A | Introduzzjoni mir-Reġistratur

Ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-Segretarju Ġenerali tal-Istituzzjoni, imexxi d-dipartimenti amministrattivi taħt l-awtorità tal-President. Huwa xhud tal-impenn mid-dipartimenti sabiex isostnu l-attività ġudizzjarja matul sena li fiha dawn id-dipartimenti kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet bla preċedent.

Alfredo Calot Escobar

Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja


Fuq livell individwali, is-sena 2020 kienet sena diffiċli għal kulħadd minħabba restrizzjonijiet, mard u inċertezza li kienu l-karatteristiċi ewlenin ta’ din is-sena.

Fuq il-livell tal-ġestjoni tad-dipartimenti tal-istituzzjoni, din il-ġestjoni kienet sfida kunsiderevoli mwettqa b’determinazzjoni, b’organizzazzjoni u b’adattabbiltà. Kien meħtieġ, fi żmien qasir ħafna, li titwettaq metamorfosi sħiħa tal-mod ta’ funzjonament tal-Istituzzjoni. Kull dipartiment kellu jadatta ruħu, ifittex modi innovattivi sabiex jaħdem u sabiex isib saqajh mill-ġdid.

Fortunatament, l-Istituzzjoni setgħet tibbaża ruħha fuq struttura u fuq proċeduri li kienu ġew stabbiliti għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Din l-istruttura hija bbażata fuq ċellola ta’ kriżi, li għandha l-kompetenza tadotta, fuq il- livell tal-Istitutzzjoni kollha, id-deċiżjonijiet il-kbar marbuta mas-sitwazzjoni ta’ kriżi u mal-evoluzzjoni tagħha. Din iċ-ċellola tieħu l-miżuri ġenerali li jkunu meħtieġa (regoli dwar ix-xogħol mill-bogħod, miżuri ta’ natura trażversali marbuta mal-ġestjoni tal-persunal...). Dawn id-deċiżjonijiet ġenerali mbagħad jiġu implimentati fil-livell taċ-ċentru għall-immaniġġjar ta’ kriżi (CMC), li huwa kkostitwit minn rappreżentanti taċ-ċelloli operattivi kollha li jiżguraw il-kontinwità tal-attivitajiet fi ħdan kull dipartiment. Fil- kuntest tal-laqgħat regolari tiegħu, iċ-CMC żgura wkoll il-mogħdija ta’ informazzjoni liċ-ċellola ta’ kriżi sabiex din tkun tista’ tkun ta’ gwida fis-sitwazzjoni.

Din il-governanza tal-kriżi, b’kollaborazzjoni mill-qrib bejn id-dipartimenti u ż-żewġ qrati li jifformaw l-Istituzzjoni, ippermettiet li tittieħed azzjoni koerenti mfassla madwar tliet għanijiet paralleli u interdipendenti: is-sigurtà sanitarja tal-persunal u tal-persuni li jkollhom bżonn jidħlu fil-bini tal-istituzzjoni, il-kontinwità tal-attività ġudizzjarja, u l-appoġġ lill-persunal.

Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà sanitarja fi ħdan il-bini tal-istituzzjoni u sabiex il-persunal jiġi mħares kontra riskju ta’ kontaminazzjoni, sa mill-10 ta’ Marzu ġie deċiż li l-kompiti li setgħu jitwettqu mid- dar kellhom jitwettqu b’dan il-mod. Din is-sistema ta’ xogħol mid-dar ġiet imbagħad estiża b’mod ġeneralizzat u saret obbligatorja b’effett mit-Tnejn 16 ta’ Marzu, saħansitra qabel ma ġie ordnat il- lockdown mill-awtoritajiet nazzjonali. B’hekk, il-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja sar inaċċessibbli, ħlief għall- persuni meħtieġa jeżerċitaw funzjonijiet essenzjali li ma jistgħux jiġu eżerċitati mill-bogħod. Permezz ta’ monitoraġġ permanenti tal-evoluzzjoni sanitarja u regolamentari tas-sitwazzjoni fil-Lussemburgu u fil- pajjiżi ġirien imwettaq mid-dipartiment tas-sigurtà kif ukoll mid-dipartiment mediku, b’kooperazzjoni regolari mal-awtoritajiet Lussemburgiżi, din is-sistema ġiet aġġustata skont fażijiet differenti, bil-għan li jintlaħaq bilanċ bejn il-kundizzjonijiet sanitarji, ir-rata ta’ frekwentazzjoni tal-bini, iż-żamma tal-attività ġudizzjarja u l-ħtiġijiet tal-persunal.

Flimkien mas-sistema ta’ xogħol mill-bogħod, waħda mill-istrumenti prinċipali tal-protezzjoni tas-saħħa tal- persuni kienet id-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ protokolli sanitarji preċiżi u rigorużi. Sabiex tiżgura l-kontinwità tal-ġustizzja fl-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fetħet mill-ġdid l-awli tagħha fil-25 ta’ Mejju. B’hekk, kien meħtieġ li tiġi ġestita – minn perspettiva loġistika u ta’ sigurtà sanitarja – il- preżenza ta’ kuljum fil-bini mhux biss tal-membri tal- persunal meħtieġa għall-organizzazzjoni tas-seduti iżda wkoll ta’ avukati u ta’ aġenti ġejjin mill-Unjoni Ewropea kollha. Il-miżuri partikolarment eżiġenti implimentati (teħid tat-temperatura qabel l-aċċess fil-bini; l-ilbies obbligatorju ta’ maskra fiż-żoni komuni u matul is-seduta, osservanza ta’ distanza fiżika permezz ta’ separazzjoni tal-passaġġi fejn wieħed jimxi, diżinfettazzjoni tal-postijiet iffrekwentati, installazzjoni ta’ distributuri ta’ ġel idro alkoħoliku, screens protettivi, twaħħil ta’ sinjali, għoti ta’ informazzjoni permezz ta’ diversi komunikazzjonijiet) ippermettew li jiġi ggarantit l-ogħla livell ta’ protezzjoni għall-persuni kollha involuti, filwaqt li offrew lil dawn tal-aħħar kundizzjonijiet ta’ akkoljenza sodisfaċenti.

Il-bidu mill-ġdid tas-seduti pubbliċi kien meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz pubbliku tal-ġustizzja Ewropea. Qabel reġgħu bdew is-seduti, l-attività ġudizzjarja setgħet tinżamm bit-trattament mill-bogħod tal-kawżi b’mod partikolari permezz ta’ modalitajiet proċedurali adattati. Ir- rappreżentanti tal-partijiet ġew debitament informati dwar il-konsegwenzi proċedurali li jirriżultaw mill- kuntest ta’ kriżi u dwar il-miżuri adottati mir-Reġistri tal-qrati u permezz ta’ spazju speċifiku fis-sit internet tal-istituzzjoni.

Minn perspettiva teknika, id-dipartimenti tal- informatika tal-Istituzzjoni bdew, fi Frar, iħaffu l-programm li kien maħsub sabiex tingħata l-għodda meħtieġa għax-xogħol mill-bogħod. Il-bandwidth ġiet estiża b’10 darbiet fl-ewwel ġimgħat wara d-data tal-ewwel lockdown u sistema ta’ sigurtà audio u mbagħad ta’ vidjokonferenza tqiegħdet fi żmien qasir għad-dispożizzjoni tad-dipartimenti kollha.

