A | Il-Qorti tal-Ġustizzja fl-2023
Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tisma’ kawżi, prinċipalment, dwar:
- talbiet għal deċiżjoni preliminari
Meta qorti nazzjonali jkollha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni jew dwar il-validità tagħha, hija għandha tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ladarba tingħata d-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja li tindirizza dawn id-dubji, il-qorti nazzjonali tkun tista’ taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Fil-kawżi li jeħtieġu risposta fi żmien qasir ħafna (pereżempju fil-qasam tal-ażil, tal-kontroll mal-fruntieri, tal-ħtif ta’ minuri, eċċ.), hija prevista proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari (“PPU”);
-
rikorsi diretti, intiżi:
- li jinkiseb l-annullament ta’ att tal-Unjoni (“rikors għal annullament”) jew
- li jiġi kkonstatat li Stat Membru ma jkunx qiegħed josserva d-dritt tal-Unjoni (“rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu”). Jekk l-Istat Membru ma jikkonformax ruħu mas-sentenza li tkun ikkonstatat in-nuqqas min-naħa tiegħu, rikors ieħor, imsejjaħ “rikors għat-tieni nuqqas”, jista’ jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuqu sanzjoni pekunjarja;
- appelli, ippreżentati mid-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali, li jistgħu jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali;
- talbiet għal opinjoni dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati ta’ ftehim li l-Unjoni jkollha l-intenzjoni li tikkonkludi ma’ Stat terz jew ma’ organizzazzjoni internazzjonali (imressqa minn Stat Membru jew minn istituzzjoni Ewropea).
L-attività u l-evoluzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
L-aħħar xhur tas-sena 2023 kienu kkaratterizzati min-negozjati dwar it-talba leġiżlattiva, imressqa f’Novembru 2022 mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sabiex, minn naħa, tiġi ttrasferita lill-Qorti Ġenerali l-kompetenza preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja f’sitt oqsma speċifiċi (it-taxxa fuq il-valur miżjud, id-dazji tas-sisa, il-Kodiċi Doganali, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda, il-kumpens u l-assistenza tal-passiġġieri, kif ukoll l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra) u, min-naħa l-oħra, sabiex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu, li daħal fis-seħħ f’Mejju 2019, ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali. L-għan ta’ din it-talba leġiżlattiva huwa li jiġi żgurat, fl-interess tal-individwi għal ġustizzja ta’ kwalità mogħtija f’termini raġonevoli, bilanċ aħjar fil-volum ta’ xogħol bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, li, sa minn Lulju 2022, hija kkostitwita minn żewġ Imħallfin għal kull Stat Membru (jiġifieri total ta’ 54).
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun tista’ tikkonċentra iktar fuq il-kompiti ċentrali tagħha bħala ġurisdizzjoni kostituzzjonali u suprema tal-Unjoni. Fil-fatt, bħal ma kien il-każ f’dawn l-aħħar snin, il-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kemm jekk permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari u kemm jekk permezz ta’ rikorsi diretti (b’mod partikolari r-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu), jikkonċernaw temi sensittivi, li jeħtieġu li titlaqqa’ regolarment l-Awla Manja, bħalma huma l-ħarsien tal-valuri tal-Istat tad-dritt fil-kuntest ta’ riformi ġudizzjarji nazzjonali, il-politika tal-ażil u tal-immigrazzjoni, il-protezzjoni tad-data personali u l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-era diġitali, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kif ukoll l-isfidi ambjentali, enerġetiċi u klimatiċi.
Fir-rigward tat-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari lill-Qorti Ġenerali, dan it-trasferiment ser ikun ibbażat fuq żewġ prinċipji bażiċi, iddettati minn kunsiderazzjonijiet ta’ ċertezza legali, ta’ ħeffa u ta’ trasparenza: il-prinċipju ta’ “one-stop shop”, fis-sens li kull talba għal deċiżjoni preliminari għandha dejjem tiġi indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, li ser tiddetermina jekk kawża għal deċiżjoni preliminari tkunx tikkonċerna esklużivament wieħed jew iktar mill-oqsma speċifiċi msemmija iktar ’il fuq, u l-prinċipju ta’ trasferiment sħiħ tal-kawżi għal deċiżjoni preliminari kollha li jkunu esklużivament marbuta ma’ wieħed jew l-ieħor minn dawn l-oqsma speċifiċi. Għall-kuntrarju, jekk il-kawża ma tkunx tikkonċerna esklużivament dawn l-oqsma, b’mod partikolari sa fejn tqajjem kwistjonijiet indipendenti ta’ interpretazzjoni tad-dritt primarju jew tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, din ser tiġi ttrattata mill-Qorti tal-Ġustizzja.
Madankollu, it-trasferiment ta’ talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ġenerali ser ikun bla ħsara għall-possibbiltà ta’ din tal-aħħar li tirreferi l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk tqis li din it-talba teħtieġ deċiżjoni ta’ prinċipju u għall-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq, eċċezzjonalment, eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-każ ta’ riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.
Wara diversi xhur ta’ eżami u ta’ negozjati, intlaħaq ftehim politiku dwar din it-talba leġiżlattiva f’Diċembru 2023. Fil-kuntest ta’ dan il-ftehim, ġie previst b’mod partikolari li n-noti jew l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minn parti li tkun ipparteċipat fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari ser jiġu ppubblikati fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’terminu raġonevoli wara l-għeluq tal-kawża, sakemm din il-parti ma toġġezzjonax għal din il-pubblikazzjoni.
Il-kalendarju preċiż tal-adozzjoni formali tal-emendi tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi għadhom ma humiex magħrufa b’mod definittiv fil-mument tat-tħejjija ta’ din il-pubblikazzjoni u għad fadal ħidma li għandha titwettaq, b’mod partikolari fir-rigward tal-emenda tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali meħtieġa mill-applikazzjoni ta’ din ir-riforma. Madankollu, bħala prinċipju, din l-approvazzjoni tiftaħ il-bieb għal definizzjoni mill-ġdid tal-qafas tal-funzjonament tal-qrati tal-Unjoni għas-snin li ġejjin.
Fir-rigward tal-kompożizzjoni tagħha, fl-2023 kien hemm bidla fil-Qorti tal-Ġustizzja marbuta mat-tluq tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella wara l-ħatra tiegħu bħala Mħallef fil-Qorti Kostituzzjonali Taljana.
Fir-rigward tal-istatistika tas-sena li għaddiet, din tirrifletti, għal darba oħra, in-natura intensiva tal-attivitajiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn l-aħħar snin. B’hekk, fl-2023, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita bi 821 kawża, jiġifieri ftit kawżi iktar milli fl-2022, u għalqet 783 kawża, jiġifieri numru pjuttost simili għal dak tat-tliet snin preċedenti. It-tul medju tal-proċeduri, meta jitqiesu t-tipi kollha ta’ kawżi, kien ta’ 16.1 xhur u n-numru ta’ kawżi pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2023 kien ta’ 1 149 kawża.
Koen Lenaerts
President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Qorti tal-Ġustizzja hija kkostitwita minn 27 Imħallef u minn 11-il Avukat Ġenerali.
L-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali jinħatru bi ftehim komuni mill-Gvernijiet tal-Istati Membri, wara konsultazzjoni ma’ kumitat responsabbli sabiex jagħti opinjoni dwar l-idoneità tal-kandidati proposti li jaqdu l-funzjonijiet inkwistjoni. Il-mandat tagħhom huwa għal sitt snin u jista’ jiġġedded.
Huma jintgħażlu minn fost personalitajiet li jipprovdu garanzija ta’ indipendenza sħiħa u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jokkupaw, fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, l-ogħla karigi ġudizzjarji, jew li huma ġuristi ta’ kompetenza magħrufa.
L-Imħallfin jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’imparzjalità u b’indipendenza sħiħa.
L-Imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja jaħtru minn fosthom il-President u l-Viċi President. L-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali jaħtru r-Reġistratur għal mandat ta’ sitt snin.
L-Avukati Ġenerali huma mistennija jippreżentaw, b’imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, opinjoni ġuridika, imsejħa “konklużjonijiet”, fil-kawżi li jiġu assenjati lilhom. Dawn il-konklużjonijiet ma humiex vinkolanti, imma jippermettu li tingħata ħarsa addizzjonali lejn is-suġġett tat-tilwima.
Fl-2023 ma nħatar ebda Membru ġdid tal-Qorti tal-Ġustizzja.

