A | Sena f’ritratti

13 TA’ JANNAR

Impenn solenni tal- Kummissjoni ta’ von der Leyen

Matul seduta solenni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-President Ursula von der Leyen u l-Membri l-ġodda tal-Kummissjoni Ewropea jieħdu l-impenn solenni previst fit-Trattati, fil-preżenza tal-Altezza Rjali Tiegħu l-Gran Duka Henri de Luxembourg, tal-President tal- Kamra tad-Deputati tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, Fernand Etgen, u tal-Prim Ministru tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, Xavier Bettel. Fid-diskors tiegħu, Koen Lenaerts, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, fakkar li l-impenn solenni jirriżulta minn prassi ferm stabbilita u huwa simbolu tal-Unjoni ta’ dritt li tikkostitwixxi l-Unjoni Ewropea.

17 TA’ JANNAR

Tressiq tal-kawżi Junqueras i Vies et vs Il-Parlament

Il-Qorti Ġenerali għandha tagħti deċiżjoni, f’diversi kawżi marbuta mal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019, dwar rikorsi ppreżentati minn persuni eletti, fosthom C. Puigdemont i Casamajó u O. Junqueras i Vies (T-100/20, T-115/20, T-613/20).

27 TA’ JANNAR

Laqgħa maċ-CCBE

Delegazzjoni tal-Conseil des barreaux européens (il-Kunsill tal-Kmamar tal-Avukati Ewropej, iċ-CCBE) tiltaqa’ ma’ Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali għal skambju dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni marbuta, b’mod partikolari, mal-aspetti proċedurali tal- funzjonament tal-qrati tal-Unjoni. Iċ-CCBE jirrappreżenta l-kmamar tal-avukati ta’ 45 pajjiż (jiġifieri iktar minn miljun avukat Ewoprew).

29 TA’ JANNAR

Installazzjoni fil- Qorti tal-Ġustizzja ta’ skultura ta’ Herodotus u ta’ Thucydides

Il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ skultura b’żewġ uċuħ li jirrappreżentaw iż-żewġ storiċi Griegi Herodotus u Thucydides, li qegħdin iħarsu f’direzzjonijiet opposti. Ir-riproduzzjoni, tal-irħam, tal-mudell tal-bronz li jmur lura għall-aħħar tar-raba’ seklu qabel Kristu, tagħmel parti mill-kollezzjoni Farnese u hija mislufa mill-Mużew Arkeoloġiku ta’ Napoli. Herodotus huwa magħruf bħala l-ewwel storiku li bbaża ruħu fuq investigazzjoni fiżika u Thucydides bħala l-ewwel storiku li fassal ir-rendikonti storiċi tiegħu b’ċerta rigorożità, fuq il-bażi tar- raġuni.

31 TA’ JANNAR

Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea

47 sena wara l-adeżjoni tiegħu mal- Unjoni Ewropea, il-ħruġ tar-Renju Unit isir effettiv f’nofsillejl. Il-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ kompetenti sabiex tisma’ kull proċedura mressqa minn jew kontra r-Renju Unit u sabiex tagħti deċiżjoni preliminari fuq it-talbiet imressqa mill-qrati tar-Renju Unit qabel it-tmiem tal- perijodu tranżitorju fl-aħħar tal-2020.

6 TA’ FRAR

Ċerimonja ta’ tluq

Il-Qorti Ġenerali torganizza ċerimonja fl-okkażjoni tal-waqfien mill-kariga, b’konsegwenza tal- Brexit, ta’ Ian Steward Forrester, Imħallef mill-2015 sal-2020.

12 TA’ FRAR

Ċerimonja ta’ tluq

Il-Qorti tal-Ġustizzja torganizza ċerimonja fl-okkażjoni tal-waqfien mill-kariga, b’konsegwenza tal- Brexit, ta’ Christopher Vajda, Imħallef mill-2012 sal-2020.