Kif jiddeskrivu fid-dettall il-paġni li ġejjin, l-istituzzjoni kienet innovattiva sabiex taffronta d-diffikultajiet tal-ivvjaġġar ta’ ċerti rappreżentanti tal-partijiet. Permezz ta’ ħidma notevoli ta’ kooperazzjoni bejn id-dipartimenti, iż-żewġ qrati u r-Reġistri tagħhom, tħejjiet sistema unika ta’ parteċipazzjoni għas-seduti mill-bogħod permezz ta’ vidjokonferenza, li toffri l-interpretazzjoni simultanja potenzjalment lejn u minn l-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni.

Fl-aħħar nett, fil-kuntest ta’ ġestjoni effettiva tar- riżorsi, saret b’mod regolari assenzjazzjoni mill-ġdid temporanja ta’ ċerti membri tal-persunal li fir-rigward tal-funzjonijiet tagħhom kien hemm tnaqqis ta’ attività lejn dipartimenti oħra li, għall-kuntrarju, kienu qegħdin jaffaċċjaw żieda kbira fix-xogħol tagħhom. Din is-solidarjetà u dan l-arrikkiment reċiproku ta’ kompetenzi u ta’ esperjenzi servew ta’ għajnuna sabiex jingħelbu d-diffikultajiet u ser ikunu utli wkoll sabiex il-persunal jerġa’ lura b’suċċess lejn il-bini tal-istituzzjoni

L-aħħar għan imfittex fil-kuntest tal-ġestjoni tal-kriżi kien dak li jingħata appoġġ lill-persunal matul dan il-perijodu kollu bla preċedent u kkaratterizzat minn sitwazzjonijiet personali diffiċli.

Ingħatat attenzjoni partikolari għall-persunal kollu, kemm jekk kienu involuti persuni milquta mill-virus jew li kienu esposti għal riskju ta’ kontaminazzjoni, persuni iżolati jew persuni li kellhom jieħdu ħsieb tfal li kellhom jibqgħu d-dar. Dawn il-persuni rċevew l-assistenza tad-dipartiment tar-riżorsi umani, tat- tobba konsulenti u tal-infermiera tad-dipartiment mediku, u tal-konsulenta psikologa. Il-kapijiet tad- dipartimenti wkoll ħadu inkunsiderazzjoni, f’approċċ ikkaratterizzat mill-premura, dawn is-sitwazzjonijiet speċifiċi sabiex jadattaw il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom min-naħa tal-persuni kkonċernati.

Barra minn hekk, sa mill-ewwel ħjiel tal-kriżi, l-istituzzjoni tat attenzjoni partikolari lill-ħtieġa li tiġi żgurata komunikazzjoni ċara, aċċessibbli, koerenti u rilevanti fir-rigward tal-persunal tagħha. Ġew stabbiliti mezzi ta’ komunikazzjoni komplementari u strutturati, kull wieħed bl-iskop partikolari tiegħu: sit intranet li jospita l-informazzjoni rilevanti kollha, messaġġi importanti mibgħuta fuq l-indirizzi professjonali u privati minn indirizz funzjonali speċifiku u permezz ta’ SMS, komunikazzjonijiet lill- persunal ta’ natura operattiva mibgħuta permezz ta’ ittra elettronika u maħsuba sabiex jagħtuh informazzjoni b’mod regolari dwar l-evoluzzjoni tas- sitwazzjoni u dwar il-miżuri ta’ appoġġ implimentati.

L-offerta ta’ taħriġ mill-bogħod (e-learning) issaħħet sabiex tippermetti lill-kollaboraturi jkomplu jiżviluppaw il-kompetenzi tagħhom. Il-membri tal-persunal f ’pożizzjoni ta’ tmexxija superjuri u intermedjarja wkoll segwew taħriġ speċifiku dwar il-ġestjoni ta’ timijiet mill-bogħod.

Inż ammu żewġ st ħarriġijiet indiriz zati, rispettivament, lill-persunal kollu u lill-membri tal-persunal f ’pożizzjoni ta’ tmexxija, sabiex tiġi evalwata l-impressjoni tagħhom tal-modalitajiet ta’ xogħol implimentati kemm bil-għan li jitwettqu ċerti aġġustamenti u kemm bil-għan li jiġu kkunsidrati l-perspettivi fuq perijodu itwal ta’ żmien tal- innovazzjonijiet implimentati fil-kuntest tal-ġestjoni tal-kriżi.

Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-qafas interistituzzjonali tal- Kulleġġ tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni tal-Istituzzjonijiet u tal-Korpi li għandhom is-Sede Tagħhom fil-Lussemburgu, sa minn Diċembru 2020 kienet diġà ġiet stabbilita bażi ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet Lussemburgiżi kompetenti sabiex l-istituzzjonijiet jikkontribwixxu, sa fejn jippermettu r-riżorsi tagħhom, għas-suċċess tal-kampanja ta’ tilqim tal-persunal tal-istituzzjonijiet.

Il-kriżi tal-pandemija u l-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tagħha fuq l-organizzazzjoni tal-Istituzzjoni wasslu għal pass ħafna iktar mgħaġġel u impressjonanti fl-evoluzzjonijiet li kienu għaddejjin jew li kienu anki sempliċement fl-istadju ta’ tfassil.

Lil hinn mill-fatt li aħna kburin li flimkien irnexxielna nżommu livell ta’ attività kważi ekwivalenti għal dak li lħaqna fil-passat, irnexxielna nkomplu bil-proġetti li kienu għaddejjin u rnexxielna noffru, fl-istess ħin, l-aħjar kundizzjonijiet ta’ sigurtà sanitarja, il-ġestjoni ta’ dan il-perijodu bla preċedent għall-istituzzjoni għandha tagħti lok għal bidliet dejjiema u pożittivi fil-mod kif nifhmu l-modalitajiet tax-xogħol, u anki r-relazzjoni tax- xogħol stess, kif ukoll il-potenzjal tal-preżenza virtwali.

Ix-xogħol mid-dar (totali jew parzjali) jikkostitwixxi realtà għall-persunal kollu b’effett mis-16 ta’ Marzu 2020. Id f ’id mal-implimentazzjoni ta’ din l-organizzazzjoni li kienet imposta miċ-ċirkustanzi, l-isfidi ta’ sitwazzjoni ġdida bdew joħorġu b’mod naturali: id-diġitalizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-flussi deċiżjonali, l-għoti ta’ prijorità lill-awtonomija tal-kollaboraturi u l-garanzija tal-kwalità tar-rendiment tagħhom, ir-reviżjoni tal-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja privata, il-kollaborazzjoni fi u mal- Istituzzjoni, il-ħolqien ta’ relazzjoni eqreb mal-interlokuturi esterni – istituzzjonijiet jew ċittadini – permezz tal- opportunitajiet li jippreżentaw it-teknoloġiji l-ġodda.

Ladarba ma jkunx għad hawn il-limitazzjonijiet marbuta mal-pandemija, l-Istituzzjoni għandha tħares ir-riżultati ta’ dawn l-iżviluppi, fil-kuntest ta’ ritorn lejn ħajja professjonali f ’kundizzjonijiet ġodda u mtejba. L-ostakoli li kellna naffrontaw huma daqstant ieħor esperjenzi li għamluna, individwalment u kollettivament, iktar b’saħħitna, responsabbli u solidali. U jekk l-istituzzjoni rnexxielha taffronta kuntest daqstant diffiċli b’suċċess, dan kien bis-saħħa tal-impenn u tal-kollaborazzjoni tal- kollaboraturi tagħha, kif ukoll tad-dedikazzjoni u tal- premura tal-membri tal-persunal f’pożizzjonijiet tat- tmexxija tagħha. Fil-futur hija ser tkun tista’ tistrieħ fuq dawn il-kwalitajiet sabiex tipprepara għar-reintegrazzjoni tal-persunal tagħha u sabiex trawwem ambjent fejn il-mobbiltà u r-responsabbiltà jkunu fost il-parametri mġedda tal-organizzazzjoni tagħha.