K. Lenaerts

L. Bay Larsen

A. Arabadjiev

A. Prechal

K. Jürimäe

C. Lycourgos

E. Regan

M. Szpunar

T. von Danwitz

F. Biltgen

N. J. Cardoso da Silva Piçarra

Z. Csehi

O. Spineanu-Matei

J. Kokott

M. Ilešič

J.-C. Bonichot

M. Safjan

S. Rodin

M. Campos Sánchez-Bordona

P. G. Xuereb

L. S. Rossi

I. Jarukaitis

P. Pikamäe

A. Kumin

N. Jääskinen

N. Wahl

J. Richard de la Tour

A. Rantos

I. Ziemele

J. Passer

D. Gratsias

L. Arastey Sahún

A. M. Collins

M. Gavalec

N. Emiliou

T. Ćapeta

L. Medina

A. Calot Escobar
Ordni protokollari b’effett mill-15 ta’ Novembru 2023
B | Il-Qorti Ġenerali fl-2023
Il-Qorti Ġenerali tista’ prinċipalment tiġi adita, fl-ewwel istanza, b’rikorsi diretti ppreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi (individwi, kumpanniji, assoċjazzjonijiet, eċċ.), meta dawn ikunu individwalment u direttament ikkonċernati, u mill-Istati Membri kontra l-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll b’rikorsi diretti intiżi li jinkiseb il-kumpens għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet jew mill-membri tal-persunal tagħhom.
Parti kbira mill-kawżi tagħha huma ta’ natura ekonomika: proprjetà intellettwali (trade marks u disinni tal-Unjoni Ewropea), kompetizzjoni, għajnuna mill-Istat u sorveljanza bankarja u finanzjarja.
Il-Qorti Ġenerali hija wkoll kompetenti sabiex taqta’ kawżi fil-qasam tas-servizz pubbliku dwar tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha.
Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell, fuq punti ta’ liġi biss, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kawżi li diġà jkunu bbenefikaw minn eżami doppju (minn Bord tal-Appell indipendenti, u mbagħad mill-Qorti Ġenerali), il-Qorti tal-Ġustizzja tisma’ l-appell biss jekk dan l-appell iqajjem kwistjoni ta’ natura sinjifikattiva għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.
L-attività u l-evoluzzjoni tal-Qorti Ġenerali

Marc van der Woude
President tal-Qorti Ġenerali
Matul is-sena 2023, ir-riforma tal-Qorti Ġenerali li kienet tipprevedi l-irdoppjar tan-numru ta’ Mħallfin tagħha (Regolament 2015/2422) laħqet l-effetti kollha tagħha. L-istatistika ġudizzjarja tal-qorti hija xhieda ta’ dan. Il-Qorti Ġenerali għalqet 904 kawżi u tressqu 868 kawża (jekk ma ninkludux 404 kawżi identiċi mressqa fl-aħħar tas-sena), u b’hekk naqqset in-numru ta’ kawżi pendenti. Barra minn hekk, it-tul medju tal-proċeduri nżamm f’livell sodisfaċenti: medja ta’ 18.2 xhur, li huwa indikatur ta’ ġestjoni effikaċi tal-kawżi.
Fl-istess ħin, il-Qorti Ġenerali kkonsolidat il-prassi tagħha li tibgħat iktar kawżi quddiem kulleġġi ġudikanti estiżi. Fl-2023, 13.6 % tal-kawżi magħluqa ngħalqu minn kulleġġi ġudikanti estiżi u mhux inqas minn 120 kawża ntbagħtu quddiem tali kulleġġi ġudikanti. Għal ċerti kawżi ta’ importanza eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali ma għadhiex toqgħod lura milli tibgħathom quddiem l-Awla Manja tagħha, komposta minn 15-il Imħallef. B’mod partikolari, kien dan il-kulleġġ ġudikanti solenni tal-Qorti Ġenerali li ta s-sentenza fil-kawża Il-Venezwela vs Il-Kunsill dwar miżuri restrittivi meħuda mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kontra impriżi u ċittadini tal-Venezwela (T-65/18 RENV; ara l-kapitolu “Ħarsa lejn is-sentenzi ewlenin tas-sena”). Intbagħtu wkoll quddiem l-Awla Manja erba’ kawżi mressqa minn erba’ organizzazzjonijiet Ewropej ta’ mħallfin dwar il-pjan nazzjonali Pollakk għall-irkupru u għar-reżiljenza (T-530/22 sa T-533/22), u żewġ kawżi relatati mal-miżuri restrittivi implimentati mill-Unjoni Ewropea fil-konfront tar-Russja minħabba l-gwerra fl-Ukraina (Kawżi T-635/22 u T-644/22).
Dawn ir-riżultati sodisfaċenti huma parzjalment dovuti għall-istabbiltà tal-kompożizzjoni tal-qorti. Fil-fatt, tnejn biss mill-Imħallfin tagħha telqu mill-kariga tagħhom fl-2023, jiġifieri l-Imħallfin S. Frimodt Nielsen u V. Valančius, issostitwiti rispettivament mill-Imħallfin S. L. Kalėda u L. Spangsberg Grønfeldt. Dawn l-Imħallfin għandhom jiġu rringrazzjati għall-kontribut tagħhom għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tal-Unjoni. Is-sena 2023 rat ukoll it-tluq tar-Reġistratur E. Coulon, wara 18-il sena ta’ servizz leali, kif ukoll il-wasla tas-suċċessur tiegħu, V. Di Bucci. Fl-okkażjoni tat-tluq ta’ E. Coulon, ġie organizzat kollokju dwar id-dritt proċedurali tal-Unjoni b’diskorsi u interventi ta’ livell għoli.
Matul is-sena 2023, il-Qorti Ġenerali kompliet il-proċess ta’ modernizzazzjoni tagħha, b’mod partikolari sabiex ittejjeb it-trattament tal-iktar kawżi voluminużi u kumplessi. Dawn il-kawżi, ġeneralment fil-qasam tad-dritt ekonomiku u finanzjarju, jistħoqqilhom approċċ proattiv u adattat kemm fil-livell tal-allokazzjoni tar-riżorsi, kif ukoll f’termini ta’ ppjanar tal-ħidma. Dan l-approċċ, li fih ser ikunu involuti r-rappreżentanti tal-partijiet, għandu jippermetti li jitnaqqas it-tul tal-istanza u li jintlaħqu b’mod aħjar l-aspettattivi tal-partijiet.
Barra minn hekk, sabiex tissodisfa bis-sħiħ l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet fil-kawża fil-perspettiva tat-trasferiment parzjali tal-kompetenza preliminari fir-rigward ta’ ċerti oqsma speċifiċi u tal-estensjoni tal-mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli, matul is-sena 2023 il-Qorti Ġenerali ħadmet fuq l-iżviluppi neċessarji fir-rigward tal-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tagħha kif ukoll fuq ir-regoli proċedurali futuri tagħha.

