A | Ħarsa lura lejn is-sentenzi prinċipali tas-sena

Unj oni bbażata fuq il-valur tal-persuna umana u fuq l-Istat tad-dritt



Għalfejn teżisti l-Qorti tal-Ġustizzja tal- Unjoni Ewropea?
Ara l-video fuq YouTube


Matul is-sena 2020 fakkarna l-20 anniversarju mill-proklamazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il- Karta) li, bħat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tagħmel riferiment espliċitu għall-Istat tad-dritt, wieħed mill-valuri komuni għall- Istati Membri tal-Unjoni li fuqhom hija bbażata din tal-aħħar.

Il-Karta tistabbilixxi, fost oħrajn, id-dinjità, il-libertà u l-ugwaljanza quddiem il-liġi tal-individwi kollha bħala persuni umani, ħaddiema, ċittadini jew partijiet fi proċedura ġudizzjarja. L-54 artikolu tal- Karta jirriflettu l-iżvilupp minn Ewropa ta’ Komunitajiet iffokati fuq interessi ekonomiċi għal Ewropa tal-Unjoni bbażata fuq il- valur tal-persuna umana.

Fl-2020, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni, f’diversi okkażjonijiet, tal-Karta u tal-prinċipju ta’ Stat tad-dritt, filwaqt li ħadet rwol determinanti fil-protezzjoni tal-libertajiet fundamentali, fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet u fl- implimentazzjoni ta’ ġustizzja ekwa.

  • F’kawża għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti Taljana, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-Direttiva dwar l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol. Din id-direttiva timplimenta, f’dan il-qasam, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-Karta. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dikjarazzjonijiet omofobiċi jikkostitwixxu diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol meta dawn isiru minn persuna li tista’ tiġi pperċepita bħala li għandha influwenza determinanti fuq il-politika ta’ reklutaġġ ta’ persuna li timpjega. Id-dritt nazzjonali jista’ jipprevedi li assoċjazzjoni tista’ tiftaħ kawża għad-danni, u dan anki jekk ma tkun tista’ tiġi identifikata ebda persuna li tkun ġarrbet dannu.Sentenza Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI tat-23 ta’ April 2020, C-507/18

  • Leġiżlazzjoni tar-Reġjun ta’ Vlaanderen (il-Belġju) kellha l-effett li tagħmel obbligatorju, f’dan ir-reġjun, l-isturdament minn qabel tal-annimali meta jiġu biex jinqatlu. Dan kien jaffettwa l-qtil ritwali u għalhekk assoċjazzjonijiet Lhud u Musulmani pprovaw jiksbu l-annullament ta’ din il-leġiżlazzjoni. Fuq domanda preliminari magħmula minn qorti Belġjana, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li ma tipprekludix sturdament reversibbli li ma jkunx jista’ jirriżulta fil-mewt tal-annimal, u li ma tostakolax it-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali li nqatlu b’mod ritwali barra mir-Reġjun ta’ Vlaanderen, tiżgura bilanċ ġust bejn il-libertà tar-reliġjon, iggarantita mill-Karta, u l-benesseri tal-annimali, irrikonoxxut fit-Trattat FUE (ara t-taqsima «Il-protezzjoni tal-konsumaturi»).Sentenza Centraal Israëlitisch Consistorie van België et tas-17 ta’ Diċembru 2020, C-336/19

  • Fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-restrizzjonijiet imposti mill-Ungerija fuq il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet ċivili minn persuni stabbiliti barra minn dan l-Istat Membru ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, dawn ir-restrizzjonijiet imorru kontra l-obbligi li għandhom l-Istati Membri mhux biss fir-rigward tal-libertà ta’ moviment tal-kapital stabbilita fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea iżda wkoll fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Karta dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni, kif ukoll kontra d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u għall-protezzjoni tad-data personali (ara t-taqsima «Il-protezzjoni tad-data personali»).Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) tat-18 ta’ Ġunju 2020, C-78/18

  • F’rikors ieħor għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jikkonċerna lill-Ungerija, il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat, fid-dawl tal-Karta, il-liġi nazzjonali dwar l-edukazzjoni ogħla. Din il-liġi kienet tissuġġetta l-eżerċizzju, fl-Ungerija, ta’ attività ta’ taħriġ li twassal għal diploma mill-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla li jinsabu barra miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) għall-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali li torbot lill-Ungerija mal-Istat terz li fih għandu s-sede tiegħu l-istabbiliment ikkonċernat u għat-twettiq, minn dan l-istabbiliment, ta’ attivitajiet ta’ edukazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li tali kundizzjonijiet imorru kontra l-libertà akkademika, il-libertà li jinħolqu stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla u l-libertà ta’ intrapriża.Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Edukazzjoni ogħla) tas-6 ta’ Ottubru 2020, C-66/18

  • Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tikkonċerna l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn ċittadini nazzjonali u ċittadini taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-Karta tapplika meta Stat Membru (f’dan il-każ il-Kroazja) ikollu jagħti deċiżjoni dwar talba għal estradizzjoni mressqa minn Stat terz (f’dan il-każ ir-Russja) fir-rigward ta’ ċittadin ta’ Stat terz ieħor li huwa Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles u Parti fil-Ftehim dwar iż-ŻEE (l-Islanda). Għaldaqstant, l-Istat Membru li jkun irċieva t-talba għal estradizzjoni għandu jivverifika li ċ-ċittadin ikkonċernat ma huwiex ser ikun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti fl-Istat terz li jkun ressaq it-talba għal estradizzjoni.Sentenza Ruska Federacija tat-2 ta’ April 2020, C-897/19 PPU

  • Fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri b’urġenza għal deċiżjoni preliminari li jikkonċernaw in-nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza tal-poter ġudizzjarju fil-Polonja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn awtorità ġudizzjarja Pollakka tista’ tiġi rrifjutata biss jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata, tan-natura tar-reat inkwistjoni u tal-kuntest fattwali tal-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest, ikun hemm raġunijiet serji u vverifikati sabiex wieħed jemmen li din il-persuna, ladarba kkonsenjata lill-awtoritajiet Pollakki, tkun ser tiġi esposta għal riskju reali ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq tagħha, li huwa ggarantit mill-Karta. Sentenza Openbaar Ministerie et tas-17 ta’ Diċembru 2020, C-354/20 PPU u C-412/20 PPU

  • Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat inammissibbli żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar il-leġiżlazzjoni Pollakka tal-2017 dwar il-proċeduri dixxiplinari fir-rigward tal- imħallfin. Hija madankollu enfasizzat li l-fatt li l-imħallfin nazzjonali kienu għamlu domandi preliminari li jirriżultaw li huma inammissibbli ma jiġġustifikax li jinfetħu proċeduri dixxiplinari fil-konfront tagħhom. Hija fakkret li ma jistax jiġi aċċettat li dispożizzjonijiet nazzjonali jesponu lill-imħallfin nazzjonali għal proċeduri dixxiplinari minħabba l-fatt li jkunu għamlu rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, l-assenza ta’ riskju li jkunu esposti għal proċeduri jew għal sanzjonijiet dixxiplinari għal din ir-raġuni tikkostitwixxi garanzija inerenti għall-indipendenza tal-poter ġudizzjarju. Sentenza Miasto Łowicz u Prokurator Generalny tas-26 ta’ Marzu 2020, C-558/18 u C-563/18

Politika ta’ ażil

L-intensifikazzjoni tal-flussi migratorji u l-kumplessità tal-ġestjoni tal-akkoljenza ta’ migranti wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni ta’ ċerti Stati Membri li jirregolaw il-proċeduri ta’ ażil mad-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni previsti fid-dritt tal-Unjoni. Il-Karta, id-Direttiva dwar il-proċeduri, id-Direttiva dwar l-akkoljenza, id-Direttiva dwar ir-ritorn kif ukoll ir-Regolament Dublin III jimponu ċertu numru ta’ obbligi fuq l-Istati Membri bħal, pereżempju, il-garanzija ta’ aċċess effettiv għall-proċedura ta’ ażil.

Matul is-sena 2020, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tipprovdi risposti konkreti għad-definizzjoni tal- kundizzjonijiet li fihom tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni applikabbli, filwaqt li tikkonċilja d-dritt tal-ażil u l-protezzjoni tal-ordni pubbliku u l-interessi leġittimi tal-Istati Membri.