13 TA’ FRAR

Teħid ta’ ġurament minn żewġ Membri tal-Qorti tal-Awdituri u mill-Ombudsman Ewropea

Matul udjenza solenni, il-Qorti tal- Ġustizzja tisma’ l-ġurament solenni meħud minn François-Roger Cazala (Franza) u Joëlle Elvinger (il-Lussemburgu), Membri ġodda tal-Qorti tal-Awdituri, u minn Emily O’Reilly (l-Irlanda), l-Ombudsman Ewropea, fl-okkażjoni tat-tiġdid tagħha fil-kariga, li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa, fl-interess ġenerali tal-Unjoni.

16 TA’ MARZU

Mill-bogħod...iżda dejjem flimkien

Sabiex tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-imxija tal-pandemija tal- Covid-19 u sabiex tipproteġi lill- membri tal-persunal tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja timplimenta x-xogħol mill-bogħod b’mod ġeneralizzat. Bl-eċċezzjoni tal-persuni meħtieġa jeżerċitaw funzjonijiet kritiċi, il-bini tal-Istituzzjoni jsir inaċċessibbli għall- membri tal-persunal u għall-viżitaturi.

16 TA’ MARZU

Tressiq tal-kawża Lufthansa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tivverifika jekk id-Direttiva dwar l-użu tad-data personali tal- passiġġieri tal-ajru inkluża fil- fajls tal-passiġġieri (PNR) għall- prevenzjoni u għall-iskoperta b’mod partikolari ta’ reati terroristiċi hijiex kompatibbli mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (C-148/20 , C-149/20 u C-150/20).

23 TA’ MARZU

Dħul fil-kariga ta’ Avukat Ġenerali ġdid

Jean Richard de la Tour (Franza) jinħatar Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja, minflok Yves Bot. Fid-dawl tal-kriżi sanitarja, it-teħid tal-ġurament jinżamm mill-bogħod, permezz ta’ vidjokonferenza, fil- preżenza tal-President, tal-Avukat Ġenerali Ewlieni u tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24 TA’ MARZU

Tressiq tal-kawża Tartu Agro vs Il-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali

Il-kumpannija agroalimentari Estonjana Tartu Agro tipprova tikseb l-annullament tad-deċiżjoni tal- Kummissjoni li tikkonkludi li l-Istat Estonjan kien implimenta għajnuna mill-Istat illegali billi ta b’kera lil din il-kumpannija artijiet agrikoli, bi ħlas ta’ kera inqas mill-prezz tas-suq. B’mod parallel, digriet ta’ miżuri provviżorji jissospendi l-ħlas lura tal-ammont minħabba l-kriżi sanitarja marbuta mal-Covid-19. Il-kumpannija tinvoka l-konsegwenzi finanzjarji tal-pandemija u r-riskju, fil-każ li tħallas lura l-ammont, li jkollha twaqqaf l-attività tagħha, b’konsegwenzi għas-sigurtà tal-ikel tal-Istat Membru (T-150/20).

26 TA’ MARZU

L-ewwel sentenzi mogħtija taħt lockdown

B’effett minn din id-data, minħabba l-kriżi sanitarji, l-għoti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali u l-qari tal-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali jkunu s-suġġett ta’ seduta waħda fil-ġimgħa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

2 TA’ APRIL

Sentenza fil-kawża Coty Germany vs Amazon

Is-sempliċi ħażna f’Amazon- Marketplace ta’ prodotti li jippreġudikaw dritt tat-trade mark ma tikkostitwixxix ksur minn Amazon tad-dritt tat-trade mark (C-567/18).

23 TA’ APRIL

Sentenza fil-kawża NH vs Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI

Id-dikjarazzjonijiet omofobiċi magħmula minn persuna li għandha influwenza determinanti fuq il-politika ta’ reklutaġġ ta’ persuna li timpjega jikkostitwixxu diskriminazzjoni fil-qasam tal- impjieg u tax-xogħol. Assoċjazzjoni tista’ tiftaħ kawża għad-danni, u dan anki jekk ma tkun tista’ tiġi identifikata ebda persuna li tkun ġarrbet dannu (C-507/18).