Innovazzjonijiet fil-ġurisprudenza

Savvas S. Papasavvas
Viċi President tal-Qorti Ġenerali
In-natura tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali tevolvi l-ħin kollu. Xprunata mir-rikorsi ppreżentati mill-individwi, kull sentenza tikkontribwixxi ġebla għall-binja ġurisprudenzjali. Is-sena 2023 ma kinitx eċċezzjoni għar-regola u l-Qorti Ġenerali indirizzat kwistjonijiet ġodda f’oqsma klassiċi iżda pprovdiet ukoll l-ewwel deċiżjonijiet f’oqsma ta’ litigazzjoni li għadhom qegħdin jiżviluppaw b’mod sħiħ. Matul din is-sena, l-Awla Manja kellha wkoll l-opportunità tindirizza kwistjoni unika tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni.
Sa mill-ħolqien tagħha, l-istħarriġ tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni kien jagħmel parti mill-kontenzjuż fdat lill-Qorti Ġenerali. Għalhekk, din tal-aħħar għandha għarfien partikolari f’dan il-qasam. Madankollu, peress li l-ambjent ġuridiku, kemm f’dan il-qasam kif ukoll f’oħrajn, huwa suġġett għal żvilupp kostanti, il-Qorti Ġenerali regolarment ikollha teżamina kwistjonijiet mingħajr preċedent. Dan kien il-każ, b’mod partikolari, fis-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2023, Meta Platforms Ireland vs Il-Kummissjoni (T-451/20), mogħtija f’kawża li fiha l-Qorti Ġenerali eżaminat, għall-ewwel darba, il-legalità ta’ talba għal informazzjoni permezz ta’ termini ta’ tfittxija taħt ir-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll il-legalità ta’ proċedura ta’ sala virtwali tad-data għall-ipproċessar ta’ dokumenti li fihom data personali sensittiva. Il-Qorti Ġenerali kellha tiżgura ruħha li l-Kummissjoni kienet illimitat it-talba tagħha biss għall-informazzjoni neċessarja għall-verifika tal-preżunzjonijiet ta’ ksur li kienu jiġġustifikaw it-tmexxija tal-investigazzjoni tagħha. (ara l-artikolu “Focus”).
Bl-istess mod, għalkemm hija suġġett klassiku u ddefinit sew, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea tat lok għal kwistjonijiet interessanti u ġodda. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ġiet adita b’rikors għal kumpens għad-danni materjali u morali li International Management Group allega li ġarrab wara l-iżvelar, fl-istampa, ta’ rapport ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fuq l-istatus ġuridiku tiegħu. Ir-rikorrent invoka l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni, li magħha huwa kien ikkonkluda diversi ftehimiet, kif ukoll tal-aġir tal-OLAF. F’dan il-kuntest, f’sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2023, IMG vs Il-Kummissjoni (T-752/20), il-Qorti Ġenerali għamlet numru ta’ preċiżazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.
Fost is-suġġetti tal-kawżi li qegħdin jiżviluppaw b’mod sħiħ, għandhom jissemmew il-kawżi bankarji u finanzjarji. B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali qiegħda tintalab tieħu konjizzjoni ta’ numru dejjem jikber ta’ rikorsi li jirriżultaw mill-introduzzjoni, fl-2014, tal-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Dan il-mekkaniżmu jipprevedi qafas għall-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-banek sinjifikattivi f’ċerti Stati Membri. Dan il-mekkaniżmu jistrieħ, b’mod partikolari, fuq il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, li għandu l-kompitu li jħejji u jimplimenta r-riżoluzzjoni tal-banek li x’aktarx ifallu jew li jkunu qegħdin ifallu. B’mod partikolari, permezz ta’ diversi sentenzi mogħtija fit-22 ta’ Novembru 2023, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni mingħajr ebda preċedent dwar talba għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni dwar il-possibbiltà ta’ kumpens għall-azzjonisti u għall-kredituri affettwati b’riżultat ta’ riżoluzzjoni bankarja (il-Kawżi magħquda T-302/20, T-303/20 u T-307/20, Del Valle Ruíz et vs SRB, kif ukoll il-Kawżi T-304/20, Molina Fernández vs SRB, T-330/20, ACMO et vs SRB, u T-340/20, Galván Fernández-Guillén vs SRB).
Fl-aħħar nett, ma tistax ma tissemmiex, fost l-iżviluppi ġurisprudenzjali ġodda li kkaratterizzaw is-sena li għaddiet, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2023, Il-Venezwela vs Il-Kunsill (T-65/18 RENV; ara l-kapitolu “Ħarsa lejn is-sentenzi prinċipali tas-sena”). Bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni dwar il-legalità ta’ miżuri restrittivi kontra Stat terz, f’dan il-każ il-Venezwela, minħabba d-degradazzjoni kostanti, f’dan il-pajjiż, tas-sitwazzjoni f’termini ta’ demokrazija, ta’ Stat tad-dritt u ta’ drittijiet tal-bniedem. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina l-kwistjonijiet delikati marbuta mad-dritt għal smigħ ta’ dan l-Istat terz u l-allegat ksur tad-dritt internazzjonali invokat minnu.