Alfredo Calot Escobar

Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja

ALT TEST TIMELINE COVID EN

On the 10th of March 2020, the Court of Justice took a Decision adopting a policy of generalised remote working.

On the 13th of March 2020, the Court of Justice took a Decision ordering all staff to work from home.

On the 16th of March 2020, the generalised remote working scheme was implemented.

In March 2020, the Court of Justice completed 27 cases, in comparison to 73 in 2019, and the General Court completed 26 cases, in comparison to 52 in 2019.

In April 2020, the Court of Justice completed 75 Cases, in comparison to 47 in 2019, and the General Court completed 36 cases, in comparison to 67 in 2019.

On the 25th of May 2020, the Court of Justice held its first hearing via videoconference.

In May 2020, the Court of Justice completed 49 cases, in comparison to 81 in 2019, and held 3 hearings, 2 of which were via videoconference. The General Court completed 76 cases, in comparison to 86 in 2019.

On the 30th of June 2020, the General Court held its first hearing via videoconference.

In June 2020, the Court of justice completed 74 cases, in comparison to 64 in 2019, and held 19 hearings, 3 of which were via videoconference, in comparison to 23 hearings in 2019. The General Court completed 57 Cases in comparison to 109 in 2019, and held 23 hearings, 1 of which was via videoconference, in comparison to 22 hearings in 2019.

In July 2020, the Court of Justice completed 78 cases, in comparison to 76 in 2019, and held 13 hearings, 7 of which were via videoconference, in comparison to 12 hearings in 2019. The General Court completed 87 cases, in comparison to 72 in 2019, and held 22 hearings, 2 of which were via videoconference, in comparison to 21 hearings in 2019.

In August 2020, the Court of Justice completed 7 cases, in comparison to 4 in 2019. The General Court completed 14 cases, in comparison to 1 in 2019.

In September 2020, the Court of Justice completed 91 cases, in comparison to 99 in 2019, and held 26 hearings, 7 of which were via videoconference, in comparison to 34 hearings in 2019. The General Court completed 95 cases, in comparison to 156 in 2019, and held 39 hearings, 5 of which were via videoconference, in comparison to 24 hearings in 2019.

In October 2020 the Court of Justice completed 110 cases, in comparison to 99 in 2019, and held 14 hearings, 9 of which were via videoconference, in comparison to 20 hearings in 2019. The General Court completed 109 cases, in comparison to 51 in 2019, and held 52 hearings, 8 of which were via videoconference, in comparison to 20 hearings in 2019.

In November 2020, the Court of Justice completed 58 cases, in comparison to 97 in 2019, and held 12 hearings, 8 of which were via videoconference, in comparison to 21 hearings in 2019. The General Court completed 42 cases, in comparison to 54 in 2019, and held 25 hearings, 14 of which were via videoconference, in comparison to 14 hearings in 2019.

In December 2020, the Court of Justice completed 69 cases, in comparison to 107 in 2019, and held 5 hearings, 4 of which were via videoconference, in comparison to 20 hearings in 2019. The General Court completed 88 cases, in comparison to 71 in 2019, and held 12 hearings, 8 of which were via videoconference, in comparison to 23 hearings in 2019.

B | Il-fażijiet tal-ġestjoni tal-kriżi

Fid-dawl tas-sitwazzjoni sanitarja fl-Unjoni Ewropea u fid-dawl tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet tal- Lussemburgu u minn dawk tal-Istati Membri l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, sa mill-10 ta’ Marzu, li l-kompiti li setgħu hekk jitwettqu kellhom jitwettqu mid-dar mill-persuni li kellhom iwettquhom. Fit-13 ta’ Marzu 2020, fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni sanitarja fl-Ewropa u sabiex tiġi miġġielda l-imxija tal-virus filwaqt li tinżamm l-attività ġudizzjarja tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ordnat lill-persunal tagħha jaħdem mid-dar b’effett mis-16 ta’ Marzu, ħlief għall-persuni li jeżerċitaw funzjonijiet kritiċi. Il-mira imperattiva tal-istituzzjoni kienet li tipproteġi lill-persunal tagħha u lill-parteċipanti fis-seduti, filwaqt li tillimita kemm jista’ jkun il-konsegwenzi negattivi tas-sitwazzjoni kkawżata mill-pandemija tal-Covid-19 għall-individwi u għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Ewropa. Sabiex tiżgura l-kontinwità tas-servizz pubbliku tal-ġustizzja Ewropea u t-tkomplija tal-proċeduri, l-istituzzjoni kellha taffronta sfida teknoloġika u umana bla preċedent.

Xogħol mill-bogħod b’mod iġġeneralizzat

Ir-regoli adottati f’Marzu 2020

Fuq il-bażi tal-istrutturi u tal-proċeduri li kienu diġà stabbiliti għall-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi, ittieħdu d-dispożizzjonijiet kollha sabiex tiġi evitata l-preżenza ta’ persuni fil- bini tal-Qorti tal-Ġustizzja filwaqt li l-attivitajiet tal-qrati u tad-dipartimenti setgħu jitkomplew f’kundizzjonijiet qrib kemm jista’ jkun dawk applikabbli fi żminijiet normali iżda adattati neċessarjament għaċ-ċirkustanzi eċċezzjonali.

Il-protezzjoni tal-persunal

Sa mit-13 ta’ Marzu 2020, l-Istituzzjoni ordnat lill-persunal ma jmurx fil-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief f’każijiet okkażjonali u neċessarji. L-implimentazzjoni bikrija ta’ strateġija ta’ provvista ta’ materjal informatiku ppermettiet l-offerta ta’ aċċess mill- bogħod lill-parti l-kbira tal-membri tal-persunal sa minn Marzu u, b’mod progressiv, lill-persunal kollu fil-ġimgħat ta’ wara.

It-tkomplija tal-attività ġudizzjarja

Inizjalment prevista għal perijodu sas-27 ta’ Marzu 2020, is-sospensjoni tas-seduti għas-sottomissjonijiet orali kellha tiġi estiża sal-25 ta’ Mejju minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fis-seħħ. Ir-Reġistri taż-żewġ qrati kkomunikaw mar-rappreżentanti tal-partijiet sabiex jinformawhom dwar dawn il-posponimenti u sabiex jagħtuhom preċiżazzjonijiet dwar il-modalitajiet għat- tkomplija tal-proċedura u nfetħet paġna fis-sit internet tal-istituzzjoni.

Madankollu, it-trattament tal-proċeduri ġudizzjarji urġenti ġie żgurat matul dan il-perijodu u l-kawżi li kienu fi stat li jiġu deċiżi komplew jiġu ttrattati. Bejn is-16 ta’ Marzu u l-25 ta’ Mejju, inqatgħu 51 kawża mill-Qorti Ġenerali, ingħataw 79 sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja u ġew ippreżentati 47 konklużjonijiet.

