tagħha sabiex twaqqaf l-użu tal-fliexken tal-ilma tal-plastik fil-bini tagħha. Il-kuntratt il-ġdid ta’ ristorazzjoni pprojbixxa l-bejgħ tal-fliexken tal-ilma tal-plastik. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tqassam fliexken li jistgħu jerġgħu jintużaw lill-persunal tagħha sabiex jiġi promoss l-użu tal-funtani tal-ilma installati fl-2022.

Il-konsum tal-enerġija issa qed jerġa’ juri t-tendenza li jonqos, bħalma kien qed jagħmel qabel il-pandemija. Dan ir-riżultat inkiseb billi tneħħew il-miżuri speċjali ta’ ventilazzjoni imposti minħabba l-kriżi tal-Covid u billi ġew installati filtri tal-arja iktar effiċjenti. Flimkien mal-miżuri straordinarji tal-ekonomija tal-enerġija marbuta mal-gwerra fl-Ukraina, il-Qorti tal-Ġustizzja rreġistrat tnaqqis sinjifikattiv fil-konsum tal-enerġija tal-elettriku u tat-tisħin tagħha.

Għall-perijodu 2022-2023, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet miri kwantitattivi għall-konsum tal-karta. Fl-2022, l-użu ta’ karti tal-uffiċċju (minbarra pubblikazzjonijiet esternalizzati) naqas b’54.1 % meta mqabbel mal-livell ta’ qabel il-kriżi fl-2019, xejra persistenti fl-2023 minħabba bidliet fid-drawwiet u iktar diġitalizzazzjoni tal-proċessi u tad-dokumenti. Barra minn hekk, f’Settembru 2023, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tillimita n-numru ta’ printers personali għal minimu strett, sabiex tiffranka l-enerġija, il-prodotti konsumabbli u l-karta, kif ukoll sabiex konsegwentement tnaqqas l-impatt tal-karbonju tagħha.

  • It-titjib tar-riċiklaġġ tal-iskart u t-tnaqqis tal-plastik li jintuża darba biss
  • Parteċipazzjoni fis-sistema ta’ roti self-service Vel’OH u sostenn għat-traġitti bir-rota
  • Titjib kontinwu fl-infrastrutturi tas-sħana, tal-ventilazzjoni u tal-klimatizzazzjoni
  • Tnaqqis tal-iskart “Uffiċċji u Ristorazzjoni” - 50% kg/EFT
  • Tnaqqis tal-konsum tal-ilma - 10.1% m3/EFT
  • Tnaqqis tal-konsum tal-karti - 62.1% kg/EFT
  • Tnaqqis tal-konsum tal-elettriku - 23.2% kWh/EFT
  • Tnaqqis tal-konsum tal-enerġija għat-tisħin - 23.6% kWh/EFT
  • 3 466 m2 ta’ ċelloli fotovoltajċi għal produzzjoni ta’
    422 003 kWh: ekwivalenti għall-bżonnijiet annwali ta’ 76 familja
  • Tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju - 31.7% kg CO2/EFT

L-ekwivalenti full-time (EFT) hija unità li tippermetti li titkejjel l-attività professjonali b’mod indipendenti mid-differenzi f’termini ta’ numru ta’ sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa għal kull membru tal-persunal minħabba d-diversi modi kif jiġi organizzat il-ħin tax-xogħol.

L-indikaturi ambjentali għall-ilma, għall-iskart, għall-karti, għat-tisħin u għall-elettriku jikkorrispondu għal dawk tas-sena 2022. Il-bidliet jitkejlu meta mqabbla mal-2015, is-sena ta’ riferiment għall-iskema tal-EMAS.

go to top