Ħarsa lejn il-futur

 
Start Scroll

Fl-2004, għaxar Stati Membri ġodda ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea. Ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja esprimew il-fiduċja tagħhom fil-proġett Ewropew. Żewġ deċennji wara, ser niċċelebraw ma’ dawn l-Istati Membri l-20 anniversarju tal-adeżjoni tagħhom. L-ikbar tkabbir li esperjenzat l-Unjoni, kemm fil-popolazzjoni kif ukoll f’għadd ta’ pajjiżi, fetaħ l-orizzont tagħna. Huwa ta wiċċ ġdid liż-żona legali komuni tal-Unjoni, arrikkita b’diversità kulturali u intellettwali ġdida. Din kienet sfida importanti għall-Unjoni, fid-dawl tal-livell ta’ integrazzjoni milħuq minnha fl-2004, minn naħa, u tal-varjetà ekonomika, storika u lingwistika li kellhom l-għaxar Stati Membri ġodda, min-naħa l-oħra. Din l-adeżjoni talbet, minn naħa ta’ dawn l-Istati Membri ġodda, sforz kbir u determinazzjoni sħiħa sabiex jiġu implimentati r-riformi politiċi, ekonomiċi u legali meħtieġa. Fil-livell tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-akkoljenza simultanja tal-għaxar Stati Membri wasslet għal bidliet profondi u dejjiema fil-modalitajiet tax-xogħol.

Sabiex tiċċelebra l-anniversarju ta’ dan l-avveniment maġġuri, f’Mejju 2024 il-Qorti tal-Ġustizzja ser torganizza kollokju intitolat “Il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċelebra 20 sena mill-adeżjoni ta’ għaxar Stati mal-Unjoni Ewropea: mument kostituzzjonali ġdid għall-Ewropa”, bl-għan li jiġu evalwati l-lezzjonijiet misluta mit-tkabbir u mit-tisħiħ tal-integrazzjoni Ewropea. Il-kollokju ser ikopri l-impatt tat-tkabbir tal-2004, kemm minn perspettiva politika u ġuridika kif ukoll minn dik ekonomika, u dan kemm għall-Unjoni stess kif ukoll għall-għaxar Stati Membri ġodda. B’mod partikolari, il-kollokju ser jindirizza l-kontribut tal-għaxar Stati Membri ġodda għall-iżvilupp tal-Unjoni bħala “Unjoni ta’ valuri”, ibbażata fuq valuri komuni bħalma huma d-demokrazija, l-Istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u r-rispett tal-minoranzi.

Barra minn hekk, l-2024 ser tkun is-sena li fiha ser jiġi implimentat il-ftehim politiku li ntlaħaq fl-2023 dwar it-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja lill-Qorti Ġenerali. Din l-implimentazzjoni ser timplika, b’mod partikolari, l-emenda tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll diversi aġġustamenti fil-modalitajiet ta’ ħidma taż-żewġ qrati u fil-funzjonament ta’ kuljum tal-istituzzjoni, bħalma huwa l-adattament tas-sistemi informatiċi.

Barra minn hekk, filwaqt li tkompli t-trasformazzjoni diġitali tagħha, l-istituzzjoni qiegħda tadatta ruħha għal sfidi u opportunitajiet ġodda futuri, l-iktar fl-oqsma tal-intelliġenza artifiċjali u taċ-ċibersigurtà. Qegħda tiġi żviluppata u esplorata għodda ġdida, b’mod partikolari għodda bbażata fuq tekniki tal-intelliġenza artifiċjali, bl-għan li tgħin liż-żewġ qrati jwettqu l-missjoni tagħhom u b’hekk jottimizzaw il-proċessi ġudizzjarji. L-użu ta’ din l-għodda għandu jiżgura l-kontroll tad-data u għandu jitwettaq b’rispett tad-drittijiet fundamentali u b’osservanza tal-prinċipji tal-etika. Barra minn hekk, ir-Regolament 2023/2841, intiż li jiżgura livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà fl-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, għandu impatt dirett fuq il-Qorti tal-Ġustizzja u jimplika, b’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ qafas intern għall-ġestjoni tar-riskji marbuta maċ-ċibersigurtà, kif ukoll l-evalwazzjoni regolari tal-effikaċja ta’ dawn il-miżuri, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tar-riskji.

go to top