It-trattament tal-kawżi ġie adattat għaċ-ċirkustanzi: deċiżjonijiet meħuda permezz tal-proċedura bil-miktub, domandi bil-miktub indirizzati lill-partijiet, organizzazzjoni ta’ seduti għall-għoti ta’ sentenzi u għall-qari ta’ konklużjonijiet miġbura f’ġurnata waħda fil-ġimgħa, adattament tal-kundizzjonijiet tal-ftuħ ta’ kont ta’ aċċess e-Curia (applikazzjoni li tippermetti l-preżentata u n-notifika ta’ atti proċedurali b’mezz elettroniku).

Bidu mill-ġdid tas- seduti u dħul lura b’mod parzjali tal- membri tal-persunal

IR-REGOLI ADOTTATI B’EFFETT MINN MEJJU 2020


Il-bidu mill-ġdid tas-seduti għas-sottomissjonijiet orali

Is-seduti għas-sottomissjonijiet orali reġgħu bdew fil-25 ta’ Mejju 2020. Id-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja introduċew protokolli sanitarji rigorużi sabiex ikunu jistgħu jinżammu seduti fl-aħjar kundizzjonijiet ta’ sigurtà għall-atturi ġudizzjarji kollha, inkluż il-pubbliku fid-dawl tal-prinċipju ta’ seduti miftuħa għall-pubbliku.

Il-partijiet li ma setgħux jivvjaġġaw setgħu, bħala eċċezzjoni, jippreżentaw is-sottomissjonijiet orali mill-bogħod, taħt ċerti kundizzjonijiet. Għal dan il-għan, l-Istituzzjoni fasslet sistema speċifika ta’ vidjokonferenza li kienet tippermetti l-interpretazzjoni simultanja minn u lejn l-24 lingwa tal-kawża. Ġew adottati wkoll miżuri sanitarji speċifiċi fir-rigward tal-interpreti li setgħu jaħdmu fil-kabini tal-interpretazzjoni, b’persuna waħda f’kull kabina.

Massimu ta’

30%

tal-membri tal-persunal fil-bini

sabiex ikunu jistgħu jwettqu kompiti li ma setgħux jitwettqu mill-bogħod, b’mod partikolari fil- kuntest tal-bidu mill-ġdid tas-seduti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali. Ix-xogħol mid-dar baqa’ r-regola bil-għan li l-preżenza ta’ persuni fil-bini titnaqqas għal dik li hija indispensabbli għall-funzjonament tal-istituzzjoni fid-dawl tal-bidu mill-ġdid tas-seduti, jiġifieri bejn 20 u 30 % tal-membri tal-persunal.

Fil-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja kellhom jiġu osservati regoli ta’ iġjene u ta’ żamma ta’ distanza stretti ħafna, iddefiniti b’kollaborazzjoni mad-dipartiment mediku tal-istituzzjoni.

Fid-dawl tat-titjib fis-sitwazzjoni sanitarja, din is-sistema kienet temporanjament is-suġġett ta’ estensjoni b’effett mill-21 ta’ Settembru, fuq il-bażi ta’ limitu massimu, stabbilit b’kollaborazzjoni mat-tobba konsulenti tal-Istituzzjoni, tan-numru ta’ preżenzi ta’ kuljum ammessi fil-bini sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tal-protokolli sanitarji. Madankollu, is-sistema preċedenti ta’ aċċess għall-bini tal-istituzzjoni għall-finijiet biss tal-organizzazzjoni tas-seduti u tad-deliberazzjonijiet reġgħet ġiet introdotta fis-26 ta’ Ottubru minħabba d-deterjorament fis-sitwazzjoni sanitarja fil-Lussemburgu.

C | Il-bilanċ tal-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja fi żminijiet ta’ pandemija

Sabiex titwettaq l-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja fiż-żmien tal-pandemija, kienet meħtieġa l-implimentazzjoni ta’ miżuri sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tal-ġustizzja Ewropea iżda wkoll sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jibqgħu jiġu informati dwar id-drittijiet tagħhom u dwar l-azzjoni tal-qrati Ewropej. Kemm bl-iżvilupp ta’ sistema li tippermetti li tiġi offruta l-possibbiltà li jiġu ppreżentati s-sottomissjonijiet orali mill-bogħod b’interpretazzjoni simultanja u kemm bl- azzjonijiet ta’ komunikazzjoni interna u esterna, il-Qorti tal-Ġustizzja wriet inizjattiva u adattabbiltà. Peress li l-aċċess għall-bini tal-istituzzjoni kien inizjalment impossibbli u iktar tard kien suġġett għal regoli sanitarji stretti, l-attività normali taż-żjarat tal-pubbliku u tal-professjonisti kif ukoll il-konsultazzjoni fil-post tax-xogħlijiet disponibbli fil-biblijoteka saru ħafna iktar rari. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet soluzzjonijiet alternattivi.

252 seduta għal sottomissjonijiet orali

Seduti li użaw il- vidjokonferenza (bejn il-25 ta’ Mejju u t-22 ta’ Diċembru)

40 quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

38 quddiem il-Qorti Ġenerali

Inżammu total ta’ 252 seduta għas-sottomissjonijiet orali (li setgħu jikkonċernaw diversi kawżi ttrattati quddiem l-istess kulleġġ ġudikanti) bejn il-25 ta’ Mejju u t-22 ta’ Diċembru 2020. Dawn kienu jinkludu 40 seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bl-intervent ta’ partijiet mill-bogħod (bejn parti waħda u erba’ partijiet) permezz ta’ vidjokonferenza u 38 seduta quddiem il-Qorti Ġenerali bl-intervent ta’ partijiet mill-bogħod (bejn parti waħda u tliet partijiet).

Il-ħajja tal-istituzzjoni u l-attività amministrattiva ma waqfux lanqas: l-Istituzzjoni laqgħet, bejn Marzu 2020 u Diċembru 2020 diversi Membri ġodda. Id-dħul fil-kariga tal-Avukat Ġenerali Franċiż, Jean Richard de la Tour, ta lok għal innovazzjoni: it-teħid tal-ġurament tiegħu sar mill-bogħod, permezz ta’ screens ħdejn xulxin, fil-preżenza tal-President Lenaerts, tal-Avukat Ġenerali Ewlieni Szpunar u tar-Reġistratur Calot Escobar. Iktar tard, irnexxielhom jiġu fil-post, sabiex jieħdu l-ġurament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Athanasios Rantos, Avukat Ġenerali Grieg fl-10 ta’ Settembru, Jan Passer, Imħallef Ċek fil-Qorti tal-Ġustizzja, u Ineta Ziemele, Imħallef Latvjana fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ottubru, dejjem bl-applikazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni sanitarja meħtieġa.

Id-dipartimenti kollha tal-istituzzjoni kellhom jadattaw il-mod ta’ komunikazzjoni interna tagħhom b’effett minn Marzu. Bl-użu tal-vidjokonferenza t-timijiet setgħu jiltaqgħu u jkomplu x-xogħol tagħhom mill-bogħod. B’hekk, bħala medja, inżammu iktar minn 150 vidjokonferenza jew awdjokonferenza fil-ġimgħa għal laqgħat interni jew interistituzzjonali.