Il-Membri tal-Qorti Ġenerali
Il-Qorti Ġenerali hija kkostitwita minn żewġ Imħallfin minn kull Stat Membru.
L-Imħallfin jintgħażlu minn fost persuni li jipprovdu garanzija ta’ indipendenza sħiħa u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jokkupaw l-ogħla karigi ġudizzjarji. Huma jinħatru bi ftehim komuni mill-Gvernijiet tal-Istati Membri, wara konsultazzjoni ma’ kumitat responsabbli sabiex jagħti opinjoni dwar l-idoneità tal-kandidati. Il-mandat tagħhom huwa għal sitt snin u jista’ jiġġedded. Huma jinnominaw minn fosthom, għal tliet snin, il-President u l-Viċi President. Huma jaħtru r-Reġistratur għal mandat ta’ sitt snin.
L-Imħallfin jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’imparzjalità u b’indipendenza sħiħa.

M. van der Woude

S. S. Papasavvas

D. Spielmann

A. Marcoulli

F. Schalin

R. da Silva Passos

J. Svenningsen

M. J. Costeira

K. Kowalik-Bańczyk

A. Kornezov

L. Truchot

O. Porchia

M. Jaeger

H. Kanninen

J. Schwarcz

M. Kancheva

E. Buttigieg

V. Tomljenović

S. Gervasoni

L. Madise

N. Półtorak

I. Reine

P. Nihoul

U. Öberg

C. Mac Eochaidh

G. De Baere

R. Frendo

T. R. Pynnä

J. Laitenberger

R. Mastroianni

J. Martín y Pérez de Nanclares

G. Hesse

M. Sampol Pucurull

M. Stancu

P. Škvařilová-Pelzl

I. Nõmm

G. Steinfatt

R. Norkus

T. Perišin

D. Petrlík

M. Brkan

P. Zilgalvis

K. Kecsmár

I. Gâlea

I. Dimitrakopoulos

D. Kukovec

S. Kingston

T. Tóth

B. Ricziová

E. Tichy-Fisslberger

W. Valasidis

S. Verschuur

S. L. Kalėda

L. Stegsberg Grønfeldt

V. Di Bucci
Ordni protokollari b’effett mis-27 ta’ Settembru 2023
C | Il-ġurisprudenza fl-2023
- Focus Interazzjoni bejn il-protezzjoni tad-data personali u d-dritt tal-kompetizzjoni
- Focus Setgħa regolatorja tal-FIFA u tal-UEFA u d-dritt tal-Unjoni
- Focus Protezzjoni tad-data personali u l-ġlieda kontra l-ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni bejn impriżi
- Focus Protezzjoni tal-impriżi Ewropej kontra s-sanzjonijiet extraterritorjali tal-Istati Uniti
- Ħarsa lejn l-iktar sentenzi importanti tas-sena

Focus
Interazzjoni bejn il-protezzjoni tad-data personali u d-dritt tal-kompetizzjoni

Sentenza Meta Platforms et tal-4 ta’ Lulju 2023 (C-252/21)
L-awtorità federali Ġermaniża tal-kompetizzjoni pprojbixxiet lill-kumpanniji tal-grupp Meta milli jissuġġettaw l-użu tan-network soċjali Facebook mill-utenti tiegħu fil-Ġermanja għall-ipproċessar tad-data “off Facebook” tagħhom mingħajr il-kunsens tagħhom. Hija qieset li l-ipproċessar tad-data inkwistjoni ma kienx konformi mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (il-GDPR) u għalhekk kien jikkostitwixxi abbuż, mill-grupp Meta, tal-pożizzjoni dominanti tiegħu.
Adita minn qorti Ġermaniża fil-kuntest ta’ kawża mressqa mill-grupp Meta kontra din il-projbizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru għandha d-dritt tikkonstata, fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar abbuż minn pożizzjoni dominanti, ksur tal-GDPR. Madankollu, hija għandha tikkoopera b’mod leali mal-awtoritajiet superviżorji speċifiċi stabbiliti minn dan ir-regolament. Fil-każ li l-aġir eżaminat diġà kien is-suġġett ta’ deċiżjoni min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet jew tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtorità tal-kompetizzjoni tkun marbuta mill-evalwazzjonijiet tagħhom dwar il-GDPR.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni wkoll dwar il-kwistjoni jekk l-ipproċessar ta’ data msejħa “sensittiva”, bħala prinċipju pprojbit mill-GDPR, jistax eċċezzjonalment ikun permess fil-każijiet fejn din id-data tkun manifestament magħmula pubblika mis-suġġett tad-data inkwistjoni. Hija ddeċidiet li s-sempliċi fatt li utent jikkonsulta siti internet jew applikazzjonijiet li jistgħu jiżvelaw data sensittiva, bħalma huma l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew l-orjentazzjoni sesswali, ma jfissirx li huwa jkun għamel id-data tiegħu manifestament pubblika, fis-sens tal-GDPR. L-istess japplika meta utent idaħħal data jew jattiva buttuni ta’ selezzjoni integrati, sakemm ma jkunx esprima minn qabel, b’mod espliċitu, l-għażla tiegħu li jagħmel din id-data aċċessibbli pubblikament għal numru illimitat ta’ persuni.
Il-fatt li l-operatur tan-network jokkupa pożizzjoni dominanti ma jipprekludix li l-utent ikun jista’ validament u liberament jagħti l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar tad-data tiegħu. Madankollu, peress li din il-pożizzjoni dominanti tista’ taffettwa l-libertà tal-għażla tal-utenti, dan huwa element importanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dan il-kunsens effettivament ikunx ingħata b’mod validu. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li huwa l-operatur li għandu jipprova l-eżistenza ta’ dan il-kunsens.
GDPR
Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (magħruf bħala il-“GDPR”) jistandardizza u jirregola d-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali taħt sistema unika.
Il-GDPR jimponi obbligi fuq kull korp, kemm jekk pubbliku kif ukoll jekk privat, kemm-il darba dan il-korp jiġbor data personali fit-territorju tal-Unjoni. Il-korpi li jiksru l-obbligi tal-GDPR jesponu ruħhom għal tipi differenti ta’ sanzjonijiet.
Fl-era diġitali, permezz tal-GDPR, l-Unjoni tistabbilixxi diversi drittijiet favur l-individwi, bħalma huma d-dritt għall-informazzjoni, id-dritt li wieħed jintesa, id-dritt għall-aċċess kif ukoll għat-tħassir tad-data personali miġbura, u b’hekk tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-ħajja privata tagħhom. Dawn ir-regoli huma meqjusa bħala l-iktar regoli stretti fid-dinja fir-rigward tal-protezzjoni tad-data.
Data “off Facebook”
Meta Platforms Ireland tiġġestixxi l-offerta tan-network soċjali online Facebook fl-Unjoni. Mar-reġistrazzjoni tagħhom fuq Facebook, l-utenti tiegħu jaċċettaw il-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti minn din il-kumpannija, li jinkludu l-politika ta’ użu tad-data u l-politika tal-użu tal-cookies. Skont dawn il-politiki, Meta Platforms Ireland tiġbor data marbuta mal-attivitajiet tal-utenti ġewwa u barra n-network soċjali u tikkorrelata din id-data mal-kontijiet Facebook tal-utenti kkonċernati. Din id-data, magħrufa wkoll bħala data “off Facebook”, tikkonċerna b’mod partikolari l-konsultazzjoni ta’ paġni tal-internet u ta’ applikazzjonijiet terzi kif ukoll l-użu ta’ servizzi online oħra li jappartjenu lill-grupp Meta (fosthom Instagram u WhatsApp). Il-ġbir ta’ din id-data jippermetti l-personalizzazzjoni tal-messaġġi pubbliċitarji intiżi għall-utenti ta’ Facebook.