  • Fuq domanda magħmula minn qorti Ungeriża fil-kuntest ta’ proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tqegħid fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke, fuq il-fruntiera bejn is-Serbja u l-Ungerija, tal-applikanti għal ażil jew ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn kellha tiġi kklassifikata bħala detenzjoni. Jekk, fi tmiem l-istħarriġ ġudizzjarju tar-regolarità ta’ tali detenzjoni, jiġi stabbilit li l-persuni nżammu taħt detenzjoni mingħajr raġuni valida, il-qorti adita għandha tillibera lil dawn il-persuni b’effett immedjat jew eventwalment tadotta miżura alternattiva għad-detenzjoni.Sentenza FMS et tal-14 ta’ Mejju 2020, C-924/19 PPU u C-925/19 PPU

  • Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-proċeduri dwar l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u fil-qasam tar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu irregolarment. B’mod partikolari, il-limitazzjoni tal-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, id-detenzjoni irregolari tal-applikanti għal din il-protezzjoni f’żoni ta’ tranżitu kif ukoll it-trasferiment lejn żona mal-fruntiera ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu irregolarment, mingħajr ma jiġu osservati l-garanziji marbuta ma’ proċedura ta’ ritorn, jikkostitwixxu ksur tad-dritt tal-Unjoni. Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija tas-17 ta’ Diċembru 2020, C-808/18

  • Fil-kuntest ta’ tliet rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentati mill-Kummissjoni kontra l-Polonja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi rrifjutaw li jikkonformaw mal-mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, dawn it-tliet Stati Membri naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Dawn l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw iż- żamma tal-ordni pubbliku, is-salvagwardja tas-sigurtà interna, u l-allegat funzjonament ħażin tal-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni sabiex jevitaw, b’mod ġenerali, l-implimentazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu. Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, L-Ungerija u Ir-Repubblika Ċeka tat-2 ta’ April 2020, C-715/17, C-718/17 u C-719/17

Protezzjoni tad-data personali



Il-Qorti tal-Ġustizzja fid-dinja diġitali
Ara l-video fuq YouTube

L-Unjoni Ewropea għandha leġiżlazzjoni li tikkostitwixxi bażi solida u konsistenti għall-protezzjoni tad-data personali, irrispettivament mill-mod u mill-kuntest tal-ġbir tagħha (xiri fuq l-internet, self bankarju, tfittxijiet għal impjieg, applikazzjonijiet għal informazzjoni minn awtoritajiet pubbliċi). Dawn ir-regoli japplikaw għall-persuni jew entitajiet pubbliċi u privati stabbiliti fl-Unjoni jew barra mill-Unjoni, inkluż għal impriżi li joffru prodotti jew servizzi, bħalma huma Facebook jew Amazon, meta dawn jitolbu jew jużaw mill-ġdid id-data personali ta’ ċittadini tal-Unjoni.

Fl-2020, il-Qorti tal-Ġustizzja tat diversi deċiżjonijiet dwar ir- responsabbiltajiet li joħorġu mill-ġbir u mill-ipproċessar ta’ din id-data b’mod partikolari mill-awtoritajiet nazzjonali, inkluż mis-servizzi tal-intelligence.

  • Il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-adegwatezza tal- mekkaniżmu ta’ protezzjoni tad-data personali ttrasferita lejn l-Istati Uniti mill- Unjoni («il-Ħarsien ta’ Privatezza»). Din id-deċiżjoni kienet reazzjoni għas-sentenza Schrems tal-2015 (C-362/14) li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet tikkonstata li l-Istati Uniti kienu jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data inkwistjoni («Safe Harbour»). Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, ikkritikat lill-Kummissjoni li, fid-deċiżjoni l-ġdida, ma llimitatx l-aċċess għal din id-data u l-użu tagħha min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi Amerikani, inkluż mis-servizzi tal-intelligence tal-Istati Uniti, għal dak li jkun strettament neċessarju. Sentenza Schrems u Facebook Ireland tas-16 ta’ Lulju 2020, C-311/18

  • Fir-rigward tal-ipproċessar tad-data, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li d-dritt tal- Unjoni jipprekludi, bħala prinċipju, leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jobbligaw lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati kriminali jew il-kriminalità, jittrażmettu lill-awtoritajiet pubbliċi jew iżommu d-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni tal-utenti, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni. Hija madankollu ppreċiżat li jista’ jkun hemm eċċezzjonijiet sabiex jiġi indirizzat theddid serju għas-sigurtà nazzjonali, sabiex jiġu miġġielda l-avvenimenti kriminali serji jew sabiex jiġi evitat theddid serju għas-sigurtà pubblika. Sentenzi Privacy International u La Quadrature du Net et tas-6 ta’ Ottubru 2020, C-623/17, C-511/18, C-512/18 u C-520/18


  • Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni minħabba li imponiet restrizzjonijiet fuq il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet ċivili minn persuni stabbiliti barra mit- territorju tagħha. Fil-fatt, liġi Ungeriża timponi, taħt piena ta’ sanzjonijiet, obbligi ta’ reġistrazzjoni, ta’ dikjarazzjoni u ta’ pubbliċità fuq organizzazzjonijiet ċivili li jibbenefikaw minn għajnuna barranija li taqbeż ċertu livell minimu. Il-Qorti tal- Ġustizzja qieset li dawn ir-restrizzjonijiet huma diskriminatorji u jmorru kontra mhux biss il-libertajiet ta’ moviment ta’ kapital u ta’ assoċjazzjoni iżda jmorru wkoll kontra l-prinċipji ta’ rispett tal-ħajja privata (ara t-taqsima «Unjoni bbażata fuq il-valur tal-persuna umana u fuq l-Istat tad-dritt») u ta’ protezzjoni tad-data personali. Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) tat-18 ta’ Ġunju 2020, C-78/18

Protezzjoni tal-konsumaturi

Il-protezzjoni tal-konsumaturi hija waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlenin tal-Unjoni. L-Unjoni taħdem sabiex tippromwovi s-saħħa u s-sigurtà tagħhom, sabiex tiggarantixxi l-applikazzjoni tar-regoli li jipproteġuhom u sabiex ittejjeb l-għarfien tad-drittijiet tagħhom, irrispettivament mill-post fejn jgħixu, fejn jivvjaġġaw jew fejn iwettqu l-akkwisti tagħhom fit-territorju tal-Unjoni.

Fl-2020, il-Qorti tal-Ġustizzja tat diversi deċiżjonijiet dwar il-portata tad-drittijiet tal-konsumaturi.

 Il-Qorti tal-Ġustizzja – Garanzija tad-drittijiet tal- konsumaturi UE
Ara l-video fuq YouTube

  • Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat, għall-ewwel darba, ir-Regolament tal-Unjoni li jistabbilixxi n-»newtralità tal-internet» f’żewġ kawżi Ungeriżi dwar prattiki kummerċjali li jikkonsistu fl-għoti ta’ tariffi preferenzjali (imsejħa «tariffi żero») għall-użu ta’ ċerti applikazzjonijiet «privileġġati» u, fl-istess ħin, fl-impożizzjoni fuq l-użu ta’ applikazzjonijiet oħra ta’ miżuri ta’ bblokkar jew ta’ tnaqqis fil-veloċità. Il-Qorti tal- Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-utenti tal-internet u ta’ trattament mhux diskriminatorju tat-traffiku jipprekludu tali prattiki. Sentenza Telenor Magyarország Zrt tal-15 ta’ Settembru 2020, C-807/18 u C-39/19

  • F’kawżi dwar proprjetà immobbli mgħammra għall-abitazzjoni u proposta għall-kiri fis-sit internet Airbnb, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għal awtorizzazzjoni l-kiri b’mod ripetut ta’ proprjetà intiża għall-abitazzjoni, għal perijodi qosra, lil klijenti preżenti għal perijodu temporanju li ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom f’din il-proprjetà hija konformi mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ abitazzjonijiet maħsuba għall-kiri għal perijodi twal tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika tali leġiżlazzjoni. Sentenza Cali Apartments tat-22 ta’ Settembru 2020, C-724/18 u C-727/18.

  • Fil-qasam tal-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fil-kuntratti ta’ self ipotekarju, il-klawżola li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ rata ta’ interessi varjabbli bbażata fuq l-indiċi ta’ referenza tal-banek tat-tfaddil nazzjonali tikkostitwixxi klawżola inġusta meta ma tkunx ċara u li tinftiehem. Jekk dan ikun il-każ, il-qrati nazzjonali jistgħu jissostitwixxuha bi klawżola bbażata fuq kriterji oħra stabbiliti fil-liġi bil-għan li jiġu evitati konsegwenzi partikolarment sfavorevoli għall-konsumaturi, bħalma hija d-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ self. Sentenza Gómez del Moral Guasch tat-3 ta’ Marzu 2020, C-125/18

  • Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, għalkemm leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni għat-tressiq mill-konsumatur ta’ kawża għal ħlas lura, dan it-terminu ma għandux ikun inqas favorevoli minn dak previst fir-rigward ta’ kawżi simili u lanqas ma għandu jagħmel impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju mill- konsumatur tad-drittijiet tiegħu. Sentenza Raiffeisen Bank tad-9 ta’ Lulju 2020, C-698/18 u C-699/18.