Fir-rigward tal-komunikazzjoni esterna, il-Qorti tal-Ġustizzja implimentat sensiela ta’ azzjonijiet mill-bogħod permezz tal-użu tan-networks soċjali u tal-mezzi teknoloġiċi sabiex tilħaq kemm lill-pubbliku speċjalizzat u professjonali u kemm lill-pubbliku ġenerali u sabiex id-deċiżjonijiet tagħha jkunu jistgħu jibqgħu jirċievu diffużjoni adegwata

Matul is-sena li għaddiet, il-Qorti tal-Ġustizzja organizzat ukoll 29 avveniment protokollari bi preżenza fiżika, b’osservanza ta’ rekwiżiti partikolarment għolja, kif ukoll 5 żjarat uffiċjali u 5 udjenzi solenni. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ospitat 171 maġistrat nazzjonali. Għalkemm fil-parti l-kbira tagħhom dawn iż-żjarat seħħew qabel ġew imposti restrizzjonijiet fuq l-aċċess minħabba l-ġlieda kontra l-imxija tal-coronavirus, il-Qorti tal-Ġustizzja rnexxielha tospita ċerti avvenimenti li ma setgħux jiġu evitati (impenn solenni tal-Membri tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew fit-28 ta’ Settembru, udjenza solenni tad-dħul fil-kariga tal-Imħallfin Ineta Ziemele u Jan Passer fis-6 ta’ Ottubru) li l-iżvolġiment tagħhom kellu jiġi adattat għar- restrizzjonijiet sanitarji.

Fl-aħħar nett, il-Membri u l-persunal tal-istituzzjoni jistgħu jużaw ir-riżorsi tal-Biblijoteka, li għandha madwar 285 000 volum (fosthom 155 000 xogħol dwar, prinċipalment, id-dritt tal- Unjoni Ewropea), iktar minn 6 300 ktieb elettroniku, 490 abbonament ma’ riviżiti f’format stampat kif ukoll diversi mijiet f’format elettroniku li huma aċċessibbli permezz ta’ databases (iktar minn mija). Fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tal-ġurisprudenza, ġew ippubblikati 35 019-il dokument fil-Ġabra fl-2020. Mit-13 ta’ Marzu 2020, il-punt ta’ informazzjoni implimenta diversi mezzi għall-użu mill-bogħod tar-riżorsi fil-forma ta’ dokumenti sabiexjtikkumpensa għall- għeluq tas-sala tal-qari għall-utenti (159 diġitalizzazzjonijiet fuq talba u 724 xogħol misluf permezz tal-Biblio-drive, li huwa sistema awtomatizzata għas-self u għar-ritorn ta’ xogħlijiet).

page-s3.sub-3.region-2.graph-1.paragraph-1

page-s3.sub-3.region-2.graph-1.paragraph-2

page-s3.sub-3.region-2.graph-1.paragraph-3

Is-seduti għas-sottomissjonijiet orali mill- bogħod

B’reazzjoni għar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti mill-Istati Membri, l-Istituzzjoni żviluppat sistema ta’ vidjokonferenza li tippermetti, b’mod eċċezzjonali, lir-rappreżentanti tal-partijiet li għalihom ikun impossibbli li jivvjaġġaw fiżikament lejn il-Lussemburgu jipparteċipaw, mill-bogħod, fis-seduta b’osservanza tal-multilingwiżmu. Żewġ utenti ta’ din is-sistema jaqsmu l-esperjenza tagħhom f’dan ir-rigward.

Sottomissjonijiet orali mill-bogħod

Xhieda mill-aġent tal-gvern li tirrappreżenta lir-Repubblika tal-Latvja fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Viktorija Soņeca, Direttriċi, Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Latvja

“Huwa unur għalija li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stednitni naqsam l-esperjenza tiegħi dwar l-użu tal-vidjokonferenza fil-kuntest tas-seduti għas- sottomissjonijiet orali tal-Qorti tal-Ġustizzja filwaqt li nagħti l-impressjonijiet tiegħi dwar din is-sistema.

Nenfasizza, qabel kollox, li t-trasformazzjoni diġitali bdiet, fl- Unjoni Ewropea, ferm qabel l-2020. Madankollu, din is-sena ser tibqa’ mfakkra fl-istorja mhux biss minħabba l-COVID-19 u l-konsegwenzi tiegħu iżda wkoll għall-passi kbar li ttieħdu fid-diġitalizzazzjoni bl-użu tal-vidjokonferenza fil-kuntest tas- seduti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Dan għaliex, għalkemm il-lista tal-konsegwenzi negattivi tal- COVID-19 hija twila, il-pandemija ffaċilitat il-kisba ta’ kompetenzi diġitali u ħaffet l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali fil- ħajja ta’ kuljum. B’hekk, l-impriżi, l-istituzzjonijiet u l-individwi bdew jirrikorru għal soluzzjonijiet diġitali sabiex itejbu l-ħajja ta’ kuljum tagħhom, sabiex jaħdmu aħjar u b’mod iktar effettiv u sabiex itejbu l-komunikazzjoni mal-qrati nazzjonali u mal- Qorti tal-Ġustizzja.

Fl-2020, l-Istati Membri u l-partijiet fil-proċeduri pendenti quddiem il- Qorti tal- Ġustizzja kellhom il- possibbiltà jipparteċipaw, permezz ta’ vidjokonferenza, fis-seduti għas- sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Bis-saħħa ta’ din it-teknoloġija, l-Istati Membri u l-partijiet setgħu jesprimu l-pożizzjoni tagħhom matul is-seduti għas-sottomissjonijiet orali u setgħu jwieġbu mhux biss għall-mistoqsijiet magħmula mill- Qorti tal-Ġustizzja iżda wkoll għall-mistoqsijiet u għall-kummenti tal-partijiet u tal-Istati Membri l-oħra. Bħal fil-każ ta’ seduta għas- sottomissjonijiet orali fejn il-partijiet ikunu preżenti in situ, matul il-vidjokonferenza huwa disponibbli servizz ta’ interpretazzjoni, li huwa possibbli bis-saħħa tal-kwantita kbira ta’ xogħol min- naħa tal-interpreti sabiex jittraduċu simultanjament dak li jkun qiegħed jingħad matul is-seduta sabiex il-parteċipanti kollha jkunu jistgħu jsegwu dak li jkun qiegħed jingħad.

L-iżvolġiment tas-seduti għas-sottomissjonijiet orali ma nbidilx, filwaqt li l-aġenti tal-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-partijiet jistgħu jibqgħu fil-pajjiż tagħhom u japparteċipaw mill-bogħod. Tali possibbiltà, naturalment, għandha l-vantaġġi tagħha, bħalma huma l-kumdità, is-sigurtà u l-fatt li wieħed jiffranka l-ħin marbut mal-ivvjaġġar, kif ukoll l-iżvantaġġi tagħha, bħalma hija, pereżempju, l-impossibbiltà li wieħed jikkondividi l-atmosfera fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-esperjenza formidabbli kull darba li wieħed jidħol f’awla tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jittratta, fiżikament, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja, billi għamlet possibbli l-użu tal-vidjokonferenza għas-seduti għas-sottomissjonijiet orali, uriet li hija lesta tadatta ruħha għaċ-ċirksutanzi u li l-proċeduri għandhom jitkomplew minkejja l-kriżi sanitarja.”

L-isfidi bla preċedent tal-interpretazzjoni mill-bogħood

Xhieda ta’ Ignasi Vancells Mora, interpretu tal-konferenzi freelance

Iż-żamma ta’ seduti li fihom ċerti partijiet jintervjenu mill-bogħod kellha konsegwenzi sinifikattivi fuq ix-xogħol tal-interpreti.

Interpretu freelance tal-lingwa Spanjola li jaħdem b’mod regolari għall-Qorti tal-Ġustizzja jispjega x’kien ifisser li wieħed jaħdem bħala interpretu għall-istituzzjonijiet Ewropej, u b’mod iktar partikolari għall-Qorti tal-Ġustizzja, matul din is-sena 2020.