1 TA’ MEJJU

Tressiq tal- kawża Ryanair vs Il-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali

L-ewwel rikors, minn sensiela twila, ippreżentat mill-kumpannija Ryanair kontra deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li japprovaw l-għajnuna mogħtija minn diversi Stati Membri lil ċerti kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal- pandemija tal-Covid-19 (T-238/20).

9 TA’ MEJJU

Jum l-Ewropa fuq in-networks soċjali

Fl-okkażjoni tal-anniversarju tad- “dikjarazzjoni Schuman”, il-Qorti tiċċelebra, b’mod virtwali, Jum l-Ewropa bis-saħħa tan-networks soċjali, permezz tal-pjattaformi Twitter u LinkedIn. Il-Qorti tal- Ġustizzja twieġeb għall-mistoqsijiet taċ-ċittadini u tistedinhom, sabiex jifhmu aħjar l-attivitajiet tagħha, jaraw il-videos li jispjegaw ir-rwol tagħha u l-ġurisprudenza tagħha fis-sit YouTube.

25 TA’ MEJJU

Ftuħ mill-ġdid tal- awli

Is-seduti għas-sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jerġgħu jibdew. Parti mill-membri tal-persunal jerġgħu lura fil-bini tal-istituzzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jwettqu kompiti li ma setgħux isiru mill- bogħod. L-iktar miżuri sanitarji stretti jiżguraw l-iżvolġiment tajjeb tas-seduti.

25 TA’ MEJJU

L-ewwel seduta tal- Qorti tal-Ġustizzja b’vidjokonferenza

Il-Qorti tal-Ġustizzja żżomm l-ewwel seduta tagħha ma’ partijiet li jagħmlu intervent mill-bogħod permezz ta’ vidjokonferenza.

24 TA’ ĠUNJU

Tressiq tal-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja quddiem il- Qorti tal-Ġustizzja

Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat kontra Spanja, li d-dispożizzjonijiet tagħha dwar is- sistema legali tar-responsabbiltà tal- Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni jiksru, skont il-Kummissjoni, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (C-278/20).

30 TA’ ĠUNJU

L-ewwel seduta tal-Qorti Ġenerali b’vidjokonferenza

Il-Qorti Ġenerali żżomm l-ewwel seduta tagħha ma’partijiet li jagħmlu intervent mill-bogħod permezz ta’ vidjokonferenza.

15 TA’ LULJU

Tressiq ta’ kawża ġdida Facebook vs Ireland quddiem il- Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina jekk assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-konsumaturi humiex awtorizzati jiftħu kawża fir-rigward ta’ ksur tar-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali min-naħa ta’ pjattaformi bħal Facebook (C-319/20).

22 TA’ LULJU

Tressiq tal-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija quddiem il- Qorti tal-Ġustizzja

Permezz ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni tikkontesta l-mekkaniżmu ta’ aġġustament fir-rigward tal- allowances tal-familja applikat mill- Awstrija fir-rigward taċ-ċittadini tal- Unjoni Ewropea li jaħdmu fl-Awstrija u li uliedhom jgħixu fi Stat Membru ieħor fejn l-għoli tal-ħajja huwa meqjus li huwa inqas (C-328/20).

6 TA’ AWWISSU

Seduta fil-kawża XC

Fis-16 ta’ Lulju 2020 tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali fi proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari dwar id-diversi mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa minn Stat Membru kontra l-istess persuna. Il-konklużjonijiet ġew ippreżentati fis-6 ta’ Awwissu u s-sentenza ser tingħata fl-24 ta’ Settembru, jiġifieri erba’ xhur u nofs mit-tressiq tal-kawża (C-195/20).

14 TA’ AWWISSU

Tressiq tal-kawża Daimler AG vs Il-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali

Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kalkolu provviżorju tal- emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO
2
u dwar il-miri ta’ emissjonijiet speċifiċi tal-manifatturi ta’ vetturi u ta’ vetturi kummerċjali ħfief għas- sena 2018 (T-509/20).