  • Fil-qasam tal-ittikkettjar ta’ prodott kożmetiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-indikazzjoni tal-»funzjoni», li għandna tidher fuq il-kontenitur tiegħu u fuq l-imballaġġ tiegħu, għandha tinforma b’mod ċar lill-konsumatur dwar l-użu u l-metodu ta’ użu ta’ dan il-prodott. Fil-fatt, l-indikazzjonijiet dwar il-prekawzjonijiet partikolari fl-użu ta’ dan il-prodott, dwar il- funzjoni tiegħu u dwar l-ingredjenti tiegħu ma jistgħux jidhru f’katalgu tal-impriża li għall-qari tiegħu jsir riferiment permezz tas-simbolu ta’ id bi ktieb miftuħ li jkun jidher fuq il-kontenitur jew fuq l-imballaġġ. Sentenza A.M. vs E.M. tas-17 ta’ Diċembru 2020, C-667/19

  • Fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ambjent, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li manifattur ta’ vetturi bil-mutur ma jistax jinstalla, fuq il-vetturi tiegħu, software li kapaċi jimmanipula r-riżultati tat-testijiet ta’ approvazzjoni tat-tip fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet inkwinanti. Il-konsumaturi li jkunu ġarrbu dannu minħabba x-xiri ta’ vetturi mmanipulati b’mod illegali jistgħu jressqu kawża kontra l-manifattur tal-vetturi bil-mutur quddiem il-qrati tal-Istati Membri fejn dawn il-vetturi kienu ġew mibjugħa lilhom. Fil-fatt, id-dannu tax-xerrej jimmaterjalizza fl-Istat Membru fejn jakkwista l-vettura bi prezz ogħla mill-valur reali tagħha. Sentenza CLCV et tas-17 ta’ Diċembru 2020, C-693/18 / Sentenza Verein für Konsumenteninformation tad-9 ta’ Lulju 2020, C-343/19

  • Protezzjoni aħjar tal-konsumaturi u tal-ambjent toħroġ ukoll mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali li ċaħdet it-talba ta’ PlasticsEurope, assoċjazzjoni internazzjonali li tirrappreżenta u tiddefendi l-interessi tal-impriżi li jimmanifatturaw u jimportaw prodotti ta’ materja tal-plastik, u li kkonfermat id-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi li tissuġġetta l-bisfenol A għal awtorizzazzjoni bħala sustanza li għandha karatteristiċi li jfixklu s-sistema endokrinali u li jista’ jkollhom effetti serji fuq l-ambjent. Sentenza PlasticsEurope tas-16 ta’ Diċembru 2020, T-207/18

  • Żewġ sentenzi mogħtija fl-2020 jikkonċernaw il-konsum tal-laħam. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’waħda minn dawn is-sentenzi, li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-isturdament qabel il-qtil tal-annimali (ara t-taqsima «Unjoni bbażata fuq il-valur tal-persuna umana u fuq l-Istat tad-dritt»). Fis-sentenza l-oħra, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ tnejn mill-ikbar produtturi u distributuri mondjali tal-laħam li kienu qegħdin jippruvaw jiksbu l-annullament ta’ regolament li kien ipprojbixxihom, għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, milli jesportaw, lejn l-Unjoni, ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali. F’dan il-każ, fil-fatt, l-awtoritajiet Brażiljani ma kinux joffru, fir-rigward ta’ ċerti stabbilimenti nazzjonali, il-garanziji meħtieġa fl-Unjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika. Sentenza Centraal Israëlitisch Consistorie van België tas-17 ta’ Diċembru, C-336/19 / Sentenza BRF u SHB Comercio e Industria de Alimentos tat-8 ta’ Lulju 2020, T-429/18

Trasport bl-ajru

Matul is-sena li għaddiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha fil-qasam tat-trasport bl- ajru. Suġġett li jqum regolarment huwa dak tal-kumpens tal-passiġġieri f’ċertu numru ta’ sitwazzjonijiet. B’hekk, id- drittijiet tal-konsumaturi f’dan il-qasam jissaħħu permezz tal- kjarifikazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.


X’għamlet għalija l-Qorti tal- Ġustizzja?
Ara l-video fuq YouTube

  • Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fil-każ tal-kanċellazzjoni ta’ titjira jew ta’ dewmien twil, passiġġier tal-ajru jista’ jeżiġi l-ħlas tal-kumpens previst fid-dritt tal-Unjoni fil- munita nazzjonali tal-post tar-residenza tiegħu. Hija qieset li d-dritt tal-Unjoni jipprojbixxi li t-talba mressqa għal dan il-għan minn tali passiġġier tiġi miċħuda għas-sempliċi raġuni li saret f’din il-munita nazzjonali. Fil-fatt, ir-rifjut ta’ tali ħlas ikun inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni wiesgħa tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru kif ukoll mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-passiġġieri li ġarrbu dannu. Sentenza Delfly tat-3 ta’ Settembru 2020, C-356/19

  • Qamet tilwima bejn il-kumpannija tal-ajru TAP u passiġġier dwar il-kumpens ta’ dan tal-aħħar minħabba li titjira minn Fortaleza (il-Brażil) sa Oslo (in-Norveġja), b’konnessjoni f’Lisbona (il-Portugall), kienet waslet b’dewmien ta’ kważi 24 siegħa. Dan id-dewmien kien dovut għall-fatt li, matul titjira preċedenti, l-ajruplan użat għat- titjira bejn Lisbona u Oslo kellu jinżel f’ajruport differenti sabiex jitneħħa passiġġier li kien agredixxa fiżikament passiġġieri oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-aġir problematiku ta’ passiġġier tal-ajru jista’ jeħles lit-trasportatur mill-obbligu tiegħu li jħallas kumpens minħabba l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil tat-titjira kkonċernata jew ta’ titjira segwenti operata minnu stess permezz tal-istess ajruplan. Sentenza Transportes Aéreos Portugueses tal-11 ta’ Ġunju 2020, C-74/19

  • Passiġġier Kazaki ma kienx tħalla jitla’, f’Larnaca (Ċipru), fuq titjira tal-kumpannija tal-ajru Rumena Blue Air lejn Bukarest (ir-Rumanija), għar-raġuni li d-dokumenti tal-ivvjaġġar ippreżentati kienu tqiesu li ma kinux adegwati. Fuq domanda minn qorti Ċiprijotta, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma huwiex il-kompitu tat-trasportatur tal-ajru li jistabbilixxi huwa stess, b’mod definittiv, in-natura inadegwata ta’ tali dokumenti u li, fil-każ ta’ kontestazzjoni mill- passiġġier, huwa għalhekk il-kompitu ta’ qorti nazzjonali li tevalwa jekk il-fatt li ma tħalliex jitla’ fuq it-titjira huwiex ta’ natura raġonevolment iġġustifikat. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-passiġġier ikollu dritt għall-kumpens u għall-assistenza previsti fid-dritt tal-Unjoni. Sentenza Blue Air tat-30 ta’ April 2020, C-584/18

  • L-awtorità tal-kompetizzjoni Taljana kienet akkużat lil Ryanair li, fis-sit internet tagħha, kienet ippubblikat prezzijiet ta’ servizz tal-ajru li ma kinux juru, sa mill-ewwel indikazzjoni tagħhom, ċerti elementi fundamentali. Meta saritilha domanda dwar dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li t-trasportaturi tal-ajru għandhom jindikaw, fil-pubblikazzjoni tal-offerti ta’ prezz tagħhom fuq l-internet u sa mill-offerta inizjali, l-ammont tal-VAT marbut mat-titjiriet nazzjonali, l-ispejjeż tal-ħlas b’karta ta’ kreditu kif ukoll l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni meta ma jkun propost ebda mod ta’ reġistrazzjoni bla ħlas bħala alternattiva. Sentenza Ryanair tat-23 ta’ April 2020, C-28/19

  • Fuq domanda mill-Qorti tal-Appell ta’ Ħelsinki (il-Finlandja), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li passiġġier tal-ajru li jkun aċċetta li jivvjaġġa fuq titjira alternattiva, li t-trasportatur tal-ajru tagħha kien dak li kellu jopera u li kien annulla t-titjira inizjalment prevista, għandu dritt għal kumpens minħabba d-dewmien twil tat-titjira alternattiva. Sentenza Finnair tat-12 ta’ Marzu 2020, C-832/18

Ħaddiema u sigurtà soċjali

Sabiex tiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom, l-Unjoni Ewropea kkoordinat is-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri. Filwaqt li josserva l-kompetenza ta’ kull Stat Membru li jorganizza s-sistema tiegħu stess, id-dritt tal-Unjoni, f’isem, fost oħrajn, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit- trattament, jipprova jqarreb kemm jista’ jkun il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema kkollokati ma’ dawk tal- ħaddiema impjegati minn impriżi stabbiliti fl-Istat Membru osipitanti. L-għan imfittex mid-dritt tal-Unjoni huwa li jiggarantixxi l-aħjar protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema.

