Ħarsa qasira lejn is-sena 2023

A | Sena f’ritratti
B | Is-sena f’ċifri

 
Start Scroll

A | Sena f’ritratti

Jannar

Għoti ta’ isem fittizju lill-kawżi anonimizzati

Il-kawżi għal deċiżjoni preliminari anonimizzati jingħataw isem fittizju bl-għajnuna ta’ software li joħolqu b’mod awtomatizzat. Din l-inizjattiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-protezzjoni tad-data personali filwaqt li tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-kawżi.

Jannar

Impenn solenni ta’ sitt Membri ġodda tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Maħtura mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Membri l-ġodda tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Jorg Kristijan Petrovič, Stef Blok, George Marius Hyzler, Lefteris Christoforou, Laima Liucija Andrikienė u Keit Pentus-Rosimannus jieħdu l-impenn solenni tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Frar

Żjara ta’ delegazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Riga

Delegazzjoni komposta mill-Imħallfin Latvjani tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, Ineta Ziemele u Inga Reine, kif ukoll minn membri tat-tmexxija superjuri tal-Qorti tal-Ġustizzja jmorru Riga (il-Latvja) fil-kuntest ta’ żjara ta’ xogħol sabiex isaħħu l-komunikazzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Latvjani u l-Qorti tal-Ġustizzja.

April

Emenda tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

Sabiex tippromwovi ġustizzja moderna u effiċjenti, il-Qorti Ġenerali temenda r-Regoli tal-Proċedura tagħha. Dawn il-bidliet huma intiżi li jikkjarifikaw u jissemplifikaw il-proċeduri ġudizzjarji, u jinkludu l-possibbiltà li jintużaw videokonferenzi għas-sottomissjonijiet orali, l-iffirmar elettroniku tad-deċiżjonijiet u l-għażla ta’ kawżi pilota.

April

Affresk misluf mill-Mużew Arkeoloġiku Nazzjonali ta’ Napoli

Vittoria alata, affresk minn Pompei, jingħata b’self mill-Mużew Arkeoloġiku Nazzjonali ta’ Napoli (MANN) lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi espost fil-bini tagħha. Simbolu ta’ paċi u prosperità li jmur lura għall-ewwel seklu wara Kristu, dan l-affresk juri r-rabta bejn l-arti u l-istituzzjoni ġudizzjarja.

April

Kollokju organizzat fl-okkażjoni tat-tmiem tal-kariga ta’ Emmanuel Coulon, Reġistratur tal-Qorti Ġenerali

Fl-okkażjoni tat-tmiem tal-kariga ta’ Emmanuel Coulon, ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali mill-2005 sal-2023, inżamm kollokju intitolat “Kunsiderazzjonijiet dwar id-dritt proċedurali quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea” fis-sala l-kbira għas-seduti tal-Qorti Ġenerali.

Mejju

Finali tal-kompetizzjoni “European Law Moot Court”

Organizzata għall-ewwel darba fl-1988, il-European Law Moot Court hija l-iktar kompetizzjoni għas-sottomissjonijiet orali importanti fid-dinja fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni. L-Università ta’ Torino (l-Italja) hija t-tim rebbieħ tal-edizzjoni 2023.

Mejju

Jum l-Ewropa

Fl-okkażjoni tal-anniversarju tad-dikjarazzjoni Schuman, il-Qorti tal-Ġustizzja tiftaħ il-bibien tagħha għaċ-ċittadini sabiex tippermettilhom jiffamiljarizzaw ruħhom mal-attività tagħha. Matul żjarat iggwidati, proposti għall-ewwel darba f’format virtwali wkoll, iċ-ċittadini jiskopru r-rwol u l-funzjonament taż-żewġ qrati, kif tiżvolġi l-ħajja ta’ kawża u d-dipartimenti tal-istituzzjoni.

Mejju

Inawgurazzjoni tal-Ġnien tal-Multilingwiżmu

Il-Ġnien tal-Multilingwiżmu, li jinsab maġenb l-ispazju miftuħ madwar l-istituzzjoni, jiġi inawgurat f’Jum l-Ewropa. Dan l-ispazju aħdar ġdid, bil-varjetajiet ta’ pjanti tiegħu, jiċċelebra l-għaqda fid-diversità permezz tal-lingwi u tal-kulturi u jirrappreżenta l-essenza stess tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Mejju

Sentenza Meta Platforms Ireland vs Il-Kummissjoni

Il-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-miżuri ta’ akkumpanjament meħuda mill-Kummissjoni (b’mod partikolari l-istabbiliment ta’ sala virtwali tad-data), tiċħad ir-rikors ta’ Meta Platforms Ireland u tiddeċiedi li t-talba tal-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar aġir antikompetittiv, li jiġu trażmessi dokumenti li jinkludu ċerti termini ta’ tfittxija, tikkostitwixxi miżura xierqa sabiex tinżamm is-sistema kompetittiva prevista fit-Trattati (T-451/20).