Focus
Setgħa regolatorja tal-FIFA u tal-UEFA u d-dritt tal-Unjoni

Sentenza European Superleague Company tal-21 ta’ Diċembru 2023 (C-333/21)
Il-FIFA u l-UEA huma federazzjonijiet tal-futbol internazzjonali li jmexxu l-futbol professjonali fl-Ewropa. Huma adottaw regoli li jagħtuhom is-setgħa jawtorizzaw il-kompetizzjonijiet Ewropej tal-futbol bejn il-klabbs u jisfruttaw id-diversi drittijiet tax-xandir korrispondenti. L-UEFA torganizza wkoll kompetizzjonijiet bejn klabbs Ewropej bħalma hija, pereżempju, iċ-Champions League.
Tnax-il klabb Ewropew tal-futbol xtaqu joħolqu proġett ta’ kompetizzjoni ġdida tal-futbol: is-Superleague. Dan il-proġett kellu l-potenzjal li jaffettwa l-iżvolġiment tal-kompetizzjonijiet bejn il-klabbs tal-UEFA u l-isfruttament tad-drittijiet tax-xandir korrispondenti. Il-FIFA u l-UEFA oġġezzjonaw għall-proġett u heddu li jimponu sanzjonijiet fuq il-klabbs u l-plejers li jiddeċiedu li jipparteċipaw f’dan il-proġett.
L-impriża responsabbli għall-proġett, European Superleague Company, ikkontestat ir-regoli tal-FIFA u tal-UEFA quddiem qorti ta’ Madrid, li għamlet domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-Unjoni, li jipprojbixxi l-ostakoli għall-kompetizzjoni ħielsa u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
Filwaqt li fakkret il-ġurisprudenza “Bosman” tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi u l-isfruttament tad-drittijiet tax-xandir korrispondenti jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni.
Hija ddeċidiet li s-setgħat regolatorji, ta’ kontroll u ta’ sanzjoni li jgawdu l-FIFA u l-UEFA fir-rigward tal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet tal-futbol potenzjalment kompetituri, bħalma huwa l-proġett Superleague, għandhom jiġu eżerċitati b’mod trasparenti, oġġettiv, nondiskriminatorju u proporzjonat, għaliex inkella jkunu jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li r-regoli tal-FIFA u tal-UEFA dwar l-isfruttament tad-drittijiet tax-xandir jkunu ta’ natura li jmorru kontra d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jekk ma jkunux ta’ benefiċċju għad-diversi atturi involuti fil-futbol, pereżempju billi jiżguraw distribuzzjoni mill-ġdid b’solidarjetà tad-dħul iġġenerat. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li dawn ir-regoli setgħu jippreġudikaw lill-klabbs Ewropej tal-futbol, lill-impriżi li joperaw fis-swieq tax-xandir kif ukoll lill-konsumaturi u lit-telespettaturi, billi jipprekluduhom milli jibbenefikaw minn kompetizzjonijiet ġodda ta’ natura potenzjalment innovattiva jew interessanti.
Il-ġurisprudenza “Bosman”
Fis-sentenza storika Bosman tagħha tal-15 ta’ Diċembru 1995 (C-415/93), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżerċizzju ta’ sport jikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, attività ekonomika li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni. Hija kkunsidrat ukoll li l-moviment liberu tal-ħaddiema jipprekludi:
- klawżoli dwar in-nazzjonalità adottati minn federazzjonijiet sportivi li jipprovdu li l-klabbs sportivi ma jistax ikollhom iktar minn numru limitat ta’ plejers professjonali ċittadini ta’ Stati Membri oħra, u
- klawżoli dwar it-trasferiment stabbiliti minn dawn il-federazzjonijiet li jipprovdu li plejer professjonali ċittadin ta’ Stat Membru, mal-iskadenza tal-kuntratt li jorbtu ma’ klabb, ma jistax jiġi impjegat minn klabb ta’ Stat Membru ieħor sakemm dan tal-aħħar ma jħallasx kumpens lill-klabb ta’ oriġini.
Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-isport
Sa mis-sentenza Bosman, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha diversi opportunitajiet sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju ta’ sport fid-dawl tad-dritt ekonomiku tal-Unjoni:
- il-klawżoli dwar in-nazzjonalità li kienu s-suġġett tas-sentenza Bosman fir-rigward tal-atleti ċittadini tal-Istati Membri lanqas ma jistgħu jiġu applikati għall-atleti minn Stat li miegħu l-Unjoni tkun ikkonkludiet ftehim ta’ assoċjazzjoni jew ta’ sħubija (sentenzi Deutscher Handballbund tat-8 ta’ Mejju 2003 (C-438/00) u Simutenkov tat-12 ta’ April 2005 (C-265/03)),
- ir-regoli kontra d-doping tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali huma koperti mid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni iżda ma jmorrux kontra dan id-dritt peress li huma meħtieġa għall-iżvolġiment korrett tal-kompetizzjonijiet sportivi (sentenza Meca-Medina and Majcen vs Il-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 2006 (C-519/04 P)),
- il-klabbs tal-futbol jistgħu jitolbu kumpens proporzjonat għat-taħriġ tal-plejers ta’ età żgħira mħarrġa minnhom meta dawn il-plejers ikunu jixtiequ jikkonkludu l-ewwel kuntratt professjonali tagħhom ma’ klabb ta’ Stat Membru ieħor (sentenza Olympique Lyonnais tas-16 ta’ Marzu 2010 (C-325/08)).