Kull sena l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab, diversi drabi, tinterpreta d-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam. Is-sena 2020 ma kinitx eċċezzjoni.


Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-post tax- xogħol – Ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema
Ara l-video fuq YouTube

  • Adita b’domanda dwar l-allowances tal-familja mħallsa mill-Gran Dukat tal- Lussemburgu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru li jagħti allowances tal-familja lill-ulied kollha li jirrisjedu fit-territorju tiegħu ma jistax jeskludi minn dan il-benefiċċju lill-ulied tal-konjuġi ta’ ħaddiem transkonfinali li magħhom dan tal- aħħar ma għandux rabta ta’ parentela iżda jipprovdi għall-manteniment tagħhom. Fil-fatt, tali allowance, li tikkostitwixxi vantaġġ soċjali u benefiċċju tas-sigurtà soċjali, hija suġġetta għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li minnu jibbenefikaw il-ħaddiema transkonfinali u, indirettament, il-membri tal-familja tagħhom. Sentenza Caisse pour l’avenir des enfants tat-2 ta’ April 2020, C-802/18

  • F’tilwima bejn studenta Ġermaniża, residenti fi Franza, u l-Land ta’ Rheinland-Pfalz, fejn kienet tattendi stabbiliment ta’ edukazzjoni sekondarja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li r-rimbors tal-ispejjeż tat-trasport skolastiku jkun suġġett għar-residenza fil-Land ikkonċernat jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta kontra l-ħaddiema transkonfinali u l-familja tagħha, li, bħala prinċipju, hija pprojbita mid-dritt tal-Unjoni. Fil-każ tat-trasport skolastiku fil-Land ta’ Rheinland-Pfalz, tali kundizzjoni ta’ residenza ma hijiex iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali marbuta mal-organizzazzjoni tas-sistema skolastika. Sentenza Landkreis Südliche Weinstraße vs PF et tat-2 April 2020, C-830/18

  • Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rikorsi għal annullament, ippreżentati mill-Ungerija u mill-Polonja, kontra d-Direttiva li ssaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema kkollokati. Hija indikat li, fid-dawl b’mod partikolari tal-evoluzzjoni tas-suq intern wara t-tkabbir suċċessiv tal-Unjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jwettaq evalwazzjoni ġdida tal-interessi tal-impriżi li jibbenefikaw mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-interessi tal-ħaddiema tagħhom ikkollokati fi Stat Membru ospitanti, bil-għan li jiġi żgurat li din il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tiġi applikata f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusti bejn dawn l-impriżi u dawk stabbiliti f’dan l-Istat Membru. Sentenzi L-Ungerija u Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2020, C-620 u 626/18

  • Fil-kuntest ta’ kawża dwar impriża tat-trasport Olandiża li kienet tuża s-servizzi ta’ sewwieqa li joriġinaw mill-Ġermanja u mill-Ungerija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva dwar il-kollokament tal-ħaddiema tapplika, bħala prinċipju, għat-trasport bit-triq, b’mod partikolari dak internazzjonali. Għaldaqstant, il-ftehimiet kollettivi tal-Istat Membru ospitanti japplikaw għall-ħaddiema li jkunu kkollokati f’dan l-Istat Membru. Madankollu, il-fatt li sewwieq li jaħdem fit-trasport bit-triq internazzjonali, imqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ impriża stabbilita fl-Istat Membru ospitanti, jirċievi f’dan l-Istat Membru l-istruzzjonijiet inerenti għall-missjonijiet tiegħu u jibda u jtemm dawn il-missjonijiet fl-imsemmi Stat Membru ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jitqies li dan is-sewwieq kien ġie kkollokat f’dan l-Istat Membru. Sentenza Federatie Nederlandse Vakbeweging tal-1 ta’ Diċembru 2020, C-815/18

  • Il-kumpannija tal-ajru Spanjola Vueling kienet ġiet ikkundannata taħt id-dritt kriminali għal frodi soċjali fi Franza wara li kienet affiljat il-persunal tal-kabina tagħha, ikkollokat fl-ajruport Roissy-Charles De Gaulle f’Pariġi, mas-sigurtà soċjali Spanjola minflok mas- sigurtà soċjali Franċiża. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-konstatazzjoni definittiva ta’ frodi, madankollu, ma tistax torbot lill-qrati ċivili Franċiżi li jkunu sarulhom talbiet għal kumpens sa fejn, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, qabel l-imsemmija konstatazzjoni ma kienx hemm djalogu mal-istituzzjoni Spanjola li kien jippermettilha teżamina mill-ġdid il-fajl u, jekk ikun il-każ, tannulla jew tirtira ċ-ċertifikati li jattestaw l-affiljazzjoni tal-ħaddiema taħt il-leġiżlazzjoni Spanjola. Sentenza CRPNPAC u Vueling Airlines tat-2 ta’ April 2020, C-370/17 u C-37/18

  • Fir-rigward tad-dritt għal-leave annwali mħallas, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li ħaddiem imkeċċi b’mod illegali li mbagħad jerġa’ jiġi integrat fl-impjieg li kellu qabel jibbenefika minn dan id-dritt għall-perijodu bejn dawn iż-żewġ avvenimenti anki jekk, matul dan il- perijodu, huwa ma jkunx effettivament ħadem. Madankollu, meta l-ħaddiem, matul il-perijodu inkwistjoni, ikun okkupa impjieg ġdid, huwa jkun jista’ jinvoka d-drittijiet għal-leave annwali mħallas, li jikkorrispondu għall-perijodu li matulu okkupa dan l-impjieg, fil-konfront biss tal-persuna li timpjegah il-ġdida. Sentenza Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca tal-25 ta’ Ġunju 2020, C-762/18 u C-37/19

Għajnuna mill-Istat

L-interessi kkonċernati mill-għajnuna mill-Istat iqajmu kwistjonijiet strateġiċi u kumplessi mill-perspettiva tal- interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad- dritt tal-Unjoni.

Fl-2020, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali eżaminaw deċiżjonijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat marbuta ma’ setturi prinċipali tal-ekonomija tal-Istati Membri. Dawn il-kawżi jirriflettu d-diffikultajiet fl-applikazzjoni tar-regoli marbuta mal-għajnuna mill-Istat għal oqsma bħalma huma t-tassazzjoni, il-politika tal- enerġija, il-protezzjoni tal-ambjent jew l-assigurazzjoni għall- mard obbligatorja.

  • Fuq kwistjoni mqajma mill-Awstrija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għajnuna mill- Istat mogħtija għall-kostruzzjoni tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Hinkley Point C fir-Renju Unit setgħet tiġi approvata mill-Kummissjoni għar-raġuni li kienet tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni. Hija rrilevat ukoll li, bil-kundizzjoni li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, ir-Renju Unit kien liberu li jiddetermina l-kompożizzjoni tas-sorsi tal-provvista tal-enerġija tiegħu. Sentenza L-Awstrija vs Il-Kummissjoni tat-22 ta’ Settembru 2020, C-594/18 P

  • Il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet teżamina wkoll il-legalità tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ riżorsi tal-Istat favur żewġ korpi ta’ assigurazzjoni għall-mard li joperaw taħt il-kontroll tal- awtoritajiet Slovakki fil-kuntest ta’ skema ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja. Hija kkonstatat li, minkejja l-eżistenza ta’ ċerta kompetizzjoni fost id-diversi operaturi, kemm privati u kemm pubbliċi, koperti minn din l-iskema, din tal-aħħar kellha għan soċjali u kienet timplimenta l-prinċipju ta’ solidarjetà. Hija għaldaqstant iddeċidiet, filwaqt li kkonfermat b’hekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li l-każ taż-żewġ korpi inkwistjoni ma kienx jaqa’ taħt ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Sentenza Il-Kummissjoni u Is-Slovakka vs Dôvera zdravotná poistʼovňa tal-11 ta’ Ġunju 2020, C-262/18 P u C-271/18 P

  • Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat in-natura tas-sussidji mogħtija minn Franza, fil- forma ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet salarjali, lis-sajjieda u lill-produtturi tal-akwakultura milquta min-nawfraġju tal-bastiment Erika u mill-maltempati vjolenti li seħħew fl-1999. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dan it-tnaqqis kien jikkonċerna piżijiet li ma jaqgħux fuq l-impriżi iżda fuq l-impjegati tagħhom. Għaldaqstant, dan it-tnaqqis ma kien jagħti ebda vantaġġ lil dawn l-impriżi, b’tali mod li r-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li jikkonċernaw biss lill-impriżi, ma kinux applikabbli għal din is-sitwazzjoni. Il-Qorti tal- Ġustizzja, għalhekk, annullat parzjalment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna lil Franza tirkupra dawn is-sussidji. Sentenza Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation vs Compagnie des pêches de Saint- Malo tas-17 ta’ Settembru 2020, C-212/19

  • Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja kkundannat lill-Italja għall-ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ 7.5 miljuni euro u multa ta’ kuljum ta’ 80 000 euro talli naqset milli tirkupra għajnuna, fl-ammont ta’ madwar 13.7 miljuni euro, mogħtija illegalment lis-setur tal-lukandi f’Sardegna. Fil-fatt, minkejja li, fl-2008, il-Kummissjoni kienet ordnat lill-Italja tirkupra din l-għajnuna u minkejja li, fl-2012, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat in-nuqqas tal-Italja li twettaq l-obbligu tagħha f’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru baqa’ ma wettaqx l-obbligu ta’ rkupru tiegħu. Il-Kummissjoni għalhekk ippreżentat rikors ieħor għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sabiex jiġu imposti sanzjonijiet pekunjarji fuq l-Italja, liema rikors intlaqa’ mill- Qorti tal-Ġustizzja. Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja tat-12 ta’ Marzu 2020, C-576/18

  • Min-naħa tagħha, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il- klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat illegali tad-deċiżjonijiet fiskali Irlandiżi favur Apple. Skont il-Kummissjoni, l-Irlanda kienet tat lil Apple madwar 13-il biljun euro f’vantaġġi fiskali illegali, li għalhekk kellhom jiġu rkuprati mill-Istat Membru mingħajr il-benefiċjarju tagħhom. Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma kienx irnexxielha tipprova b’mod suffiċjenti li d-deċiżjonijiet fiskali inkwistjoni kienu jagħtu vantaġġ ekonomiku selettiv lil Apple u kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur tagħha. Sentenza L-Irlanda vs Il-Kummissjoni u Apple Sales International tal-15 ta’ Lulju 2020, T-778/16 u T-892/16

  • Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara illegali l-għajnuna mogħtija mill-Komunità Awtonoma ta’ Valencia (Spanja) favur il-klabbs tal-futbol Spanjoli Valencia CF u Elche CF. Skont il-Kummissjoni, din l-għajnuna kienet fil-forma ta’ garanziji favur assoċjazzjonijiet marbuta ma’ dawn il-klabbs sabiex ikopru self bankarju li dawn kienu kkonkludew sabiex jikkontribwixxu fiż-żieda tal-kapital tal-klabb li miegħu kienu marbuta rispettivament. Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet ivvizzjata b’diversi żbalji li kienu jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ garanziji paragunabbli fis-suq. Sentenzi Valencia Club de Fútbol u Elche Club de Fútbol tat-12 ta’ Marzu 2020, T-732/16 u T-901/16

  • Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara illegali l-għajnuna mogħtija mir-Reġjun Awtonomu ta’ Sardegna favur diversi kumpanniji tal-ajru li joperaw titjiriet lejn u minn Sardegna. Din l-għajnuna, li kienet intiża li ttejjeb il-konnessjonijiet bl-ajru mal-gżira u li tiżgura l-promozzjoni tagħha bħala destinazzjoni turistika, kienet tqiegħdet għad-dispożizjoni tal-benefiċjarji permezz tal-operaturi tal-ajruporti prinċipali f’Sardegna. Il-Qorti Ġenerali kkonfermat li l-għajnuna ma kinitx ingħatat lil dawn l-operaturi iżda lill-kumpanniji tal-ajru kkonċernati, li għalhekk għandhom jirrimborsawha. Sentenzi Volotea, Germanwings u easyJet tat-13 ta’ Mejju 2020, T-607/17, T-716/17 u T-8/18

  • Il-Qorti Ġenerali kkonfermat ukoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li s-sistema fiskali Spanjola applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni-finanzjament konklużi minn tarzni ma’ gruppi ta’ interess ekonomiku (GIE) kienet tikkostitwixxi, bħala metodu ta’ investiment li jippermetti li jinkisbu vantaġġi fiskali, skema ta’ għajnuna mill-Istat favur il-membri tal-GIE kkonċernati. Skont il-Kummissjoni, din is-sistema, li fil-kuntest tagħha kumpannija marittima ma kinitx tikseb bastiment direttament mingħand tarzna iżda permezz tal-GIE bħala intermedjarju, kienet parzjalment inkompatibbli mas-suq intern sa fejn kienet tippermetti wkoll lill-kumpanniji marittimi jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ 20 sa 30 % fuq il-prezz tax-xiri ta’ bastimenti mibnija minn tarzni Spanjoli. Sentenza Spanja et vs Il-Kummissjoni tat-23 ta’ Settembru 2020, T-515/13 RENV u T-719/13 RENV

  • Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet ikkonstatat li l-garanzija pubblika illimitata mogħtija minn Franza lill-IFP Énergies nouvelles (IFPEN), stabbiliment pubbliku Franċiż inkarigat b’mod partikolari b’missjonijiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp fl-oqsma tal-enerġija, kienet miżura li kienet tikkostitwixxi parzjalment għajnuna mill-Istat. Il-Qorti Ġenerali qieset li l-IFPEN u Franza ma kienx irnexxielhom jegħlbu l-preżunzjoni li l-għoti ta’ tali garanzija jagħti lill-benefiċjarju tagħha vantaġġ ekonomiku meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu. Sentenza Franza et vs Il-Kummissjoni tal-5 ta’ Ottubru 2020, T-479/11 RENV u T-157/12 RENV

Kompetizzjoni

Il-kompetizzjoni libera tikkontribwixxi għat-titjib tal-benesseri taċ-ċittadini tal-Unjoni billi toffrilhom għażla usa’ ta’ prodotti u ta’ servizzi ta’ kwalità aħjar bi prezzijiet iktar kompetittivi. Sabiex jintlaħaq dan ir-riżultat, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprova tevita r-restrizzjonijiet u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern. L-iktar regoli importanti f’dan il-qasam huma stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea: dawn ir- regoli jipprojbixxu kemm l-akkordji ta’ natura li jostakolaw il- kompetizzjoni libera kif ukoll l-isfruttament abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti.

Fl-2020, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali interpretaw u applikaw dawn ir-regoli f’diversi kawżi li jikkonċernaw setturi differenti tal-ekonomija.

Il-Qorti Ġenerali – Garanzija li l-Istituzzjonijiet tal-UE josservaw il-liġi tal-UE

Ara l-video fuq YouTube

  • Il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni wara suspetti ta’ prattiki antikompetittivi implimentati minn diversi impriżi Franċiżi fis- settur tad-distribuzzjoni. Hija qieset li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li kellha indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġu ssuspettati skambji ta’ informazzjoni dwar l-istrateġiji kummerċjali futuri tal-impriżi kkonċernati. Sentenzi Casino et tal-5 ta’ Ottubru 2020, T-249/17, T-254/17 u T-55/17

  • Il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-eżistenza, stabbilita mill-Kummissjoni, ta’ akkordju fis-suq tal-kards b’ċirkwit integrat bejn diversi impriżi li kienu kkoordinaw il-politika tagħhom fir-rigward tal-prezzijiet. Il-Qorti Ġenerali, madankollu, naqqset il-multa imposta mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fuq il-kumpannija Infineon, billi ħadet inkunsiderazzjoni n-numru limitat ta’ kuntatti antikompetittivi li din tal-aħħar kellha mal-kompetituri tagħha kif ukoll in-natura insuffiċjenti tal-provi dwar wieħed mill- kuntatti kkonstatati mill-Kummissjoni. Sentenza Infineon Technologies tat-8 ta’ Lulju 2020, T-758/14 RENV