“Is-sena 2020 kienet sena barra minn normal għal kulħadd. Għall-interpreti kollha, il-pandemija l-ewwel nett wasslet għal waqfien totali tal-attivitajiet tagħna minħabba, b’mod partikolari, l-annullament tal-laqgħat internazzjonali. Meta reġgħu bdew dawn l-attivitajiet, il-kundizzjonijiet tax-xogħol kienu kompletament differenti. Għall-interpreti freelance, din in-‘normalità’ l-ġdida ħolqot numru ta’ diffikultajiet: kif se nivvjaġġaw, fid-dawl tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, u kif ser naħdmu f’kundizzjonijiet sanitarji u tekniċi tajbin? Il- vidjokonferenza, li issa tippermetti l-organizzazzjoni ta’ laqgħat fuq l-internet, qajmet numru sew ta’ preokkupazzjonijiet dwar l-affidabbiltà tal-konnessjonijiet mill-bogħod u dwar il-kwalità tal- ħoss, li rarament tkun ekwivalenti għal dik fl-awla. Huwa meħtieġ sforz doppju sabiex min ikun qiegħed jitkellem jinftiehem u dan iwassal sabiex wieħed jgħejja ferm iktar malajr minn qabel.

Madankollu, ikolli ngħid li, fil-każ tal-Qorti tal-Ġustizzja, il- konnessjonijiet mill-bogħod matul is-seduti huma ġeneralment ta’ kwalità tajba. Naturalment, huwa impossibbli li tiġi ggarantita kwalità ottimali f’kull mument iżda, fil-fehma tiegħi, sar minn kollox sabiex tintlaħaq tali kwalità, b’mod partikolari permezz tat-testijiet imwettqa minn qabel mal-interpreti. Barra minn hekk, hemm skambju eċċellenti ta’ komunikazzjoni sabiex il-partijiet u l-interpreti jiġu informati bil-quddiem dwar il-bidliet marbuta mal-modalitajiet il-ġodda tax-xogħol u dwar il-preparamenti meħtieġa. L-interpreti freelance jiġu informati b’mod ċar dwar dan sa mill-konklużjoni tal-kuntratt.

L-istituzzjoni ddedikat sforzi kbar sabiex tiżgura l-aħjar kundizzjonijiet tax-xogħol possibbli. Bqajt impressjonat bis- serjetà u bir-reqqa tal-miżuri sanitarji: minbarra dak li jsir normalment, l-interpreti la jikkondivdu oġġetti (laptops, headphones), u lanqas uffiċċji.

Lanqas ma għadna nikkondividu l-istess kabina. Dan jagħmilha ħafna iktar diffiċli sabiex nikkomunikaw, jew sempliċement sabiex nisimgħu l-interpretazzjoni tal-kollegi tagħna. Dan jista’ jfixkel l-uniformità fit-terminoloġija li nużaw. Fil-fatt aħna qed ikollna nikkoordinaw dan minn qabel. Meta niltaqgħu ma’ xi diffikultà jew oħra (kwistjoni terminoloġika, problema teknika, eċċ.), huwa iktar diffiċli li ngħinu lil xulxin waqt li nkunu qegħdin ninterpretaw. Fil-każ ta’ ċerti kwistjonijiet nikkomunikaw bis- sinjali, f’każijiet oħra biċ-ċellulari jew b’messaġġi instantanji.

F’dan il-kuntest, il-preparazzjoni għas-seduta hija fundamentali u l-Qorti tal-Ġustizzja hija, barra minn hekk, l-unika istituzzjoni fejn l-interpreti freelance jiddedikaw ġurnata ta’ xogħol, bħall- interpreti permanenti. Dwar dan il-punt, prattikament, ma osservajt ebda differenza minn meta faqqgħet il-pandemija. Il-kollegi tagħna huma dejjem disponibbli, minkejja li żdied ħafna iktar l-użu tal-posta elettronika u tal-SMS u ma għadniex ikollna konverżazzjonijiet informali fil-kurituri.

Naħseb li, fil-bidu, ħafna kienu mbeżża’ u kienu qegħdin jipprovaw jipprevedu l-konsegwenzi li l-pandemija seta’ jkollha fuq il-professjoni tagħna. Iżda, ladarba għaddejna mill-qatgħa tal-ewwel mumenti, fittixna soluzzjoni u adattajna ruħna sabiex noħorġu minn dan il-perijodu diffiċli.”

Ir-relazzjonijiet mal-pubbliku

Id-djalogu mal-professjonisti tad-dritt u mal-pubbliku ġenerali kompla fl- 2020. Filwaqt li nżammu l-metodi tradizzjonali, dan id-djalogu intensifika fuq il-metodu virtwali, b’mod partikolari bis-saħħa tas-servizzi ta’ vidjokonferenza u tal-pjattaformi tan-networks soċjali.

127 grupp ta’ viżitaturi

b’total ta’ 3 729 persuna

21 żjara virtwal b’total ta’ 798 persuna

Id-Direttorat tal-Komunikazzjoni kompla juża l-mezzi ta’ komunikazzjoni tradizzjonali iżda tqiegħdet enfasi fuq użu iktar estiż tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali. Bejn is-16 ta’ Marzu u t-22 ta’ Diċembru 2020 inħarġu 142 stqarrija għall-istampa. Il-kontijiet Twitter u LinkedIn (bil-Franċiż u bl-Ingliż) tal-Qorti tal-Ġustizzja ntużaw sabiex jingħataw aħbarijiet dwar il-Qorti tal-Ġustizzja: intbagħtu 668 messaġġ fuq Twitter għall-informazzjoni tas- segwaċi. Dawn il-messaġġi kienu intiżi b’mod partikolari, minn naħa, sabiex tinġibed l-attenzjoni fuq il-kawżi prinċipali ttrattati fil-ġimgħa ta’ wara u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġu kkomunikati l-istqarrijiet għall-istampa ppubblikati.

L-organizzazzjoni taż-żjarat hija attività importanti għall-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-politika ta’ trasparenza tagħha u ta’ diffużjoni tal-għarfien fir-rigward mhux biss tal- professjonisti legali u tal-istudenti tal-liġi, iżda wkoll fir-rigward taċ-ċittadini Ewropej. Il-miżuri sanitarji introdotti b’effett minn Marzu 2020 waqqfu l-organizzazzjoni ta’ tali żjarat u l-akkoljenza tal-viżitaturi. Għalkemm in-numri globali – 127 grupp għal total ta’ 3 729 viżitatur – huma inevitabbilment inqas minn dawk tas-snin preċedenti (18 099 persuna fl-2019), il-Qorti tal-Ġustizzja rnexxielha għal darba oħra ssib mezzi ġodda sabiex tagħmel il-bini tagħha u l-attivitajiet tagħha aċċessibbli mill-bogħod. B’hekk, hija pproponiet laqgħat fuq pjattaformi diġitali mal-membri tal-persunal tal-Qorti tal- Ġustizzja li jippermettu żjara virtwali tal-kumpless tal-bini tal-Palazz, kif ukoll seminars fuq l-internet organizzati skont il-bżonn fuq jumejn, bil-parteċipazzjoni ta’ Membri, référendaires u amministraturi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kuntest ta’ dawn is-seminars fuq l-internet, 798 persuna ngħataw preżentazzjonijiet fil-kuntest ta’ 21 żjara virtwali.

Jannar 1 - Diċembru 31

ġew ippubblikati 173 stqarrija għall- istampa

2 292 verżjoni lingwistika.