Ġunju

Il-50 anniversarju tal-adeżjoni tad-Danimarka u tal-Irlanda

Fl-1973, id-Danimarka u l-Irlanda (kif ukoll ir-Renju Unit) aderixxew mal-Unjoni Ewropea. Dawn iż-żewġ Stati Membri jiċċelebraw il-ħamsin sena mis-sħubija tagħhom u l-ewwel tkabbir tal-Unjoni Ewropea.

Ġunju

Teħid ta’ ġurament minn Vittorio Di Bucci, ir-Reġistratur il-ġdid tal-Qorti Ġenerali

Vittorio Di Bucci jinħatar Reġistratur tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea mill-Imħallfin tal-qorti għal mandat ta’ sitt snin. Huwa jieħu post Emmanuel Coulon.

Ġunju

Adozzjoni tal-istrateġija dwar l-intelliġenza artifiċjali

Il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta l-Istrateġija tagħha għall-integrazzjoni tal-għodda bbażata fuq l-intelliġenza artifiċjali. Dan id-dokument jistabbilixxi l-għanijiet u l-prinċipji tal-użu ta’ din l-għodda, jagħti ħarsa ġenerali lejn ir-riskji ewlenin u jipproponi governanza.

Lulju

L-10 anniversarju tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea

Fl-1 ta’ Lulju 2013, il-Kroazja kienet l-aħħar Stat Membru li ngħaqad mal-Unjoni Ewropea. Għaxar snin wara, f’Jannar 2023, dan l-Istat daħal ukoll fiż-żona tal-euro u fiż-żona Schengen. Sabiex jiġi ċċelebrat dan l-istadju storiku, inżammet ċerimonja fis-sala l-kbira għas-seduti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Lulju

Sentenza Meta Platforms et

Adita minn qorti Ġermaniża, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista’ tikkonstata, fil-kuntest tal-eżami ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, ksur tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) (C-252/21).

Settembru

Konferenza “Magħquda fid-diversità II” f’Den Haag

Għal din it-tieni edizzjoni tal-konferenzi “EUnited”, delegazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tiltaqa’ f’Den Haag ma’ Mħallfin tal-qrati kostituzzjonali u supremi nazzjonali u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex jiġu skambjati ideat dwar l-Istat tad-dritt u l-ħtieġa li tinżamm id-diversità kostituzzjonali tal-Istati Membri.

Settembru

Teħid ta’ ġurament minn żewġ Membri ġodda tal-Qorti Ġenerali

Saulius Lukas Kalėda (il-Litwanja) u Louise Spangsberg Grønfeldt (id-Danimarka) jieħdu l-ġurament waqt udjenza solenni fl-okkażjoni tad-dħul fil-kariga tagħhom bħala Mħallfin tal-Qorti Ġenerali.

Settembru

Kollokju dwar il-multilingwiżmu fil-Qorti tal-Ġustizzja

Filwaqt li jikkonċentraw fuq l-aħħar żviluppi teknoloġiċi, l-atturi u l-parteċipanti fil-kollokju jindirizzaw l-użu ta’ għodda ġodda u effettiva għall-ħidma tal-ispeċjalisti fit-traduzzjoni u l-interpretazzjoni legali.

Ottubru

Self ta’ xogħlijiet tal-arti mill-Mużew tal-Arti Nazzjonali tas-Slovenja

Waqt żjara fil-Qorti tal-Ġustizzja mill-Presidenta tar-Repubblika tas-Slovenja, Nataša Pirc Musar, il-Mużew tal-Arti Nazzjonali tas-Slovenja jagħti b’self tliet opri artisitiċi - Poletje (is-Sajf) u Zima (ix-Xitwa) ta’ Tugo Šušnik, kif ukoll Cheval Lipizzan ta’ Janez Boljka - lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġu esposti fil-bini tagħha.

Novembru

Forum tal-membri tal-ġudikatura

Il-membri tal-ġudikatura tal-qrati nazzjonali jiltaqgħu fil-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jittrattaw suġġetti differenti, bħalma huma l-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-kunċett ta’ indipendenza ġudizzjarja fid-dritt tal-Unjoni, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

Novembru

Impenn solenni minn tmien Membri ġodda tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

José António Lopes Ranito, Ignacio de Lucas Martín, Miranda de Meijer, Gedgaudas Norkūnas, Anne Pantazi Lamprou, Nikolaos Paschalis, Ursula Schmudermayer u Andrea Venegoni jieħdu l-impenn solenni tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-okkażjoni tad-dħul fil-kariga tagħhom mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

Diċembru

Ftehim politiku dwar it-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari lill-Qorti Ġenerali

Waqt laqgħa tal-“kwadrilogu” bejn ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Qorti tal-Ġustizzja, jintlaħaq ftehim politiku dwar it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari lill-Qorti Ġenerali.

Diċembru

Sentenza European Superleague Company

Fuq domanda minn qorti Spanjola, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li s-setgħat regolatorji, ta’ kontroll u ta’ sanzjoni tal-FIFA u tal-UEFA fir-rigward tal-kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs potenzjalment kompetituri, bħalma hija s-Superleague, għandhom jiġu eżerċitati b’mod trasparenti, oġġettiv, nondiskriminatorju u proporzjonat, għaliex inkella jkun hemm ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (C-333/21).