  • Il-Qorti Ġenerali ntalbet tieħu deċiżjoni, għall-ewwel darba, dwar il-legalità ta’ regoli adottati minn federazzjoni sportiva internazzjonali. Il-Qorti Ġenerali qieset li r-regoli tal-International Skating Union (l-Unjoni Internazzjonali tal-Pattinaġġ (UIP)) kienu jiksru l-kompetizzjoni libera sa fejn jipprevedu sanzjonijiet kontra l-atleti li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet ta’ pattinaġġ veloċi mhux irrikonoxxuti minnha. Il-Qorti Ġenerali qieset li r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mis-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel prevista fir-regoli inkwistjoni ma setgħux ikunu ġġustifikati permezz tal-għan li tiġi protetta l-integrità tal-isport. Sentenza International Skating Union tas-16 ta’ Diċembru 2020, T-93/18

  • Il-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ Lietuvos geležinkeliai AB (LG), il-kumpannija nazzjonali ferrovjarja tal-Litwanja, fis-suq Litwan tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija. LG kienet ikkonkludiet ftehim dwar it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija mal-kumpannija Orlen dwar it-trasport ta’ prodotti petroliferi lejn l-Ewropa tal-Punent. Wara tilwima ma’ LG, Orlen xtaqet tafda dan it-trasport lill-kumpannija nazzjonali ferrovjarja tal-Latvja. LG, billi waqqfet il-linja ferrovjarja bejn il-post tat-tluq tal-merkanzija, fil-Litwanja, u l-Latvja, kienet ipprekludiet lill-impriża kompetitriċi Latvjana milli tikkonkludi l-kuntratt ma’ Orlen. Tali aġir tqies li jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti. Sentenza Lietuvos geležinkeliai AB tat-18 ta’ Novembru 2020, T-814/17

  • Fil-kuntest ta’ tilwima bejn kumpannija li topera lukanda fil-Ġermanja u l-kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż Booking.com BV, li topera pjattaforma ta’ prenotazzjoni ta’ akkomodazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq talba minn qorti Ġermaniża, iddeċidiet li lukanda li tuża l-pjattaforma Booking.com tista’ tressaq, kontra din tal-aħħar, kawża quddiem qorti tal-Istat Membru li fih din il-lukanda tkun stabbilita sabiex jitwaqqaf eventwali abbuż minn pożizzjoni dominanti. Min-naħa tagħha, Booking.com sostniet li l-kawża kontriha kellha titressaq quddiem qorti tal-Istat Membru fejn jinsab is-sede tagħha, argument iżda li l-Qorti tal-Ġustizzja ma qablitx miegħu. Sentenza Wikingerhof GmbH & Co. KG vs Booking.com BV. tal-24 ta’ Novembru 2020, C-59/19

  • Pożizzjoni dominanti fis-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u fis-suq tal-mezzi tal- komunikazzjonijiet tista’ tipperikola l-pluraliżmu tal-informazzjoni. Din il-kunsiderazzjoni kienet l-ispirazzjoni wara leġiżlazzjoni Taljana li kienet tipprojbixxi lill-impriżi b’saħħa kbira fl-ewwel suq milli jiksbu dimensjoni ekonomika sinjifikattiva fit-tieni wieħed. Fil-kuntest tal- kampanja ostili għall-akkwist ta’ azzjonijiet fil-kumpannija Taljana Mediaset min-naħa tal- kumpannija Franċiża Vivendi u fil-kuntest tat-tilwim li rriżulta minnha, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li tali leġiżlazzjoni, meta ma tkunx ta’ natura li tipproteġi l-pluraliżmu tal-informazzjoni, tikkostitwixxi ostakolu pprojbit għal-libertà ta’ stabbiliment. Sentenza Vivendi SA tat-3 ta’ Settembru 2020, C-719/18

  • Fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet ta’ impriżi, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal- Kummissjoni li tirrifjuta l-proposta ta’ xiri ta’ Telefónica UK minn Hutchison 3G UK. Hija ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li tali xiri kien ser joħloq ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq Brittaniku tat-telefonija mobbli. Hija osservat ukoll li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li tali operazzjoni kienet ser twassal għal żieda fil- prezzijiet tas-servizzi u għal tnaqqis fil-kwalità tagħhom. Sentenza CK Telecoms UK Investments tat-28 ta’ Mejju 2020, T-399/16

Settur bankarju u tassazzjoni

Ir-regoli dwar is-suq intern (is-“suq uniku”) tal-Unjoni jippermettu l-kummerċjalizzazzjoni libera ta’ prodotti u ta’ servizzi fi ħdan l-Unjoni. Bil-għan, b’mod partikolari, li jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn impriżi, l-Istati Membri qablu li jallinjaw ir-regoli tagħhom dwar it-tassazzjoni fuq il-prodotti u s-servizzi. Ittieħdu wkoll miżuri, fil-livell tal-Unjoni, sabiex jiġu kkoordinati, sa ċertu punti, il-politiki ekonomiċi kif ukoll ir-regoli dwar it- tassazzjoni tal-kumpanniji u tad-dħul, bil-għan li dawn ikunu ġusti u effettivi filwaqt li jinkoraġġixxu t-tkabbir. Madankollu, l-ammont tat-taxxi mħallsa mill-individwi u l-mod kif jintefqu s-somom miġbura bis-saħħa ta’ dawn it-taxxi jaqgħu fil-kompetenza tal- Istati Membri.

  • F’kawża li kienet tikkonċerna l-kumpannija Google Ireland, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni Ungeriża li kienet tissuġġetta lill-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar stabbiliti fi Stat Membru ieħor għal obbligu ta’ dikjarazzjoni, għall-finijiet tal- issuġġettar tagħhom għat-taxxa Ungeriża fuq ir-reklamar, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar preċiż, mal-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi. Għall-kuntrarju, hija indikat li dan l-istess prinċipju u l-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludu leġiżlazzjoni Ungeriża oħra li timponi, fuq il-fornituri li ma jkunux ikkonformaw ruħhom ma’ dan l-obbligu ta’ dikjarazzjoni, multi li, wara ftit jiem, jistgħu jammontaw għal diversi miljuni ta’ euro. Sentenza Google Ireland tat-3 ta’ Marzu 2020, C-482/18

  • F’kawża Ungeriża oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-taxxi speċjali miġbura fl-Ungerija fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet u tal-impriżi fis-settur tal- kummerċ bl-imnut huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Dawn l-impriżi, li fil-maġġoranza tagħhom huma miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ Stati Membri oħra, jiġġeneraw l-ikbar dħul mill-bejgħ fis-swieq Ungeriżi kkonċernati u għaldaqstant iġarrbu l-parti prinċipali ta’ dawn it-taxxi speċjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, iddeċidiet li dan il-fatt jirrifletti r-realtà ekonomika ta’ dawn is-swieq u għalhekk ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni fil-konfront ta’ dawn l-impriżi. Sentenzi Vodafone Magyarország u Tesco-Global Áruházak tat-3 ta’ Marzu 2020, C-75/18 u C-323/18

  • Fl-2020, il-Qorti Ġenerali tat l-ewwel erba’ sentenzi tagħha dwar deċiżjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li jimponu sanzjonijiet pekunjarji fil-kuntest tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment tliet deċiżjonijiet minħabba li ma kellhomx motivazzjoni suffiċjenti. Fil-fatt, ma kienet ingħatat ebda preċiżazzjoni dwar il-metodoloġija applikata mill-BĊE sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tas-sanzjonijiet imposti. Sentenzi VQ vs BĊE tat-8 ta’ Lulju 2020, T-203/18,T-576/18,T-577/18,T-578/18

Proprjetà intellettwali

Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jiżguraw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni adottata mill-Unjoni sabiex tħares u tipproteġi l-proprjetà intellettwali (id-drittijiet tal-awtur, id-drittijiet tat-trade marks, il-protezzjoni tad-disinni, id-drittijiet ta’ privattivi), bil-għan li tittejjeb il-kompetittività tal-impriżi.

Matul is-sena 2020, iż-żewġ qrati tal-Unjoni taw diversi deċiżjonijiet f’dan il-qasam filwaqt li speċifikaw kemm id-delimitazzjonijiet tar-responsabbiltà għal ksur ta’ dawn id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom hija protetta l-proprjetà intellettwali, b’attenzjoni partikolari, fil-qasam tat-trade marks, għall-kunċetti ta’ “karattru distintiv” u ta’ “probabbiltà ta’ konfużjoni”.

