Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiggarantixxi l-protezzjoni tad-dritt tal-Unjoni
- Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija waħda minn seba’ istituzzjonijiet Ewropej.
- Bħala l-istituzzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni, hija għandha l-missjoni li tiggarantixxi l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni billi tiżgura interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tat-Trattati u billi tiggarantixxi l-istħarriġ tal-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni.
- L-istituzzjoni tikkontribwixxi sabiex jitħarsu l-valuri tal-Unjoni u tagħti s-sehem tagħha fil-proġett Ewropew permezz tal-ġurisprudenza tagħha.
- Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija komposta minn żewġ qrati: il-“Qorti tal-Ġustizzja u l-“Qorti Ġenerali”.
Daħla mill-President
F’kuntest ġeopolitiku fejn l-ideal tal-paċi jinsab dejjem iktar mhedded, l-istituzzjoni tagħna tipprovdi miżura ta’ stabbiltà bit-twettiq tal-missjoni tagħha li tħares il-ġustizzja, l-Istat tad-dritt, il-valuri demokratiċi u d-drittijiet fundamentali.
![](../assets/img/koen-lenaerts.png)
Koen Lenaerts
President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
Is-sena 2023 kienet sena diffiċli fil-livell internazzjonali, bil-persistenza tal-gwerra fl-Ukraina u bl-emerġenza ta’ kunflitt armat ġdid fil-Lvant Nofsani. F’kuntest ġeopolitiku fejn l-ideal tal-paċi jinsab dejjem iktar mhedded, l-istituzzjoni tagħna tipprovdi miżura ta’ stabbiltà bit-twettiq tal-missjoni tagħha li tħares il-ġustizzja, l-Istat tad-dritt, il-valuri demokratiċi u d-drittijiet fundamentali. Permezz tal-ġurisprudenza tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali komplew jaħdmu sabiex jipproteġu dawn il-valuri u dawn id-drittijiet filwaqt li enfasizzaw bil-qawwa li dawn jagħmlu parti mill-identità stess tal-Unjoni bħala ordinament ġuridiku komuni għall-Istati Membri.
Matul is-sena li għaddiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet id-djalogu intens li hija żżomm mal-qrati nazzjonali, b’mod partikolari mal-qrati kostituzzjonali u supremi, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ diversi laqgħat organizzati fi ħdan l-istituzzjoni stess. F’Settembru, it-tieni edizzjoni tal-konferenzi “Magħquda fid-Diversità” (“EUnited in Diversity”) laqqgħet ukoll, f’Den Haag, diversi rappreżentanti ta’ dawn il-qrati tal-aħħar kif ukoll membri tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, bil-parteċipazzjoni ta’ Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja, dwar suġġetti relatati mal-Istat tad-dritt, mad-diversità kostituzzjonali tal-Istati Membri u mal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni. Bħal kull sena, il-Forum tal-Membri tal-Ġudikatura Nazzjonali kien opportunità għal skambji kostruttivi bejn il-membri tal-istituzzjoni u tal-qrati nazzjonali, li jrawmu komprensjoni aħjar tal-karatteristiċi speċifiċi tas-sistemi legali nazzjonali u tal-Unjoni. Huwa f’dan il-kuntest li jaġevola l-iskambji li ser inkomplu, fi spirtu ta’ smigħ u ta’ ftuħ, id-djalogu li nbeda mal-qrati nazzjonali iktar minn 70 sena ilu.
Umberto Eco kien iħobb jgħid li “l-lingwa tal-Ewropa hija t-traduzzjoni”. Sa mill-ħolqien tagħha, l-istituzzjoni tagħna wriet l-impenn profond tagħha għall-multilingwiżmu, li jippermetti lil kull individwu jippreżenta rikors f’waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-għażla tiegħu u lil kull ċittadin ikollu aċċess għall-parti l-kbira tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-istituzzjoni f’dawn id-diversi lingwi. Sabiex tkompli tippromwovi din id-diversità lingwistika u l-aċċess ta’ kull ċittadin għall-ġustizzja tal-Unjoni fil-lingwa tiegħu stess, il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet diversi proġetti li jenfasizzaw l-importanza tal-multilingwiżmu fil-proġett Ewropew.
Fl-aħħar nett, l-istituzzjoni tagħna kienet miftuħa għal tiġdid u aġġornat il-qafas tal-funzjonament futur tal-qrati tal-Unjoni. Matul is-sena 2023 rajna l-frott tar-riflessjonijiet fil-fond magħmula matul dawn l-aħħar snin miż-żewġ qrati tal-Unjoni dwar it-trasferiment parzjali tal-kompetenza fir-rigward tad-domandi preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Qorti Ġenerali, li kien ilu possibbli mill-2003 bis-saħħa tat-Trattat ta’ Nice. Fid-dawl taż-żieda fin-numru tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa fil-fatt neċessarju li jiġi żgurat tqassim aħjar tal-volum ta’ xogħol bejn iż-żewġ qrati, filwaqt li jiġi offrut l-aħjar servizz lill-partijiet fil-kawżi. Lejn l-aħħar tas-sena 2023 intlaħaq ftehim politiku dwar dan l-abbozz ta’ riforma fil-kuntest tal-“kwadrilogu” li jiġbor fi ħdanu rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan il-ftehim, li l-modalitajiet preċiżi tal-implimentazzjoni tiegħu għad iridu jiġu ddefiniti fir-Regoli tal-Proċedura taż-żewġ qrati, huwa sinjal tal-fiduċja ispirata mill-Qorti Ġenerali, li l-kapaċità ta’ azzjoni tagħha ġiet irdoppjata f’dawn l-aħħar snin. Dan huwa progress sinjifikattiv li jagħmel parti mit-tkomplija tar-riforma tal-arkitettura ġudizzjarja mibdija fl-2016.
Bis-saħħa tal-impenn tal-Membri taż-żewġ qrati u tal-persunal kollu tagħha, l-istituzzjoni setgħet taħdem ta’ kuljum sabiex issaħħaħ il-proġett ta’ integrazzjoni Ewropea, li ser ikun, matul is-sena 2024, fil-qofol tal-kommemorazzjonijiet tal-għoxrin anniversarju mit-tkabbir kbir tal-2004.
![](../assets/img/photos-2023/signature-lenaerts_2.jpg)