702 messaġġi ppubblikati permezz ta’ Twitter u

273 messaġġ fuq LinkedIn

17 174 talba għal informazzjoni min- naħa taċ-ċittadini

Il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tad-Direttorat tal-Komunikazzjoni, ħarġet 173 stqarrija għall-istampa (b’total ta’ 2 292 verżjoni lingwistika) sabiex tinforma lill-professjonisti u lill-pubbliku ġenerali (3 366 destinatarju huma rreġistrati fil-listi għal komunikazzjoni b’ittra elettronika) dwar id-deċiżjonijiet tagħha kif ukoll dwar l-avvenimenti notevoli fil- ħajja tal-istituzzjoni. Is-sit curia.europa.eu rċieva iktar minn 6.6 miljuni żjarat u ġew ikkonsultati iktar minn 27 miljun paġna.

L-istituzzjoni kompliet tkun preżenti fuq in-networks soċjali u ħarġet 702 tweet fuq Twitter permezz taż-żewġ kontijiet tagħha bil-Franċiż u bl-Ingliż. Ġew ippubblikati wkoll 273 messaġġ fuq LinkedIn.

Fid-dawl tal-impossibbiltà li jiġu organizzati laqgħat bi preżenza fiżika bħall-ġurnata “bibien miftuħa” annwali, ġie deċiż li l-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali jintużaw sabiex il-pubbliku mad-dinja kollha jkun jista’ jiskopri l-funzjonament tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, ġew organizzati tliet avvenimenti virtwali esklużivament fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa (9 ta’ Mejju), il-Jum Ewropew tal-Ġustizzja (24 ta’ Ottubru) u l-anniversarju tal-ewwel installazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (4 ta’ Diċembru): preżentazzjonijiet ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, animazzjonijiet dwar ċerti temi tal-ġurisprudenza, sessjonijiet għal mistoqisijiet. B’konsegwenza, b’mod partikolari, ta’ dawn l-avvenimenti, in-numru ta’ segwaċi tal-Qorti tal-Ġustizzja ma waqafx jiżdied matul is-sena u qabeż id-90 000 segwaċi fuq LinkedIn u l-100 000 segwaċi fuq Twitter. Dawn it-tliet avvenimenti ġġeneraw 1 713 000 impressjoni (numru ta’ drabi li l-utenti raw it-tweet) fuq Twitter u 258 000 fuq LinkedIn.

Fl-istess ħin, ġew organizzati punti ta’ kuntatt għall-istampa fuq l-internet iddedikati għal aħbarijiet proċedurali u intiżi għall-ġurnalisti. Fil-kuntest ta’ dawn il-11-il punt ta’ kuntatt għall-istampa ġew ikkuntattjati 94 ġurnalist.

Konformement mal-leġiżlazzjoni applikabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tat aċċess għad- dokumenti amministrattivi tagħha u għall-arkivji storiċi tagħha, fil-kuntest ta’ 103 talbiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet ukoll għal 17 174 talba għal informazzjoni min-naħa taċ-ċittadini kemm dwar il-kawżi pendenti kif ukoll dwar il-ġurisprudenza, il-funzjonament tal-Qorti tal-Ġustizzja jew il-kompetenzi tagħha.

Fl-aħħar nett, in-Netwerk Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea, maħluq f’Marzu 2017 fl- okkażjoni tas-60 anniversarju tat-Trattati ta’ Ruma u li jiġbor fi ħdanu l-qrati kostituzzjonali u supremi tal-Istati Membri, iltaqa’ diversi drabi permezz ta’ vidjokonferenza fil-kuntest ta’ żewġ gruppi tematiċi “Innovazzjoni” u “Terminoloġija legali”. Dawn il-laqgħat servew bħala kuntest għal skambju ta’ informazzjoni dwar l-użu ta’ teknoloġiji ġodda insostenn tal-attività ġudizzjarja u għal kondiviżjoni ta’ riżorsi ta’ traduzzjoni li jistgħu jintużaw mill-qrati nazzjonali.

Il-kontribut tad-Direttorat Ġenerali tal-Multilingwiżmu għall-kontinwità tal-funzjonament tal-istituzzjoni

Minn Thierry Lefèvre, Direttur Ġenerali tal-Multilingwiżmu

Il-multingwiżmu għandu rwol ċentrali għall- iżvolġiment tal-proċeduri ġudizzjarji quddiem il- Qorti tal-Ġustizzja. Li kieku dan ma kienx hekk, iċ- ċittadin ma jkunx jista’ jkollu aċċess għall-ġustizzja Ewropea u għall-ġurisprudenza, minkejja li din tagħti lok għal drittijiet u obbligi. B’hekk, meta affaċċat bl-emerġenza brutali tal-kriżi sanitarja, id-Direttorat Ġenerali tal-Multilingwiżmu (id-DĠM) kellu jiżgura l-missjoni fdata lilu filwaqt li jħares is-sigurtà tal-membri tal-persunal.

Fil-prattika, filwaqt li l-pandemija kompliet tinfirex, l-ewwel xhur tas-sena għaddew mingħajr diffikultà. Sa mill-aħħar ta’ Frar, id-DĠM attiva ċ-ċellola operattiva ta’ kriżi u beda jikkunsidra l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ kontinwità tiegħu, b’koordinazzjoni mill-qrib mad-dipartimenti l-oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja u mal-uffiċċji tal-Imħallfin u tal-Avukati Ġenerali.

Fit-13 ta’ Marzu, tliet ijiem qabel il-lockdown nazzjonali, il-membri kollha tal-persunal ġew informati li kien ser ikollhom joħorġu mill-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-prijorità assoluta ngħatat lill-protezzjoni sanitarja tal-kollegi u lill-prevenzjoni tat-tixrid tal-virus. Ladarba ġie żgurat dan l-għan doppju, kien l-għan tal- kontinwità tas-servizz li ggwida l-azzjoni tad-DĠM. Jekk l-isfida inizjali kienet marbuta mal-aġilità u mal-kreattività meħtieġa sabiex jiġu ġestiti l-aspetti speċifiċi ta’ din il-kriżi, wara kien meħtieġ sforz fit-tul minħabba t-tul mhux mistenni, li barra minn hekk għadu ma huwiex ċert, ta’ din il-kriżi.

Fir-rigward speċifikament tat-traduzzjoni legali, l-għanijiet kollettivi kif ukoll individwali ħadu inkunsiderazzjoni, inizjalment, il-lockdown u, meta kienet titlob is-sitwazzjoni, is-sitwazzjoni personali tal-membri tal-persunal tad-Direttorat Ġenerali (iżolament, tfal id-dar, tagħmir tal-informatika, eċċ.). Il-kriżi kellha portata ġenerali u l-pressjoni provviżorja fuq il-kapaċità ġiet ikkumpensata permezz ta’ tnaqqis fid-domanda għal traduzzjonijiet. Gradwalment, il-miżuri organizzattivi u l-isforz ta’ kulħadd, flimkien mal-vantaġġi misluta minn investiment kontinwu f’teknoloġiji ġodda u f’esternalizzazzjoni ottimizzata, ippermettew li terġa’ tiġi stabbilita l-kapaċità ta’ produzzjoni. Ta’ min jingħad li l-kontinwità tas-servizz fl-ebda mument ma kienet kompromessa.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni, il-kwistjoni tal-kontinwità kellha aspetti differenti. Fil-fatt, is-seduti kellhom jiġu annullati jew posposti għal data sussegwenti għall-25 ta’ Mejju. Għaldaqstant, il-perijodu bejn it-13 ta’ Marzu u l-25 ta’ Mejju ntuża sabiex jiġi stabbilit protokoll għas-seduti, intiż li jiżgura s-sigurtà sanitarja tal-atturi kollha. Dan kien jinvolvi miżuri bħal, pereżempju, il- limitazzjoni fl-okkupazzjoni ta’ kull kabina ta’ interpretazzjoni għal interpretu wieħed. Barra minn hekk, fid-dawl tad-diffikultajiet marbuta mal-ivvjaġġar li kienu għadhom qegħdin jaffaċċaw ir-rappreżentanti tal-partijiet, ġiet implimentata sistema għall- parteċipazzjoni fis-seduti mill-bogħod. Dan ippermetta li jiġi evitat il-posponiment ta’ numru kbir ta’ seduti. Din in-novità kienet tirrappreżenta sfida teknika, konjittiva u organizzattiva kbira, li d-DĠM affaċċa b’suċċess. Fl-aħħar nett, id- dipartiment tal-interpretazzjoni adatta ruħu wkoll għall-waqfien fis-seduti billi ffoka fuq diversi kompiti marbuta mat-taħriġ u mal- perfezzjonament professjonali (korsijiet tal-lingwi, eżerċizzji ta’ interpretazzjoni u skambji lingwistiċi fuq l-internet), kif ukoll fuq il-promozzjoni tal-professjoni ta’ interpretu fil-qasam tad-dritt (seminars fuq l-internet u sessjonijiet ta’ taħriġ lingwistiku).

B’hekk, id- DĠM approfitta mill-impenn u mis-sens ta’ responsabbiltà muri mill-membri tal-persunal tiegħu, mill- għajnuna reċiproka u mill-kontribut determinanti ta’ teknoloġiji ġodda sabiex jorganizza l-kontinwità tas-servizzi ta’ traduzzjoni legali u ta’ interpretazzjoni.

Fl-aħħar nett, il-kapaċità ta’ adattament tad-DĠM ġiet riflessa fid-diġitalizzazzjoni tal-flussi, fl-organizzazzjoni ta’ taħriġ u ta’ laqgħat mill-bogħod, inkluż sabiex tinżamm ċerta ħbiberija u kuntatt soċjali indispensabbli għall-benesseri ta’ kulħadd, u politika ta’ informazzjoni regolari tal-membri tal-persunal permezz ta’ ittri elettroniċi mid-Direttur Ġenerali jew ta’ ittri b’informazzjoni.

Ir-riżultat huwa riflessjoni tal-isforzi magħmula. Fil-fatt, fl- 2020, u bis-saħħa tal-impenn muri mill-atturi kollha, is-seduti għas-sottomissjonijiet orali ppjanati setgħu jiġu interpretati u t-traduzzjonijiet meħtieġa setgħu jitwettqu. B’hekk, il- multilingwiżu komplet seta’ jiġi żgurat, fl-interess kemm tal- partijiet quddiem il-qorti kif ukoll taċ-ċittadini, b’mod kważi normali matul din is-sena tant diffiċli għal kulħadd.

It-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-isfida ppreżentata mill-pandemija

Minn Raluca Peica, Direttriċi tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni

Is-sena 2020 ser tibqa’, għad-Direttorat tat- Teknoloġiji tal-Informazzjoni (id-DTI), sena kkaratterizzata minn bżonn ta’ reattività u ta’ adattament eċċezzjonali, li jagħmel din is-sena waħda storika.

Hekk kif tħabbar li kulħadd kellu jaħdem mid-dar, il- prijorità prinċipali kienet li d-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja jingħataw il-possibbiltà li jkomplu jaħdmu bl-iktar mod effettiv possibbli minkejja l-kuntest ta’ lockdown.

Qabel l-adozzjoni tal-ordni, mogħtija fit-13 ta’ Marzu 2020 lill- persunal, li x-xogħol għandu jitwettaq mid-dar, aħna konna diġà tajna lit-timijiet li joffru assistenza t-tagħmir meħtieġ sabiex iwieġbu t-telefonati mid-dar tagħhom. B’mod antiċipat, diversi jiem qabel id-deċiżjoni li jiġi ġġeneralizzat ix-xogħol mid-dar għall-membri kollha tal-persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja, nofs il-membri tal-persunal tal-help desk kienu diġà qegħdin jaħdmu mid-dar, u b’hekk konna f’pożizzjoni li nivverifikaw li l-assistenza kienet tiffunzjona tajjeb fil-kuntest tax-xogħol mid-dar u kienet lesta tgħin lill-utenti li kellhom jibdlu l-post tax-xogħol tagħhom mil-lum għal għada. Sabiex l-utenti kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja seta’ jkollhom kompjuter tax-xogħol li jippermettilhom jaħdmu mid-dar daqslikieku qegħdin l-uffiċċju, ħaffifna, sa minn Frar, il-programm ta’ mobbiltà li kien diġà għaddej u tajna tagħmir lil dawk kollha li ma kienx għad għandhom it-tagħmir neċessarju.

Ftit jiem wara li beda l-lockdown, żidna b’10 darbiet il-kapaċità tal-linji tal-internet tagħna sabiex naqdu ż-żieda fenomenali fil-bżonnijiet ta’ konnessjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u barra. Dan seta’ jsir bis-saħħa tal-isforz tad-dipartimenti involuti, li għamlu minn kollox sabiex din l-operazzjoni twettqet fi żmien qasir ħafna.

Il-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni kienu l-prinċipji li ggwidaw l-attività tagħna matul il-kriżi marbuta mal-Covid-19, kemm għax-xogħol ġudizzjarju u kemm għax-xogħol amministrattiv, internament u esternament. L-iktar proġetti viżibbli huma s-servizz il-ġdid ta’ vidjokonferenza sigura, li ppermetta l-organizzazzjoni ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konferenzi tal-awli (15 fil-ġimgħa) kif ukoll tal-laqgħat tad-direttorati tal-istituzzjoni (150 fil-ġimgħa). Dan is-servizz ippermetta wkoll lill-Qorti tal- Ġustizzja u lill-Qorti Ġenerali jżommu 77 seduta b’partijiet li jipparteċipaw mill-bogħod.

Il-kriżi tal-Covid-19 ma ħolqitx biss sfidi iżda tatna wkoll l-opportunità nħaffu t-trasformazzjoni diġitali li kienet diġà nbdiet fi ħdan l-istituzzjoni. B’hekk, wara li inizjalment iffokajna r-riżorsi tagħna fuq l-istabbiltà tas-servizzi tal-informatika u tat-telekomunikazzjoni fil-kuntest tal-kriżi, aħna komplejna bl-attivitajiet u bil-proġetti l-oħra tagħna b’ritmu normali, filwaqt li adattajnihom għall-ħtiġijiet il-ġodda maħluqa mill-kriżi, bħal pereżempju t-tisħiħ tal-awtonomija tal-utenti fir-rigward tal- għodda għax-xogħol mid-dar. Minkejja s-sitwazzjoni ta’ kriżi, aħna komplejna bix-xogħol tagħna fil-qasam tat-trasformazzjoni diġitali, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tmexxija tal-proġett ta’ sistema integrata għall-ġestjoni tal-kawżi (SIGA), kif ukoll fir-rigward tal-programmi ta’ stabbiltà operattiva.

B’hekk, għad-DTI, is-sena 2020 ma kinitx sena fejn żamm l-istatus quo iżda kienet sena ta’ adattament u ta’ żvilupp.