  • Fir-rigward tar-responsabbiltà tal-persuni u tal-kumpanniji għal ksur tad-drittijiet mogħtija minn trade mark tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sempliċi ħażna minn Amazon, fuq pjattaforma għal bejgħ fuq l-internet (Amazon-Marketplace), ta’ prodotti li jiksru d-dritt tat-trade mark ma tikkostitwixxix ksur minn Amazon ta’ dan id-dritt. Fil-fatt, impriża li taħżen prodotti foloz f’isem bejjiegħ terz, mingħajr ma tkun taf bil-ksur ta’ dritt tat-trade mark, ma tkunx qiegħda tagħmel hija stess użu illegali ta’ din it-trade mark, sakemm ma ssegwix l-għan, bħall-bejjiegħ, li toffri l-prodotti għall-bejgħ jew li tqiegħdhom fil-kummerċ. Sentenza Coty Germany tat-2 ta’ April 2020, C-567/18

  • Fir-rigward tal-karattru distintiv indispensabbli għall-validità ta’ trade mark, il-Qorti Ġenerali fakkret li forma, li tkun saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark tridimensjonali, ma jkollhiex dan il-karattru meta ma tvarjax b’mod sinjifikattiv min-norma jew mill-użanzi tas-settur ikkonċernat. Fil-każ ta’ lazz ta’ żarbun, il-Qorti Ġenerali indikat li n-novità tal-forma tiegħu u s-sbuħija tad-disinn tiegħu ma humiex suffiċjenti, waħedhom, sabiex jiġi konkluż li għandu karattru distintiv. Fil-fatt, il-funzjoni ta’ trade mark hija li tindika l-oriġini kummerċjali tal-prodott u li b’hekk tippermetti lill-konsumaturi jorbtu ċerti prodotti ma’ impriża partikolari. Sentenza Hickies tal-5 ta’ Frar 2020, T-573/18

  • Bl-istess raġunament, iżda fil-każ ta’ trade mark figurattiva, il-Qorti Ġenerali osservat li disinn b’ras ta’ ljun imdawra b’katini jikkostitwixxi forma komuni u tipika ta’ buttuni u ta’ oġġetti ta’ ġojjellerija, u għalhekk ma għandux karattru distintiv fir-rigward ta’ dawn il-prodotti. F’kawża oħra, il-Qorti Ġenerali, għall-kuntrarju, ikkritikat lill-EUIPO talli ma ħax inkunsiderazzjoni ċerti provi sabiex jevalwa l-karattru distintiv, miksub bl-użu, ta’ trade mark li tikkostitwixxi f’disinn qisu bord taċ-ċess għall-basktijiet u l-bagalji. Sentenzi Pierre Balmain tal-5 ta’ Frar 2020, T-331/19 u T-332/19 / Sentenza Louis Vuitton Malletier tal-10 ta’ Ġunju 2020, T-105/19

  • Trade mark verbali lanqas ma jkollha karattru distintiv meta tkun sempliċement tiddeskrivi karatteristika tal-prodott li fir-rigward tiegħu tkun saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha. Il-Qorti Ġenerali qieset li t-trade mark verbali WAVE għal lampi ta’ akkwarju jista’ jkollha karattru distintiv peress li l-kelma “wave” ma tiddeskrivix karatteristika ta’ dawn il-lampi. Sentenza Tetra GmbH tat-23 ta’ Settembru 2020, T-869/19

  • Kien preċiżament minħabba n-natura dgħajfa tal-karattru distintiv ta’ żewġ sinjali li jirrappreżentaw qarn li jindika servizzi postali li l-Qorti Ġenerali eskludiet probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom. Ir-rappreżentazzjoni ta’ qarn postali, fuq sfond li ħafna drabi jkun isfar, tintuża tradizzjonalment mill-operaturi postali nazzjonali fi ħdan l-Unjoni. Għaldaqstant, il-pubbliku ma jassoċjax il-qarn postali jew il-kulur isfar ma’ kumpannija partikolari iżda, b’mod iktar ġenerali, ma’ numru indeterminat ta’ operaturi postali nazzjonali. Sentenza Deutsche Post tal-11 ta’ Novembru 2020, T-25/20

  • Għal darba oħra dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn żewġ trade marks, iżda din id-darba bejn trade marks iddepożitati fir-rigward ta’ oġġetti u ħwejjeġ tal-isports, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-reputazzjoni tal-plejer tal-futbol Lionel Messi hija ta’ natura li tinnewtralizza kull probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark MESSI tiegħu u t-trade mark preċedenti MASSI li tappartjeni lil kumpannija Spanjola. Sentenza Messi tas-17 ta’ Settembru 2020, C-449/18 P u C-474/18 P

  • F’kawża oħra li tikkonċerna l-kwistjoni tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il- Qorti Ġenerali enfasizzat ukoll li l-preżenza tal-istess kelma f’żewġ trade marks (f’dan il-każ, il-kelma “Teruel” fit-trade marks AIRESANO BLACK El IBERICO DE TERUEL u JAMON DE TERUEL CONSEJO REGULADOR DE LA DENOMINACION DE ORIGEN) ma hijiex biżżejjed sabiex toħloq probabbiltà ta’ konfużjoni. Sentenza Consejo Regulador tat-28 ta’ Mejju 2020, T-696/18

  • Fir-rigward tal-kriterju ta’ xebh bejn żewġ trade marks, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-trade mark verbali LOTTOLAND, iddepożitata għal servizzi industrijali, għandha xebh qawwi mat- trade marks figurattivi preċedenti LOTTO, iddepożitati għal logħob tal-ażżard. Madankollu, il-Qorti Ġenerali osservat li ma hemm ebda rabta bejn dawn it-trade marks fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura differenti tas-servizzi kkonċernati u tal-pubbliku rilevanti. Minħabba din l-assenza ta’ rabta, l-użu tat-trade mark LOTTOLAND ma jibbenefikax indebitament mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti u ma jagħtix lok għal riskju li jikkawżawlhom ħsara. Sentenza Lottoland tal-11 ta’ Novembru 2020, T-820/19

  • Jista’ jkun il-każ li tilwima dwar sinjali distintivi ma tkunx bejn individwi jew impriżi iżda bejn Stati Membri. Dan kien il-każ ta’ tilwima dwar l-użu tal-kelma “Teran” fir-rigward ta’ varjetà tal-għeneb tal-inbid użata fis-Slovenja u fil-Kroazja. Wara l-adeżjoni, fl-2004, tas-Slovenja mal-Unjoni, dan l-isem ġie rrikonoxxut bħala denominazzjoni tal-oriġini protetta (DOP). Fl-2017, ġie stabbilit, permezz ta’ regolament, li l-kelma “Teran” setgħet tintuża wkoll, sa mill-adeżjoni fl-2013 tal-Kroazja mal-Unjoni, fir-rigward ta’ ċerti nbejjed Kroati. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba tas-Slovenja għall-annullament ta’ dan ir-regolament li jippermetti lid-DOP jeżistu flimkien b’mod paċifiku mingħajr ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi. Sentenza Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni tad-9 ta’ Settembru 2020, T-626/17

Funzjonament tal-istituzzjonijiet Ewropej

Iż-żewġ qrati tal-Unjoni għandhom jivverifikaw li l-atti ( jew l-ommissjoni li jiġu adottati ċerti atti) tal-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni josservaw id-dritt tal-Unjoni. B’hekk, il- Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jiggarantixxu l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet tal-individwi meta dawn tal-aħħar ikunu direttament u individwalment ikkonċernati minn deċiżjonijiet meħuda fil-livell tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jistħarrġu l-legalità, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, tal-atti tal-awtoritajiet nazzjonali.