Diċembru

Jum ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-diżabbiltà fil-Qorti tal-Ġustizzja

L-istituzzjoni, investita bis-sħiħ fl-isfidi tal-aċċessibbiltà u tal-inklużjoni, torganizza workshops u webinars sabiex tissensibilizza lill-persunal tagħha dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.

B | Is-sena f’ċifri

L-istituzzjoni fl 2023

 
81
Imħallef minn
 
27
Stat Membru
Il-Qorti tal-Ġustizzja
 
27
Imħallef
 
11
-il Avukat Ġenerali
Il-Qorti Ġenerali
 
54
Imħallef
 
Baġit: EUR
487
miljun
 
2 302
uffiċjali u aġenti
 
60 %
nisa
 
40 %
irġiel
Il-proporzjon ta’ nisa f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà fi ħdan l-amministrazzjoni jqiegħed lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-medja superjuri tal-istituzzjonijiet Ewropej.
Huma okkupati minn nisa:
55 %
tal-pożizzjonijiet ta’ amministraturi
43 %
tal-pożizzjonijiet ta’ tmexxija f’livell intermedju jew superjuri

Is-sena ġudizzjarja (il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali)

 
2 092 *
kawża mressqa
 
1 687
kawża maqtugħa
 
2 990 *
kawża pendenti
Tul medju tal-kawżi:
17.2
xhur
 
Perċentwali tal-atti proċedurali ppreżentati permezz ta’ e-Curia:
 
89 %
għall-Qorti tal-Ġustizzja
 
94 %
għall-Qorti Ġenerali
10 502
kontijiet ta’ aċċess e-Curia

* Fl-aħħar tal-2023 tressqet sensiela eċċezzjoni ta’ 404 kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali. Dawn il-kawżi, li huma identiċi fis-sustanza tagħhom, jikkonċernaw id-drittijiet kweżiti jew fil-proċess li jsiru kweżiti taħt l-iskema tal-pensjoni komplementari tal-Membri tal-Parlament Ewropew. Dawn il-kawżi ġew magħquda. Jekk jingħaddu bħala kawża waħda, iċ-ċifri netti jkunu ta’ 1 689 kawża mressqa u 2 587 kawża pendenti.

e-Curia hija applikazzjoni informatika li tippermetti lir-rappreżentanti tal-partijiet fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, kif ukoll lill-qrati nazzjonali fil-kuntest tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiskambjaw l-atti proċedurali mar-Reġistri b’mezzi esklużivament elettroniċi.

e-Curia : l-applikazzjoni informatika li tippermetti l-iskambju ta’ dokumenti ġudizzjarji

Hawnhekk ġie inkorporat kontenut minn YouTube. Peress li YouTube tista’ tiġbor data personali u tittraċċa l-kontenut li inti tara, aħna ntellgħu l-video biss wara li tagħti l-kunsens tiegħek għall-użu ta’ cookies u teknoloġiji simili hekk kif deskritti fil-politika dwar il-privatezza tagħhom.

Id-dipartimenti lingwistiċi

Il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala istituzzjoni ġudizzjarja multilingwi, għandha tkun tista’ tittratta kawża tkun xi tkun il-lingwa uffiċjali tal-Unjoni li fiha tkun tressqet. Hija mbagħad tippubblika l-ġurisprudenza tagħha bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

 
24
lingwa tal-kawża
 
552
kombinazzjoni lingwistika possibbli
 
611
il ġurista lingwista sabiex jittraduċu d-dokumenti miktuba
 
1 290 000
paġna għat-traduzzjoni
 
1 268 000
paġna tradotti
 
647
seduta u laqgħat li bbenefikaw mill-interpretazzjoni simultanja
 
70
interpretu għas-seduti għas-sottomissjonijiet orali u għal-laqgħat

Multilingwiżmu fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Garanzija ta’ aċċess ugwali għall-ġustizzja

Hawnhekk ġie inkorporat kontenut minn YouTube. Peress li YouTube tista’ tiġbor data personali u tittraċċa l-kontenut li inti tara, aħna ntellgħu l-video biss wara li tagħti l-kunsens tiegħek għall-użu ta’ cookies u teknoloġiji simili hekk kif deskritti fil-politika dwar il-privatezza tagħhom.

Fil-Qorti tal-Ġustizzja, it-traduzzjonijiet jitwettqu skont sistema lingwistika obbligatorja, li tipprevedi l-possibbiltà li jintużaw l 24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Id-dokumenti li għandhom jiġu tradotti huma kollha testi legali tekniċi ħafna. Huwa għalhekk li d-dipartiment lingwistiku tal-Qorti tal-Ġustizzja jimpjega biss ġuristi lingwisti li jkollhom taħriġ legali sħiħ, kif ukoll għarfien profond ta’ mill-inqas żewġ lingwi uffiċjali minbarra l-ilsien matern tagħhom.
go to top