Focus
Protezzjoni tad-data personali u l-ġlieda kontra l-ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni bejn impriżi

Sentenza Meta Platforms Ireland vs Il-Kummissjoni tal-24 ta’ Mejju 2023 (T-451/20)
Setgħat investigattivi tal-Kummissjoni
Ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxu l-akkordji bejn impriżi, id-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiċi miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jistgħu jwasslu għall-prevenzjoni, għar-restrizzjoni jew għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern (Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)). Dawn ir-regoli jipprojbixxu wkoll lill-impriżi li jkollhom pożizzjoni dominanti f’suq milli jabbużaw minn din il-pożizzjoni, pereżempju billi japplikaw prezzijiet żleali, billi jillimitaw il-produzzjoni jew billi jirrifjutaw li jagħmlu innovazzjonijiet għad-detriment tal-konsumaturi (Artikolu 102 TFUE).
Ir-Regolament tal-Unjoni Ewropea Nru 1/2003 għandu rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni. Huwa jagħti lill-Kummissjoni Ewropea setgħa investigattiva wiesgħa. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tista’ twettaq spezzjonijiet u tinterroga kull persuna li jista’ jkollha informazzjoni rilevanti.
Fl-2020, fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar suspett ta’ aġir antikompetittiv min-naħa tal-grupp Facebook, fl-użu tiegħu tad-data personali u fil-ġestjoni tal-pjattaforma tan-network soċjali tiegħu, il-Kummissjoni eżiġiet li Meta Platforms Ireland tipprovdilha d-dokumenti kollha ppreparati jew irċevuti minn tlieta mid-diretturi tagħha u li kien fihom terminu speċifiku wieħed jew iktar.
Dawn it-termini kienu jinkludu, fost oħrajn, l-espressjonijiet “big question” (kwistjoni kbira), “for free” (b’xejn), “not good for us” (mhux tajjeb għalina) u “shut * down” (magħluq/għalaq).
Fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni, Meta kellha tkun suġġetta għal pagamenti ta’ penalità potenzjali ta’ EUR 8 miljun għal kull jum.
Quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Meta kkontestat il-legalità ta’ din it-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Skont Meta, tali termini ta’ tfittxija kienu manifestament vagi u ġenerali wisq u kienu jikkostitwixxu “sajda għal informazzjoni” fuq skala kbira.
Fl-istess ħin, Meta ressqet talba għal miżuri provviżorji sabiex it-talba tal-Kummissjoni tiġi sospiża sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fuq il-mertu tal-kawża.
Fid-29 ta’ Ottubru 2020, il-President tal-Qorti Ġenerali ta deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri provviżorji. Huwa ordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea sakemm tiġi stabbilita proċedura speċifika għall-produzzjoni tad-dokumenti mitluba li ma kellhomx rabta mal-attivitajiet kummerċjali ta’ Meta u li kienu jinkludu, barra minn hekk, data personali sensittiva (“dokumenti protetti”). Sabiex tapplika dan id-digriet, il-Kummissjoni stabbilixxiet proċedura ta’ sala tad-data virtwali għal dawn id-dokumenti protetti. Skont din il-proċedura, id-dokumenti setgħu jiġu inklużi fil-fajl tal-investigazzjoni biss wara li jkunu ġew eżaminati f’din is-sala virtwali minn numru limitat ta’ membri tat-tim inkarigat mill-investigazzjoni u mill-avukati ta’ Meta.
Fl-24 ta’ Mejju 2023, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni dwar il-mertu tal-kawża. Hija ċaħdet ir-rikors ta’ Meta fl-intier tiegħu.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali fakkret is-setgħat investigattivi wiesgħa tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tikkontrolla jekk l-impriżi josservawx ir-regoli tal-kompetizzjoni. F’dan il-kuntest, l-użu ta’ termini ta’ tfittxija speċifiċi jista’ jkun utli.
META
Meta hija impriża teknoloġika multinazzjonali li s-sede tagħha tinsab fl-Istati Uniti. Minbarra Instagram u WhatsApp, wieħed mill-prodotti ewlenin tagħha huwa n-network soċjali tagħha Facebook, li jippermetti lill-utenti rreġistrati joħolqu profili, itellgħu ritratti u videos, jibagħtu messaġġi u jżommu kuntatt ma’ persuni oħra. Meta toffri wkoll servizz ta’ reklami online, imsejjaħ Facebook Marketplace, li jippermetti lill-utenti jixtru u jbigħu oġġetti.
Il-proċedura għal miżuri provviżorji
It-talba għal miżuri provviżorji hija intiża li tinkiseb immedjatament is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att ta’ istituzzjoni, sakemm jiġi ttrattat ir-rikors u tingħata s-sentenza finali. Sabiex din il-miżura provviżorja tiġi ordnata mill-President tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors ma għandux ikun jidher, prima facie, infondat. Il-parti li tressaq it-talba għandha turi wkoll li, fl-assenza tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, hija ser iġġarrab dannu gravi u irreparabbli. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni għandha tibbilanċja l-interess tal-parti li tressaq it-talba mal-interessi tal-partijiet l-oħra u mal-interess pubbliku.
Bi tweġiba għall-argument ta’ Meta li investigazzjoni li tuża termini ta’ tfittxija kienet tikkostitwixxi ndħil fil-ħajja privata tal-impjegati kkonċernati, il-Qorti Ġenerali qieset li din kienet miżura xierqa sabiex jintlaħqu għanijiet ta’ interess ġenerali, jiġifieri ż-żamma tas-sistema kompetittiva mixtieqa mit-Trattati tal-Unjoni.
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali enfasizzat il-miżuri ta’ akkumpanjament li kienu ttieħdu. Fil-fatt, id-dokumenti protetti kellhom jintbagħtu lill-Kummissjoni fuq mezz elettroniku separat u kellhom jitqiegħdu f’sala tad-data virtwali. Din kienet aċċessibbli biss għal numru limitat ta’ membri tat-tim inkarigat mill-investigazzjoni. L-għażla tad-dokumenti li kellhom jiġu inklużi fil-fajl kellha ssir fil-preżenza tal-avukati ta’ Meta. Kien previst arbitraġġ fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil persistenti dwar il-klassifikazzjoni ta’ dokument.
Kawża T-452/20
Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat fir-rigward ta’ Meta Platforms Ireland talba għal informazzjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni parallela tagħha dwar ċerti prattiki relatati mal-pjattaforma Facebook Marketplace. Ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Meta Platforms Ireland kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali f’sentenza tal-istess jum fil-Kawża T-452/20.
Meta appellat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenzi T-451/20 u T-452/20 tal-Qorti Ġenerali (Kawżi pendenti C-497/23 P u C-496/23 P).