  • Il-qrati tal-Unjoni ġew aditi, diversi drabi, minn O. Junqueras i Vies, il-Viċi President tal-Gobierno autonómico de Cataluña (il-Gvern Awtonomu ta’ Cataluña, Spanja), dwar l-elezzjoni tiegħu fil-Parlament Ewropew fl-2019. Il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali, u mbagħad il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell, ċaħdu t-talba tiegħu għal miżuri provviżorji intiża li tiġi protetta l-immunità parlamentari tiegħu. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddikjarat inammissibbli t-talba tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li tikkonstata li s-siġġu tiegħu kien vakanti. Fil-fatt, il-Parlament Ewropew ma setax idaħħal inkwistjoni d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Spanjoli li kienu ddikjaraw, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali, li l-mandat ta’ O. Junqueras i Vies kien spiċċa u li s-siġġu tiegħu fil-Parlament Ewropew kien vakanti. Digriet Junqueras i Vies tat-3 ta’ Marzu 2020, T-24/20 R / Digriet Junqueras i Vies tat-8 ta’ Ottubru 2020, C-201/20 P(R) / Digriet Junqueras i Vies tal-15 ta’ Diċembru 2020, T-24/20

  • Il-Qorti Ġenerali ċaħdet rikors intiż li jiġi kkonstatat li l-Kunsill Ewropew kien irrifjuta, illegalment, li jeskludi lill-Prim Ministru Ċek, minħabba allegat kunflitt ta’ interessi, minn laqgħat ta’ din l-istituzzjoni dwar l-adozzjoni tal-qafas finanzjarju pluriannwali tal-Unjoni 2021/2027. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali qieset li huma biss l-Istati Membri li għandhom il-kompetenza sabiex jiddeterminaw, minn fost il-kapijiet tal-Istat jew tal-gvern rispettivi, liema waħda minn dawn il-persuni għandha tirrappreżentahom fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u sabiex jistabbilixxu r-raġunijiet li jistgħu jwasslu għall-impossibbiltà, għal waħda minn dawn il-persuni, li tirrappreżentahom fil-laqgħat ta’ din l-istituzzjoni. Digriet Wagenknecht tas-17 ta’ Lulju 2020, T-715/19

  • H. Shindler u ċittadini oħra tar-Renju Unit ilhom żmien twil residenti fl-Italja u fi Franza. Għaldaqstant, huma la setgħu jipparteċipaw fir-referendum dwar Brexit u lanqas fl-elezzjonijiet leġiżlattivi tal-2017, minkejja li dawn il-votazzjonijiet kienu determinanti għaż-żamma tal- kwalità tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni. Huma għalhekk ippreżentaw rikors quddiem il- Qorti Ġenerali intiż li jiġi “ikkonstatat in-nuqqas li tittieħed azzjoni” min-naħa tal-Kummissjoni minħabba “l-ommissjoni illegali tagħha li ma tħarisx iċ-ċittadinanza Ewropea”. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors billi ddeċidiet li l-Kummissjoni ma għandhiex kompetenza, sabiex tadotta att vinkolanti intiż li jżomm, b’effett mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, iċ-ċittadinanza Ewropea ta’ ċerti ċittadini tar-Renju Unit. Digriet Shindler tal-14 ta’ Lulju 2020, T-627/19

B | IĊ-ĊIFRI EWLENIN TAL-ATTIVITÀ ĠUDIZZJARJA

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tisma’ kawżi, prinċipalment, dwar

  • talbiet għal deċiżjoni preliminari, meta qorti nazzjonali jkollha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ att adottat mill-Unjoni jew dwar il-validità tiegħu. F’dan il-każ, il-qorti nazzjonali tissospendi l-kawża quddiemha u tagħmel talba lill-Qorti tal-Ġustizzja, li tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet inkwistjoni jew dwar il-validità tagħhom. Ladarba tingħata d-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali tkun tista’ taqta’ l-kawża quddiemha. Għall-kawżi li jirrikjedu risposta fi żmien qasir ħafna (pereżempju fil-qasam tal-ażil, tal-kontroll mal- fruntieri, tal-ħtif ta’ minuri, eċċ.), hija prevista proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari;
  • appelli, mid-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali, li huma rimedji ġudizzjarji li fil-kuntest tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tannulla deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali;
  • rikorsi diretti, li jfittxu prinċipalment:
    • li att tal-Unjoni jiġi annullat (“rikors għal annullament”) jew
    • li jiġi kkonstatat li Stat Membru naqas milli jwettaq obbligu taħt id-dritt tal- Unjoni (“rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu”). Jekk l-Istat Membru ma jikkonformax ruħu mas-sentenza li tkun ikkonstatat in-nuqqas, rikors ieħor, imsejjaħ “rikors għat-tieni nuqqas”, jista’ jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuqu sanzjoni pekunjarja;
  • talbiet għal opinjoni dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati ta’ ftehim li l-Unjoni tkun qiegħda tippjana li tikkonkludi ma’ Stat terz jew ma’ organizzazzjoni internazzjonali. Din it-talba tista’ titressaq minn Stat Membru jew minn istituzzjoni Ewropea (il-Parlament, il-Kunsill jew il-Kummissjoni).

735 Kawża mressqa

Proċeduri għal deċiżjoni preliminari 556 li minnhom 9 bil- proċedura b’urġenzja għal deċiżjoni

Stati Membri li minnhom prinċipalment joriġinaw it-talbiet Il-Ġermanja 139 L-Awstrija 50 L-Italja 44 Il-Polonja 41 Il-Belġju 36

37 Rikors dirett li minnhom 18-il rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u minnhom 2 rikorsi għat-“tieni nuqqas”

131 Appell minn deċiżjonijiet tal- Qorti Ġenerali

1 Talba għal opinjoni

8 Talbiet għal għajnuna legali

Parti fil-kawża li ma tkunx tista’ tħallas għall-ispejjeż tal-kawża tista’ titlob li tibbenefika mill-għajnuna legali b’xejn.2

792 Kawża magħluqa

534

Proċedura għal deċiżjoni preliminari li minnhom 9 proċeduri b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

37 Rikors dirett

li minnhom 26 nuqqas ikkonstatat kontra 14-il Stat Membru

li minnhom 3 sentenzi għat-”tieni nuqqas”

204 Appelli minn deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali

li minnhom 40 annullaw id-deċiżjoni adottata mill-Qorti Ġenerali

Tul medju tal-proċeduri 15.4 xhur

Proċeduri b’urġenza għal deċiżjoni preliminari 3.9 xhur

1 045 Kawża pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2020

Oqsma prinċipali ttrattati

Agrikoltura 26

Ambjent 48

Dritt soċjali 56

Għajnuna mill-Istat u kompetizzjoni 104

Libertajiet ta’ moviment u ta’ stabbiliment u suq intern 96

Proprjetà intellettwali u industrijali 27

Protezzjoni tal-konsumatur 56

Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja 119

Tassazzjoni 95

Trasport 86

Unjoni doganali 24

Il-Qorti Ġenerali

Il-Qorti Ġenerali tista’ tintalab tisma’ kawżi, fl-ewwel istanza, dwar rikorsi diretti ppreżentati mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi (kumpanniji, assoċjazzjonijiet, eċċ.) u mill- Istati Membri kontra l-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll dwar rikorsi diretti intiżi għal kumpens għal danni kkawżati mill-istituzzjonijiet jew mill-persunal tagħhom. Il-parti l-kbira tal-kawżi huma ta’ natura ekonomika: proprjetà intellettwali (trade marks u disinni tal-Unjoni Ewropea), kompetizzjoni, għajnuna mill- Istat, u superviżjoni bankarja u finanzjarja.

Il-Qorti Ġenerali hija wkoll kompetenti sabiex taqta’ kawżi fil-qasam tas-servizz pubbliku dwar tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha.

Mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali jista’ jiġi ppreżentat appell, fuq punti ta’ liġi biss, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kawżi li diġà jkunu bbenefikaw minn eżami doppju (minn Bord tal-Appell indipendenti, imbagħad mill-Qorti Ġenerali), il-Qorti tal-Ġustizzja tammetti l-appell biss jekk dan l-appell iqajjem kwistjoni importanti għall-unità, għall- koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

847 Kawża mressqa

729 Rikors dirett li minnhom

69 Għajnuna mill-Istat u kompetizzjoni (inklużi 2 rikorsi ppreżentati mill-Istati Membri)

282 Proprjetà intellettwali u industrijali

118 Servizz pubbliku tal-Unjoni

260 rikors dirett ieħor (inklużi 10 rikorsi ppreżentati mill-Istati Membri)

Talbiet għal għajnuna legali 75

Parti fil-kawża li ma tkunx tista’ tħallas għall-ispejjeż tal-kawża tista’ titlob li tibbenefika mill-għajnuna legali b’xejn.

748 Kawża magħluqa

631 Rikors dirett

li minnhom 41 Għajnuna mill-Istat u kompetizzjoni

237 Proprjetà intellettwali u industrijali

79 Servizz pubbliku tal-Unjoni

274 rikors dirett ieħor

Tul medju tal-proċeduri: 15.4 xhur

Proporzjon ta’ deċiżjonijiet li minnhom sar appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja: 23%

Kawżi pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2020 1 497

Suġġett prinċipali tar-rikors

Aċċess għal dokumenti 24

Agrikoltura 21

Ambjent 14

Għajnuna mill-Istat 292

Kompetizzjoni 78

Kuntratti pubbliċi 21

Miżuri restrittivi 65

Politika ekonomika u monetarja 156

Proprjetà intellettwali u industrijali 319

Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni 182