Wara l-bidliet li għaddiet minnhom l-istituzzjoni fl-2020, is-sena 2021 hija mistennija li tkun sena li fiha jitkomplew il-proġetti pendenti li jintegraw fihom l-innovazzjonijiet li jirriżultaw mill-esperjenza tax-xogħol mid-dar fil-kuntest ta’ ritorn progressiv lejn modalitajiet ta’ xogħol bi preżenza fiżika ikbar.

 

Fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni, tas-semplifikazzjoni u tar-razzjonalizzazzjoni tal-flussi ta’ dokumenti u ta’ deċiżjonijiet, proġett ta’ sistema integrata ta’ ġestjoni tal-kawżi, li l-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku fir-rigward tiegħu ntemmet fl-2020, ser ikun is-suġġett ta’ żviluppi sinjifikattivi bil-għan li jiġi implimentat b’mod li jippermetti titjib ta’ effettività kunsiderevoli kemm għall-qrati kif ukoll għad-dipartimenti involuti fit-trattament tal-kawżi.

L-elementi pożittivi misluta mill-esperjenza ta’ xogħol mid-dar b’mod iġġeneralizzat, ikkonstatati b’mod partikolari fil-kuntest ta’ stħarriġ imwettaq mill-persunal u mill-kapijiet ta’ dipartiment, ser ikunu s-suġġett ta’ riflessjoni globali relattivi għall-modalitajiet konkreti dwar l-eżerċizzju parzjali tal-kompiti mid-dar. Dawn il-bidliet għandhom jintegraw kunsiderazzjonijiet marbuta mal-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja privata, mal-inkoraġġiment tal-awtonomija tal-kollaboraturi bil-għan li jittejbu kemm il-benesseri tal-persunal kif ukoll il-kwalità tal-prestazzjonijiet mogħtija, kif ukoll mal-mezzi sabiex f’dan il-kuntest jiġu żgurati l-koerenza tal-membri tal-persunal u l-iżvilupp tar-relazzjoni tagħhom mal-Istituzzjoni.

 

It-teknoloġiji dwar il-preżenza virtwali, użati b’mod intensiv fl-2020, ser iservu ta’ bażi għal proġett ta’ diversifikazzjoni tal-offerta ta’ akkoljenza għal viżitaturi. Dan il-proġett huwa intiż li joffri lill-viżitaturi esterni li għalihom il-vjaġġ lejn il-Lussemburgu jikkostitwixxi ostakolu għall-iskoperta tal-Qorti tal-Ġustizzja (b’mod partikolari minħabba d-distanza ġeografika, li għandha impatt f’termini ta’ ħin u ta’ spejjeż, inklużi ekoloġiċi) il-possibbiltà li jżuru virtwalment il- bini tal-istituzzjoni sabiex jipparteċipaw fi żjara mill-bogħod. Il-programm propost ser jinkludi sekwenzi ta’ videos, żjara bi gwida madwar il-bini kif ukoll laqgħat interattivi mal-membri tal-persunal tal-istituzzjoni. Permezz ta’ dan il-programm ta’ żjara mill-bogħod, l-istituzzjoni tixtieq toffri lill-ikbar numru possibbli ta’ persuni l-mezzi sabiex isiru jafu bir-rwol tagħha fi ħdan is-sistema istituzzjonali Ewropea u bil-kontribut tagħha lill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, fit-tfittxija ta’ għan demokratiku. Inizjalment, fl-2021 ser titniehed fażi ta’ prova b’numru limitat ta’ gruppi b’pubbliku ta’ età żgħira (15 sa 18-il sena), qabel ma l-offerta tiġi estiża u adattata għal tipi oħra ta’ pubbliku.