Focus
Protezzjoni tal-impriżi Ewropej kontra s-sanzjonijiet extraterritorjali tal-Istati Uniti

Sentenza IFIC Holding vs Il-Kummissjoni tat-12 ta’ Lulju 2023 (T-8/21)
L-effett extraterritorjali tal-liġijiet adottati minn Stati terzi
Wieħed jitkellem dwar extraterritorjalità ta’ leġiżlazzjoni meta l-effett tagħha jestendi lil hinn mill-fruntieri tal-Istat li jkun adottaha. Il-liġi ta’ mblukkar tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96) tipproteġi lill-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni kontra l-applikazzjoni extraterritorjali tal-liġijiet ta’ pajjiżi terzi. L-Unjoni Ewropea adottat din il-liġi fl-1996 sabiex tipproteġi lill-impriżi Ewropej li l-attivitajiet kummerċjali tagħhom ma’ Kuba, mal-Iran jew mal-Libja kienu fil-mira tal-Istati Uniti.
Fl-2018, b’reazzjoni għall-irtirar tal-Istati Uniti mill-ftehim nukleari mal-Iran, l-Unjoni aġġornat il-liġi ta’ mblukkar tagħha sabiex tinkludi fiha s-sanzjonijiet extraterritorjali Amerikani li kienu għadhom kemm ġew imposti mill-ġdid. Dan l-approċċ jagħmel parti mill-appoġġ tal-Unjoni għall-implimentazzjoni kontinwa u kompleta tal-ftehim nukleari mal-Iran, b’mod partikolari billi jappoġġa r-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn l-Unjoni u l-Iran.
Fl-2018, l-Istati Uniti rtiraw mill-ftehim nukleari mal-Iran, li kellu bħala għan il-kontroll tal-programm nukleari Iranjan u, bħala korrispettiv, it-tneħħija tas-sanzjonijiet ekonomiċi fil-konfront tal-Iran. Wara dan l-irtirar, l-Istati Uniti reġgħu introduċew is-sanzjonijiet kontra l-Iran u lista ta’ persuni li l-assi tagħhom ġew iffriżati. Kien ukoll ipprojbit għal darba oħra li jsir kummerċ ma’ kull persuna jew entità li tidher fil-lista stabbilita mill-awtoritajiet Amerikani. Din il-projbizzjoni kienet tapplika wkoll għal impriżi stabbiliti barra mill-Istati Uniti, fosthom impriżi Ewropej.
Bi tweġiba għal din l-introduzzjoni mill-ġdid tas-sanzjonijiet, l-Unjoni Ewropea aġġornat il-liġi tagħha msejħa “ta’ mblukkar” sabiex tissalvagwardja l-interessi tal-impriżi tagħha. Barra minn hekk, sabiex il-kumpanniji Ewropej jiġu protetti mill-effetti tal-applikazzjoni extraterritorjali tas-sanzjonijiet Amerikani, huma ġew ipprojbiti milli jikkonformaw ma’ dawn is-sanzjonijiet sakemm ma jkunux awtorizzati mill-Kummissjoni Ewropea. Ta’ min jinnota li din l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata meta n-nuqqas ta’ konformità ma’ sanzjonijiet barranin ikun ta’ natura li jippreġudika serjament l-interessi tal-impriża kkonċernata jew dawk tal-Unjoni.
IFIC Holding AG hija kumpannija Ġermaniża indirettament miżmuma mill-Istat Iranjan li ġiet miżjuda mal-lista fl-2018. Wara din ir-reġistrazzjoni, Clearstream Banking AG, l-uniku bank depożitarju ta’ titoli awtorizzat fil-Ġermanja, interrompiet il-ħlas lil IFIC tad-dividendi li din tirċievi mingħand diversi impriżi Ġermaniżi li fihom hija għandha ishma, u ffriżathom f’kont separat.
Clearstream talbet ukoll lill-Kummissjoni l-awtorizzazzjoni sabiex tikkonforma ruħha mas-sanzjonijiet Amerikani fir-rigward tat-titoli jew tal-fondi ta’ IFIC. Inizjalment, il-Kummissjoni tat din l-awtorizzazzjoni, f’April 2020, għal 12-il xahar, u sussegwentement ġedditha fl-2021 u fl-2022. IFIC ikkontestat dawn id-deċiżjonijiet billi ppreżentat rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali.
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ IFIC, u b’hekk awtorizzat lil Clearstream Banking AG tikkonforma ruħha mas-sanzjonijiet Amerikani imposti fuq l-Iran. Il-Qorti Ġenerali qieset li, għalkemm kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-impriża li titlob l-awtorizzazzjoni (Clearstream), il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-impriża inkluża fil-lista (IFIC) jew tesplora possibbiltajiet oħra inqas restrittivi għaliha. Il-Qorti Ġenerali qieset ukoll li l-għanijiet imfittxija mill-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta’ sanzjonijiet extraterritorjali ta’ pajjiż terz kienu jiġġustifikaw il-limitazzjoni tad-dritt ta’ IFIC li tinstema’ matul il-proċess deċiżjonali li jippreċedi l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, tal-awtorizzazzjoni tagħha.
Ir-rikors għal annullament
Ir-rikors għal annullament huwa intiż li jiġu annullati atti ta’ istituzzjonijiet tal-Unjoni li ma jkunux konformi mad-dritt tal-Unjoni. Taħt ċerti kundizzjonijiet, l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-individwi jistgħu jippreżentaw rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali. Jekk ir-rikors ikun fondat, l-att jiġi annullat. L-istituzzjoni kkonċernata jkollha mbagħad issib rimedju għall-eventwali lakuna ġuridika li tinħoloq bl-annullament tal-att.
Kawża Bank Melli Iran (C-124/20)
F’din il-kawża l-oħra, BMI, bank tal-Istat Iranjan, invoka l-liġi ta’ mblukkar quddiem il-qrati Ġermaniżi sabiex jikkontesta l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet Amerikani fil-Ġermanja. Il-Qorti tal-Ġustizzja, adita għall-ewwel darba fil-kuntest tal-liġi ta’ mblukkar tal-Unjoni Ewropea, iddeċidiet li l-projbizzjoni prevista fid-dritt tal-Unjoni li wieħed jikkonforma ruħu mas-sanzjonijiet imposti mill-Istati Uniti kontra l-Iran setgħet tiġi invokata quddiem il-qrati nazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura ċivili.
Ħarsa lejn l-iktar sentenzi importanti tas-sena
Konsumaturi
Il-politika Ewropea dwar il-konsumaturi għandha l-għan li tipproteġi s-saħħa, is-sigurtà u l-interessi ekonomiċi u legali tal-konsumaturi irrispettivament mill-post fejn jirrisjedu jew jiċċaqalqu jew minn fejn jixtru fl-Unjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Garanzija tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-Unjoni Ewropea
Ambjent
L-Unjoni timpenja ruħha sabiex tippreserva u ttejjeb il-kwalità tal-ambjent u tipproteġi s-saħħa tal-bniedem. Hija tibbaża ruħha fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ prevenzjoni kif ukoll fuq il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”.

Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-ambjent
Data personali
L-Unjoni Ewropea għandha leġiżlazzjoni soda u konsistenti għall-protezzjoni tad-data personali. L-ipproċessar u ż-żamma ta’ din id-data għandhom jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet ta’ legalità previsti fil-leġiżlazzjoni u, b’mod partikolari, għandhom ikunu limitati għal dak li jkun strettament neċessarju u ma għandhomx jippreġudikaw b’mod sproporzjonat id-dritt għall-ħajja privata.

Il-Qorti tal-Ġustizzja fid-dinja diġitali
Ugwaljanza fit-trattament u dritt industrijali
Fl-Unjoni Ewropea hemm iktar minn 240 miljun ħaddiem. Għalhekk, għadd kbir ta’ ċittadini jibbenefikaw direttament mid-dispożizzjonijiet tad-dritt industrijali Ewropew li jistabbilixxu standards minimi fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg u b’hekk jikkompletaw il-politiki mħaddna mill-Istati Membri.

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Garanzija ta’ trattament ugwali u ħarsien tad-drittijiet tal-minoranzi

Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-post tax-xogħol – Ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema
Ċittadinanza Ewropea
Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat tal-Unjoni hija awtomatikament ċittadin tal-Unjoni Ewropea. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija addizzjonali għaċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex. Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jibbenefikaw minn drittijiet speċifiċi ggarantiti mit-Trattati Ewropej.
Migrazzjoni
L-Unjoni Ewropea adottat sett ta’ regoli għall-istabbiliment ta’ politika Ewropea effettiva, umanitarja u sigura dwar il-migrazzjoni. Is-sistema Ewropea komuni tal-ażil tistabbilixxi standards minimi applikabbli għall-ipproċessar ta’ dawk kollha li jkunu qegħdin ifittxu ażil u tal-applikazzjonijiet tagħhom fl-Unjoni kollha.
L-Istat tad-dritt
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-istess bħat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tagħmel riferiment espliċitu għall-Istat tad-dritt, wieħed mill-valuri komuni għall-Istati Membri. L-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati hija element essenzjali tal-Istat tad-dritt.

Id-Difiża tal-Istat tad-Dritt fl-Unjoni Ewropea
Proprjetà intellettwali
Il-leġiżlazzjoni adottata mill-Unjoni sabiex tiġi protetta l-proprjetà intellettwali (drittijiet tal-awtur) u industrijali (dritt tat-trade marks, protezzjoni tad-disinni) ittejjeb il-kompetittività tal-impriżi billi tiffavorixxi ambjent li jinkoraġġixxi l-kreattività u l-innovazzjoni.

Il-Proprjetà Intellettwali fil-Qorti Ġenerali
Miżuri restrittivi u politika estera
Il-miżuri restrittivi jew “sanzjonijiet” huma strument essenzjali tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni Ewropea sabiex jitħarsu l-valuri, l-interessi fundamentali u s-sigurtà tagħha. Is-sanzjonijiet huma intiżi li jwasslu għal bidla fil-politika jew fl-aġir min-naħa tal-entitajiet jew tal-persuni li jkunu s-suġġett tagħhom.
Politika kummerċjali
Il-politika kummerċjali hija kompetenza eskluża tal-Unjoni Ewropea. L-Unjoni tilleġiżla dwar il-kwistjonijiet kummerċjali u tikkonkludi ftehimiet kummerċjali internazzjonali. Il-fatt li l-Unjoni taġixxi b’mod ikkoordinat u b’vuċi waħda fil-livell mondjali jqiegħda f’pożizzjoni b’saħħitha fejn jidħol il-kummerċ internazzjonali.
Tax rulings
Bħala prinċipju, it-taxxi diretti jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu, dawn it-taxxi għandhom josservaw ir-regoli bażi tal-Unjoni Ewropea, bħalma hija l-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Għalhekk, l-Unjoni tiżgura l-legalità tad-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem (tax rulings) tal-Istati Membri li jagħtu lil impriżi trattament fiskali partikolari.
Kompetizzjoni
L-Unjoni Ewropea tiżgura l-osservanza tar-regoli li jipproteġu l-kompetizzjoni ħielsa. Il-prattiki li għandhom bħala għan jew bħala effett li jipprekludu, li jillimitaw jew li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern huma pprojbiti u jistgħu jiġu ssanzjonati b’multi.
Aċċess għal dokumenti
It-trasparenza tal-ħajja pubblika hija prinċipju ewlieni tal-Unjoni. Bħala prinċipju, kull ċittadin jew persuna ġuridika tal-Unjoni jista’ jkollhom aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet. Madankollu, f’ċerti każijiet, dan l-aċċess jista’ jiġi miċħud jekk ikun hemm ġustifikazzjoni.
Id-Direttorat tar-Riċerka u tad-Dokumentazzjoni jipproponi lill-professjonisti tal-liġi, fil-kuntest tal-Kollezzjoni tas-Sunti tagħha, “Selezzjoni ta’ sentenzi importanti” u “Bullettin mensili tal-ġurisprudenza” tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali.