Amministrazzjoni fis-servizz tal-ġustizzja

A | Introduzzjoni mir-Reġistratur
B | L-avvenimenti prinċipali tas-sena
C | Ir-relazzjonijiet mal-pubbliku

 
Start Scroll

A | Introduzzjoni mir-Reġistratur

Matul is-sena 2023, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ħadmet b’determinazzjoni fuq proċess ta’ trasformazzjoni, mhux biss sabiex tipprepara ruħha għal sfidi futuri, iżda wkoll sabiex taħtaf l-opportunitajiet li jinsabu quddiemha.

Alfredo Calot Escobar

Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja


Ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-Segretarju Ġenerali tal-Istituzzjoni, imexxi d-dipartimenti amministrattivi taħt l-awtorità tal-President.


Matul is-sena 2023, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ħadmet b’determinazzjoni fuq proċess ta’ trasformazzjoni, mhux biss sabiex tipprepara ruħha għal sfidi futuri, iżda wkoll sabiex taħtaf l-opportunitajiet li jinsabu quddiemha.

Fil-qasam ġudizzjarju, il-proċedura leġiżlattiva dwar it-trasferiment parzjali tal-kompetenza fir-rigward tad-domandi preliminari lill-Qorti Ġenerali żvolġiet matul is-sena kollha, bil-kisba ta’ ftehim politiku f’Diċembru. Fl-istess ħin, ħdimna b’mod attiv sabiex, meta jkun il-waqt, niżguraw implimentazzjoni mingħajr problemi tar-riforma. Dan ser ikun mument importanti ħafna fl-istorja tad-djalogu tagħna mal-qrati nazzjonali u pass importanti fl-isforzi tagħna sabiex insaħħu iktar l-effiċjenza tal-ħidma ġudizzjarja fi ħdan il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Flimkien mal-preparazzjoni għal dan it-trasferiment, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonċentrat l-isforzi tagħha fuq l-integrazzjoni effettiva u bla xkiel ta’ teknoloġiji ġodda. Bħala parti minn dan il-proċess, konna l-ewwel istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea li żviluppat Strateġija għall-integrazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali (“IA”), li tinkludi l-ħolqien ta’ Bord tat-Tmexxija għall-Intelliġenza Artifiċjali, li huwa inkarigat mis-superviżjoni tal-aspetti etiċi tal-użu tal-IA fi ħdan l-istituzzjoni u mid-definizzjoni ta’ limiti ċari għall-applikazzjoni tagħha. Dan il-Bord, kompost minn Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, għandu jiżgura li l-għażliet teknoloġiċi magħmula mill-istituzzjoni sabiex tintegra l-għodod ibbażati fuq l-IA jkunu konformi kemm mal-etika kif ukoll mal-prinċipji tal-Qorti tal-Ġustizzja. Sabiex tiġi promossa kultura ta’ użu responsabbli u sigur tal-għodod tal-IA, waħda mill-ewwel miżuri meħuda mill-Bord kienet li jinħarġu linji gwida għall-persunal dwar l-użu tal-IA.

Barra minn hekk, l-għodod tal-IA huma lesti sabiex jiġu integrati fis-sistema futura tagħna tal-ġestjoni tal-kawżi. Dan għandu jippermetti lill-istituzzjoni tapprofitta kemm jista’ jkun mill-iktar teknoloġiji avvanzati, filwaqt li jitlesta l-pedament għall-ħolqien ta’ sistema orizzontali u kompletament integrata, imfassla bil-ħsieb li tirrazzjonalizza l-flussi tax-xogħol tagħna u li tawtomatizza firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet repetittivi. Dan l-approċċ olistiku ser ikompli jappoġġja, jiżviluppa u jisfrutta d-diversità notevoli tal-għarfien espert fi ħdan il-persunal tagħna, filwaqt li jippermettilna niddedikaw iktar ħin għal kompiti ta’ stimulazzjoni intellettwali u ta’ żieda fil-valur.

Madankollu, is-sena li għaddiet ma kinitx ikkonċentrata biss fuq it-tħejjija tal-pedamenti għall-futur. Din is-sena wriet ukoll l-impenn tagħna li nħarsu l-valuri li fuqhom twaqqfet il-Qorti tal-Ġustizzja. Wieħed minn dawn il-valuri, imnaqqax fl-istituzzjoni tagħna sa mill-ħolqien tagħha, huwa dak tad-diversità – id-diversità tal-kulturi, tal-lingwi u tat-tradizzjonijiet legali.

Maħsub sabiex jiċċelebra l-mużajk lingwistiku ħaj tal-istituzzjoni tagħna, il-Ġnien tal-Multilingwiżmu issa huwa simbolu tal-impenn tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tad-diversità u tal-ugwaljanza. Madankollu, il-kundizzjoni sine qua non sabiex tintlaħaq din id-diversità hija l-kapaċità tal-istituzzjoni li tattira talent mill-Istati Membri kollha.

Għal dan l-għan, id-diskussjonijiet fil-livell interistituzzjonali, ikkonċentrati fuq iż-żieda fl-attrattività tal-Lussemburgu bħala post tax-xogħol, tkomplew b’determinazzjoni kbira fl-2023. F’dan il-kuntest, il-Kulleġġ tas-Segretarji Ġenerali u tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni tal-Istituzzjonijiet u tal-Korpi tal-Unjoni bbażati fil-Lussemburgu adotta sensiela ta’ miżuri prattiċi intiżi li jippromwovu l-Lussemburgu bħala post tax-xogħol, li jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta’ kollegi ġodda u ta’ persuni li jiġu għal perijodu ta’ taħriġ, u li jneħħu l-ostakoli li jistgħu jiskoraġġixxu liċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha milli jingħaqdu mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni stabbiliti fil-Gran Dukat.

Fl-isforz kontinwu tagħha sabiex tiżgura rappreżentanza ġeografika ġusta, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tniedi proġetti pilota bl-għan li jiżdied l-għarfien dwar l-importanza tal-bilanċ ġeografiku u bl-għan li l-karrieri jiġu promossi direttament fl-Istati Membri. Eżempju eċċellenti ta’ dan kienet żjara fil-Latvja, fejn delegazzjoni ta’ Membri u maniġers għolja kellhom diskussjonijiet produttivi ma’ rappreżentanti, b’mod partikolari, tal-ġudikatura, tal-gvern, tal-akkademja u tal-mezzi tal-komunikazzjoni. L-għan kien li tiġi ppreżentata l-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jiġu promossi l-opportunitajiet ta’ karriera u li jiġi inkuraġġit taħriġ legali u lingwistiku rilevanti għax-xogħol tal-istituzzjoni tagħna.

Is-sena 2023 kienet għalhekk ikkaratterizzata minn adeżjoni qawwija mal-impenn tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-servizz pubbliku, filwaqt li fl-istess waqt nevalwaw mill-ġdid il-potenzjal tagħna. Tlaqna fuq vjaġġ sabiex niddefinixxu mill-ġdid mhux biss il-mod kif naħdmu, iżda wkoll kif nimmaġinaw il-futur tagħna. Futur li fih l-istituzzjoni tagħna mhux biss tadatta ruħha għall-bidla, iżda tixpruna din il-bidla, bl-istess spirtu ta’ eċċellenza, ta’ diversità, ta’ progress u ta’ dedikazzjoni li dejjem kien il-karatteristika ewlenija tagħna.

B | L-avvenimenti prinċipali tas-sena

Il-multilingwiżmu ċċelebrat fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Bil-bażi tiegħu fit-Trattati, il-multilingwiżmu huwa valur essenzjali tal-proġett Ewropew. Fil-fatt, il-multilingwiżmu huwa kundizzjoni indispensabbli għat-trasparenza tal-azzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u għall-applikabbiltà tad-dritt Ewropew, u huwa sinjal ta’ rispett profond lejn l-identitajiet u l-kulturi nazzjonali.

Il-multilingwiżmu huwa parti integrali mill-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u jaqdi valuri imperattivi demokratiċi billi jiżgura aċċess ugwali għall-qorti tal-Unjoni u billi jagħmel il-ġurisprudenza aċċessibbli għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Id-dipartiment lingwistiku tal-istituzzjoni jiżgura t-traduzzjoni tad-dokumenti u l-interpretazzjoni tas-seduti, u dan jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja taħdem bl-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni u tamministra ta’ kuljum sa 552 kombinazzjoni lingwistika. Din is-sistema lingwistika ta’ multilingwiżmu sħiħ ma għandha l-ekwivalenti tagħha f’ebda qorti oħra fid-dinja. L-implimentazzjoni tagħha hija sfida operattiva kontinwa, li tista’ tiġi affaċċjata biss permezz ta’ ġestjoni rigoruża u effettiva tar-riżorsi umani u tekniċi ddedikati għaliha.

Ftit snin ilu, il-Qorti tal-Ġustizzja nediet riflessjoni wiesgħa sabiex tispjega u tippromwovi l-multilingwiżmu kif ipprattikat fi ħdanha, u dan ta lok għal diversi inizjattivi maħsuba sabiex jinħoloq għarfien dwar l-importanza tiegħu, b’mod partikolari fid-dinja legali u fid-dinja akkademika.

Fl-2023, fid-9 ta’ Mejju, Jum l-Ewropa, ġie inawgurat il-Ġnien tal-Multilingwiżmu, żviluppat fuq art li fuqha qabel kien hemm bini tal-Kummissjoni Ewropea u li tinsab biswit il-kumpless tal-Qorti tal-Ġustizzja. Żviluppat bi sħubija mal-awtoritajiet Lussemburgiżi, dan l-ispazju ekoloġiku ġdid huwa ddedikat għall-multilingwiżmu. Miftuħ għall-pubbliku u maħsub sabiex jospita avvenimenti kulturali, dan il-ġnien jikkontribwixxi wkoll għaż-żamma tal-bijodiversità f’ambjent urban billi jippromwovi l-installazzjoni ta’ bijotopi permezz tad-diversità tal-ispeċi li jospita. Dan il-ġnien, li jinsab fiż-żona ta’ Kirchberg, fejn tinsab is-sede ta’ diversi istituzzjonijiet Ewropej, jiċċelebra d-diversità lingwistika tal-Unjoni, l-Istat ospitanti, il-Lussemburgu, u l-multilingwiżmu sekulari tiegħu.

Din is-sena ġie ppubblikat ukoll xogħol bi tliet volumi, tradott fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, iddedikat għall-multilingwiżmu fil-Qorti tal-Ġustizzja u fl-Unjoni kollha. Din il-pubblikazzjoni tesplora d-diversi aspetti tas-sistema lingwistika tal-istituzzjoni u l-mod kif il-multilingwiżmu jimmaterjalizza ruħu, bl-għajnuna tad-dipartimenti ta’ interpretazzjoni u ta’ traduzzjoni legali tagħha. It-tieni parti tal-pubblikazzjoni, intitolat “Libretti tal-ivvjaġġar multilingwi”, tiġbor il-kontribuzzjonijiet ta’ personalitajiet mis-27 Stati Membri rrikonoxxuti fil-qasam tagħhom - membri tal-ġudikatura, filosofiċi, għalliema u politiċi. Miktuba fil-lingwi kollha tal-Unjoni, dawn il-libretti jistiednu lill-qarrej jiskopri l-kunċetti u l-isfidi tal-multilingwiżmu madwar l-Ewropa kollha. Disponibbli għall-pubbliku ġenerali fl-2024, din il-pubblikazzjoni sservi bħala bażi għal riflessjoni u bħala sors ta’ ispirazzjoni għal kull min jinteressa ruħu fil-lingwi u fil-funzjonament multilingwi tal-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar nett, kollokju laqqa’ l-kontributuri għal din il-pubblikazzjoni flimkien mal-membri tat-tmexxija tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra sabiex jirriflettu flimkien dwar is-suġġett “Multilingwiżmu ta’ kwalità f’kuntest ta’ progress teknoloġiku rapidu”.

Aċċessibbiltà u inklużjoni – ta’ interess għal kulħadd

Id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u l-projbizzjoni ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni huma previsti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fit-Trattati, fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, li magħha l-Unjoni Ewropea aderixxiet fl-2010 u li tagħmel parti integrali mid-dritt tal-Unjoni.

L-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni tagħmel parti, bħalma kienet minn dejjem, mill-valuri tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala istituzzjoni. Kien għad fadal ċerti miżuri li kellhom jittieħdu sabiex l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni tal-persuni b’diżabbiltà jsiru verament “ta’ interess għal kulħadd”. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk nediet proġett ambizzjuż bejn id-dipartimenti, sabiex kulħadd jikkontribwixxi iktar għall-ħolqien ta’ ambjent inklużiv.

L-azzjonijiet imwettqa u li għad iridu jitwettqu jaffettwaw firxa wiesgħa ħafna ta’ oqsma: ir-reklutaġġ u l-appoġġ ta’ kollegi b’diżabilità u tal-persuni li jassistuhom, l-aċċessibbiltà għall-faċilitajiet, l-aċċessibbiltà diġitali u għall-informazzjoni, kif ukoll il-komunikazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ.

Fuq kollox, inħoloq qafas ċar fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex joffri lill-persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja u lill-kandidati għall-impjieg b’diżabbiltà l-aġġustamenti li jiffaċilitaw ix-xogħol tagħhom u l-aċċess tagħhom għall-impjieg fi ħdan l-istituzzjoni. Dawn l-aġġustamenti jistgħu jinkludu, fost affarijiet oħra, soluzzjonijiet tekniċi, l-adattament tal-ambjent tax-xogħol, miżuri ta’ akkumpanjament, jew ir-riorganizzazzjoni tal-kompiti u tal-ħinijiet tax-xogħol.

Sussegwentement, ittieħdu diversi miżuri sabiex jiġi ottimizzat l-aċċess fiżiku għall-faċilitajiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm jekk mill-persunal tal-istituzzjoni, mill-avukati u mill-aġenti, mill-interpreti esterni u kemm jekk, b’mod iktar wiesa’, mill-viżitaturi kollha. Saru x-xogħlijiet meħtieġa fid-daħliet tal-bini u ġiet adattata aħjar il-proċedura ta’ evakwazzjoni. L-arranġamenti speċifiċi għas-swali fejn jinżammu s-seduti huma s-suġġett ta’ evalwazzjoni mill-ġdid. Pjan ta’ azzjoni fit-tul għandu l-għan li jiżgura l-konformità mal-istandards il-ġodda dwar l-aċċessibbiltà tal-bini.

L-aċċessibbiltà diġitali u għall-informazzjoni tikkonċerna kemm il-persunal intern kif ukoll l-utenti esterni. Is-sit CVRIA qiegħed jiġi aġġornat, kemm f’termini ta’ struttura u ta’ funzjonalitajiet, kif ukoll f’termini ta’ kontenut, u l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà ġiet integrata, sa mill-istadju tad-disinn, fl-ambjent futur tax-xogħol diġitali tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-aħħar nett, il-Ġabra tal-ġurisprudenza ilha mill-2021 tosserva r-rakkomandazzjonijiet ta’ aċċessibbiltà u tista’ tinqara permezz ta’ teknoloġiji ta’ assistenza.

Fl-aħħar nett, jitwettqu regolarment attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, ta’ informazzjoni u ta’ taħriġ sabiex jitrawmu l-inklużjoni, ir-rispett reċiproku, il-kollaborazzjoni, iżda wkoll l-appoġġ għall-persuni b’diżabilità u għall-persuni li jassistuhom.

Katia Vermeire

assistenta fid-Direttorat tar-Riċerka u d-Dokumentazzjoni

“Sa mit-tnedija tal-proġett tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-aċċessibbiltà u għall-inklużjoni ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ diżabbiltà, jiena applikajt sabiex nikkontribwixxi għal dan il-proġett, peress li d-diżabbiltà għadha ma hijiex meħuda inkunsiderazzjoni biżżejjed fis-soċjetajiet standardizzati tagħna. Dan il-proġett huwa ta’ interess kbir għalija. Peress li ninsab f’sitwazzjoni ta’ diżabbiltà, nixtieq nuża dak li tgħallimt u l-esperjenzi tiegħi b’mod li jgħin lil persuni f’sitwazzjoni simili.

Huwa importanti li tiżdied is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini u tal-kollegi tagħna. Qabel ma kont fis-sitwazzjoni ta’ persuna b’mobbiltà mnaqqsa jiena stess, ma kelli l-ebda idea tad-diffikultà li jaffaċċjaw il-persuni b’diżabbiltà kif ukoll il-persuni li jassistuhom.

Hemm bżonn li nuru solidarjetà. Jekk kulħadd jagħmel sforz, għandna naslu biex noħolqu ambjent ta’ xogħol li mhux biss ikun aċċessibbli iżda wkoll ekwu.”

Intelliġenza artifiċjali: strateġija adottata għall-użu tagħha fil-Qorti tal-Ġustizzja

L-iżviluppi fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali u tat-teknoloġiji emerġenti ilhom jiġu osservati mill-Qorti tal-Ġustizzja għal ħafna snin. Dan isir sabiex jiġu identifikati t-teknoloġiji li jistgħu jsaħħu l-effiċjenza tal-funzjonament tal-Istituzzjoni.

L-Innovation Lab fi ħdan id-Direttorat tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni ilu mill-2019 jassisti lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-trasformazzjoni diġitali tagħha. Flimkien mad-dipartimenti kkonċernati, l-Innovation Lab jidentifika, janalizza u jittestja l-funzjonalitajiet u l-arranġamenti ta’ għodda differenti. L-użu futur ta’ din l-għodda se jsir b’osservanza tal-kunfidenzjalità, tas-sigurtà u tal-protezzjoni tad-data personali. Sa mill-ħolqien tal-Innovation Lab, ġew proposti madwar tletin idea, li madwar għoxrin minnhom ġew ittestjati u li wħud minnhom diġà ġew implimentati jew qegħdin fi stadju ta’ produzzjoni.

Sabiex tkun tista’ tisfrutta bis-sħiħ il-funzjonalitajiet promettenti li joffru t-teknoloġiji emerġenti u sabiex tipprepara għall-integrazzjoni tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat, f’Ġunju 2023, “Strateġija dwar l-integrazzjoni ta’ għodda bbażata fuq l-intelliġenza artifiċjali fil-funzjonament tal-Qorti tal-Unjoni Ewropea”. L-użu ta’ din l-għodda għandu jiżgura mhux biss il-kontroll tad-data, iżda wkoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-etika.

L-ewwel waħda fost l-istituzzjonijiet Ewropej li adottat strateġija bħal din, u ferm qabel l-adozzjoni tal-proposta tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-intelliġenza artifiċjali (AI Act), il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat tliet għanijiet ewlenin:

  • it-titjib tal-effiċjenza u tal-effikaċja tal-proċessi amministrattivi u ġudizzjarji;
  • it-titjib tal-kwalità u tal-konsistenza tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, u
  • it-titjib tal-aċċess għall-ġustizzja u tat-trasparenza fil-konfront taċ-ċittadin Ewropew.

Ġie stabbilit kumitat tal-etika, imsejjaħ “AI Management Board (AIMB)”, bil-missjoni prinċipali li jiddefinixxi linji gwida u li jistabbilixxi l-limiti tal-użu ta’ għodda bbażata fuq l-intelliġenza artifiċjali. Dan il-kumitat għandu jissorvelja li l-akkwist, l-iżvilupp u l-użu ta’ din l-għodda jitwettqu skont il-prinċipji stabbiliti fl-istrateġija. Dawn il-prinċipji jinkludu l-ekwità, l-imparzjalità u n-nondiskriminazzjoni, it-trasparenza, it-traċċabbiltà, il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, ir-rispett tal-ħajja privata u tad-data personali, is-sorveljanza umana kif ukoll it-titjib kontinwu.

F’dan il-kuntest, fl-2023, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat linji gwida dwar l-użu ta’ għodda bbażata fuq it-teknoloġiji tal-intelliġenza artifiċjali.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni ġudizzjarja Ewropea: is-sħubija man-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju

Id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali jinsabu fil-qofol tal-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Eżempju konkret ta’ din il-kooperazzjoni huwa r-relazzjoni b’saħħitha stabbilita mal-European Judicial Training Network (in-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN)) f’dawn l-aħħar 15-il sena. Imwaqqaf fl-2000 biex jappoġġa l-ħolqien taż-żona Ewropea tal-ġustizzja, imħabbra mill-Kunsill Ewropew ta’ Tampere (il-Finlandja), in-Network stabbilixxa ruħu bħala attur ewlieni fit-taħriġ tal-professjonisti tal-ġustizzja, b’mod partikolari l-imħallfin u l-prosekuturi nazzjonali. F’dan is-sens, in-Network jiġbor fi ħdanu l-iskejjel Ewropej tat-taħriġ ġudizzjarju kollha. Sabiex tikkonferma l-impenn tagħha lejn is-sħubija tagħha man-Network, fl-2023 il-Qorti tal-Ġustizzja adottat dikjarazzjoni intitolata “Sostenn tan-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju sabiex titrawwem kultura ġudizzjarja Ewropea dejjiema”.

Sħubija man-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN) għall-ħolqien ta’ kultura ġudizzjarja Ewropea dejjiema

Għal dawn l-aħħar 70 sena, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-‘QĠUE’) impenjat ruħha fi djalogu mal-qrati nazzjonali.

Bħala espressjoni ta’ dan l-impenn, stabbilixxejna sħubija b’saħħitha mal-European Judicial Training Network (in-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju, iktar ’il quddiem l-“EJTN”). Dan tal-aħħar huwa l-pjattaforma ewlenija għall-membri tal-ġudikatura Ewropea sabiex jiskambjaw għarfien f’firxa wiesgħa ta’ oqsma, b’mod partikolari fejn jidħol id-dritt tal-Unjoni. L-EJTN ilu jorganizza attivitajiet ta’ taħriġ transkonfinali għall-professjonisti tal-ġustizzja nazzjonali għal iktar minn żewġ deċennji, u b’hekk jikkontribwixxi għat-titjib tal-għarfien tad-dritt tal-Unjoni.

Seminars annwali, żjarat ta’ studju, forums u skambju ta’ materjal ta’ taħriġ huma parti mill-kooperazzjoni stabbilita sew bejn l-EJTN u l-QĠUE. Mill-2007 lil hawn, l-EJTN u l-QĠUE organizzaw ukoll taħriġ fit-tul għall-imħallfin u għall-prosekuturi nazzjonali, li huma mistiedna jipparteċipaw fil-ħidma ġudizzjarja tal-uffiċċji tal-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali għal 6 xhur jew għal 12-il xahar. Din l-opportunità tagħtihom ħarsa ġenerali unika tal-metodi ta’ ħidma tal-QĠUE u tgħinhom jespandu b’mod sinjifikattiv l-għarfien tagħhom dwar d-dritt u l-proċeduri tal-Unjoni.

Din is-sħubija ta’ suċċess u dejjiema twassal għal benefiċċji fuq mill-inqas tliet livelli differenti. Fil-livell nazzjonali, hija tgħin lill-professjonisti tal-ġustizzja jwettqu l-funzjonijiet nazzjonali tagħhom meta jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, b’komprensjoni ferm aħjar tar-rwol tagħhom fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fi ħdan il-QĠUE, il-preżenza ta’ mħallfin u ta’ prosekuturi nazzjonali ssaħħaħ id-diversità tal-kulturi ġuridiċi, li dejjem kienet ta’ importanza fundamentali għall-istituzzjoni. F’kuntest usa’, din it-tip ta’ kooperazzjoni tikkontribwixxi għall-promozzjoni tad-djalogu bejn l-imħallfin Ewropej u dawk nazzjonali, u b’hekk tiżgura l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni madwar l-Ewropa.

Sabiex tkompli ssaħħaħ din il-kooperazzjoni, il-QĠUE ser tkompli tistrieħ fuq l-appoġġ qawwi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fil-qafas tar-Regolament (UE) 2021/693 li jistabbilixxi l-Programm dwar il-Ġustizzja. Hija ser tistrieħ ukoll fuq l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, li hija responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Programm dwar il-Ġustizzja permezz tal-Programm ta’ Ħidma tagħha u li rrikonoxxiet ir-“rwol uniku” tal-EJTN fit-taħriġ ġudizzjarju fl-Unjoni Ewropea fl-Istrateġija Ewropea għat-taħriġ ġudizzjarju għall-perijodu 2021–2024 (Komunikazzjoni COM (2020) 713).

Barra minn hekk, il-QĠUE tagħti importanza kbira lill-bilanċ ġeografiku fl-organizzazzjoni tat-taħriġ fit-tul għall-imħallfin u għall-prosekuturi nazzjonali u lir-rappreżentanza tal-kulturi legali nazzjonali kollha f’dan il-kuntest. Għalhekk, hija tfittex li tappoġġa inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni fl-Istati Membri kollha u li ssaħħaħ il-komunikazzjoni tagħha dwar it-taħriġ fit-tul fi ħdan il-QĠUE. Dawn l-isforzi, flimkien ma’ dawk tal-Istati Membri u tal-EJTN, għandhom jgħinu sabiex jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji Ewropej u dawk nazzjonali, filwaqt li jenfasizzaw il-benefiċċji ta’ din il-kooperazzjoni għalihom kollha.

Iż-żamma ta’ relazzjoni mill-qrib mal-imħallfin nazzjonali kienet waħda mill-karatteristiċi ewlenin tal-QĠUE sa mill-ħolqien tagħha u l-kooperazzjoni tagħha mal-EJTN tikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għal din il-missjoni importanti. It-tisħiħ ta’ din is-sħubija huwa essenzjali għaliex l-impatt tagħha jmur ferm lil hinn minn konoxxenza aħjar tad-dritt tal-Unjoni: din is-sħubija tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ kultura ġudizzjarja Ewropea ġenwina u għal sens ta’ appartenenza fost l-imħallfin Ewropej, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali.

F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja u n-Network għażlu li jibdew azzjonijiet ġodda intiżi li jiżviluppaw iktar fil-fond il-kooperazzjoni tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ żieda fin-numru ta’ membri tal-ġudikatura nazzjonali li jistgħu jwettqu perijodu ta’ taħriġ fit-tul fil-Qorti tal-Ġustizzja. Għal dan l-għan, huma previsti żewġ settijiet ta’ miżuri. L-ewwel sett ta’ miżuri għandu l-għan li jitkabbar l-għarfien tal-professjonisti tal-ġustizzja tal-Istati Membri dwar il-possibbiltajiet ta’ perijodi ta’ taħriġ fit-tul fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jitħajru iktar kandidati. It-tieni sett ta’ miżuri huwa intiż li l-ostakoli lingwistiċi għat-twettiq ta’ dawn il-perijodi ta’ taħriġ permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ENTJ tal-għarfien tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-materjal edukattiv żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tat-taħriġ lingwistiku.

Ingrid Derveaux

Is-Segretarja Ġenerali tal-ENTJ

“L-ENTJ huwa ddeterminat li jiffavorixxi l-eżistenza ta’ djalogu essenzjali bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li huma wkoll il-qrati ‘tad-dritt komuni tal-Unjoni’. Aħna kuntenti ferm li l-Qorti tal-Ġustizzja tappoġġa dan l-isforz bit-tnedija ta’ diversi azzjonijiet intiżi li jkomplu jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-membri tal-ġudikatura tal-Istati Membri tal-Unjoni fil-programm ta’ taħriġ fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja. Nesprimu x-xewqa li l-2024 tkun ukoll sena favorevoli għat-tisħiħ ta’ kooperazzjoni essenzjali u produttiva!”

Diana-Daniela Popel

Membru tal-ġudikatura fuq perijodu ta’ taħriġ fl-uffiċċju tal-Imħallef Ineta Ziemele

“Il-perijodu ta’ taħriġ mal-Qorti tal-Ġustizzja kien opportunità mill-aqwa biex niffamiljarizza ruħi mal-funzjonament tal-istituzzjoni, napprofondixxi l-konoxxenzi tiegħi tad-dritt tal-Unjoni, bil-possibbiltà li ninvolvi ruħi fix-xogħol ta’ kuljum tal-Qorti tal-Ġustizzja, u niltaqa’ wkoll ma’ professjonisti straordinarji tal-liġi. Fid-dawl b’mod partikolari tar-rwol partikolari tal-qrati nazzjonali fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, nista’ biss nirrakkomanda bil-qawwa dan il-perijodu ta’ taħriġ lil kull imħallef li jaħdem fil-qrati interni tal-Istati Membri u li jixtieq li jkollu esperjenza estremament arrikkita kemm fuq livell professjonali kif ukoll fuq livell personali. Nirringrazzja minn qalbi lill-membri kollha tal-uffiċċju għall-akkoljenza eċċellenti u għad-disponibbiltà tagħhom, mingħajr ma ninsa t-tim tal-ENTJ! ”

C | Ir-relazzjonijiet mal-pubbliku

 
16 819
-il viżitatur
 
4 555
professjonist tad-dritt
 
viżitaturi f’format virtwali:
8 %
 
2 095
viżitatur matul il-Jum “Bibien Miftuħa”

Żjarat mill-bogħod – proġett edukattiv

Dan il-programm edukattiv tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa intiż li jesponi lill-istudenti ta’ bejn 15 u 18-il sena għall-missjoni tal-istituzzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni u li jispjegalhom l-impatt tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej. Il-programm huma maħsub li jrawwem għarfien fost l-istudenti żgħażagħ, u l-għalliema tagħhom, dwar il-valuri demokratiċi u dwar l-isfidi legali attwali. Fl-2023, madwar 900 student kellhom l-opportunità li jżuru l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dan il-programm.

 
2 814
-il stqarrija għall-istampa
 
625
ittra b’informazzjoni
 
547
pubblikazzjoni ta’ informazzjoni “info-rapide”
 
14 000
talba għal informazzjoni
min-naħa ta’ ċittadini (telefonati u ittri elettroniċi)

L-uffiċjali tal-istampa fid-Direttorat tal-Komunikazzjoni, li għandhom taħriġ bħala ġuristi, għandhom ir-rwol li jispjegaw is-sentenzi, id-digrieti u l-konklużjonijiet, iżda wkoll il-kawżi pendenti lill-ġurnalisti mill-Istati Membri kollha u lid-diversi korrispondenti tagħhom. Huma jħejju stqarrijiet għall-istampa biex jinformaw lill-ġurnalisti u lill-prattikanti f’ħin reali dwar id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali. Huma jxandru, lill-persuni li jkunu għamlu talba f’dan is-sens lid-Dipartiment tal-Istampa tal-Qorti tal-Ġustizzja, ittri ta’ informazzjoni regolari li jħabbru l-avvenimenti proċedurali u istituzzjonali importanti, bħalma huma l-“info-rapides” dwar kawżi li ma jkunux koperti minn stqarrijiet għall-istampa. Barra minn hemm huma jwieġbu għall-ittri elettroniċi u għat-telefonati taċ-ċittadini.

159 000
segwaċi fuq X
+9% meta mqabbla mal-2022
 
234 810
abbonati LinkedIn
+32% meta mqabbla mal-2022
 
3 600
abbonat fuq Mastodon
 
21 000
abbonat u
 
253 000
videos segwiti fuq YouTube

Il-Qorti tal-Ġustizzja żżomm preżenza attiva fuq in-networks soċjali permezz taż-żewġ kontijiet tagħha fuq X (wieħed bil-Franċiż u l-ieħor bl-Ingliż), kif ukoll permezz tal-kont LinkedIn u tal-kont Mastodon tagħha. In-numru dejjem jikber ta’ abbonati fuq dawn in-networks huwa xhieda tal-interess kontinwu min-naħa tal-pubbliku lejn l-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din tal-aħħar għandha wkoll profil fuq YouTube fejn toffri aċċess, fl-24 lingwa uffiċjali, għal kontenut awdjoviżiv varju, b’mod partikolari animazzjonijiet intiżi għall-pubbliku ġenerali li jispjegaw kif il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja taffettwa l-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini.

go to top