10 TA’ SETTEMBRU

Dħul fil-kariga ta’ Avukat Ġenerali ġdid fil-Qorti tal-Ġustizzja

Athanasios Rantos (il-Greċja), maħtur Avukat Ġenerali minflok l-Avukata Ġenerali Eleanor Sharpston (ir-Renju Unit) jieħu l-ġurament tiegħu f’seduta pubblika tal-Qorti tal- Ġustizzja.

25 TA’ SETTEMBRU

Tressiq tal-kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Lulju 2020 (Kawżi magħquda T-778/16 u T-892/16) li kienet annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat (“ruling” fiskali) mogħtija mill-Irlanda favur il- kumpannija Apple (C-465/20).

28 TA’ SETTEMBRU

Impenn solenni mill- Membri tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

Sabiex jitfakkar b’mod solenni l-bidu uffiċjali tal-attivitajiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, tinżamm seduta inawgurali fil-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, Laura Codruţa Kövesi (ir-Rumanija), u l-prosekuturi pubbliċi Ewropej maħtura mill-Istati Membri jieħdu l-impenn solenni tagħhom li josservaw l-obbligi marbuta mal-funzjonijiet tagħhom.

6 TA’ OTTUBRU

Dħul fil-kariga ta’ żewġ Imħallfin ġodda fil-Qorti tal-Ġustizzja

Tinżamm udjenza solenni fl- okkażjoni tat-teħid ta’ ġurament u tad-dħul fil-kariga tal-Imħallfin Ineta Ziemele (il-Latvja), minflok Egils Levits, u Jan Passer (ir- Repubblika Ċeka), minflok Jiří Malenovský.

19 TA’ OTTUBRU

Żjara uffiċjali fil-Ġermanja

Delegazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tmur Karlsruhe (il-Ġermanja) fil- kuntest ta’ żjara uffiċjali, fuq stedina tal-Bundesverfassungsgericht (il- Qorti Kostituzzjonali Federali).

23 TA’ OTTUBRU

Tressiq tal-kawża Il- Litwanja vs Il-Kunsill u Il-Parlament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

L-ewwel wieħed minn sensiela ta’ rikorsi ppreżentati min- numru ta’ Stati Membri kontra diversi dispożizzjonijiet ta’ testi regolamentari li jikkostitwixxu l-“Pakkett dwar il-mobbiltà”, marbut mar-riforma fis-settur tat- trasport bit-triq (C-541/20).

24 TA’ OTTUBRU

Il-Jum Ewropew tal- Ġustizzja

Dan il-jum ilu jiġi organizzat mill-2003 sabiex iċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jifhmu aħjar id-drittijiet tagħhom u jkunu jistgħu jiġu informati dwar il-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji (ġustizzja, medjazzjoni, eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, eċċ.) u sabiex tkun iktar aċċessibbli l-ġustizzja. Għall-edizzjoni tas-sena 2020, il-Kunsill tal-Ewropa organizza u inkoraġġixxa sensiela ta’ avvenimenti virtwali. Il-Qorti tal- Ġustizzja tipparteċipa billi tinforma liċ-ċittadini dwar il-karatteristiċi prinċipali tal-funzjonament tagħha kif ukoll dwar il-kontribuzzjonijiet tal- proċedura għal deċiżjoni preliminari għall-ħajja ta’ kuljum tagħhom, fuq in-networks soċjali permezz tal- pjattaformi Twitter u LinkedIn.

30 TA’ OTTUBRU

Iż-żewġ kontijiet fuq Twitter tal-Qorti tal-Ġustizzja jaqbżu l-100 000 segwaċi

Il-Qorti tal-Ġustizzja ilha preżenti fuq Twitter sa mill-2013, permezz ta’ żewġ kontijiet, wieħed bil-Franċiż u l-ieħor bl-Ingliż, bil-għan li tikkomunika b’ħeffa u fil-qosor il-parti essenzjali tal-informazzjoni dwar il-proċeduri, is-sentenzi u l-konklużjonijiet importanti u dwar l-avvenimenti li jikkonċernaw l-istituzzjoni. Din is-sena ż-żewġ kontijiet laħqu iktar minn 100 000 segwaċi (imqabbla ma’ 81 552 fl-2019).

18 TA’ NOVEMBRU

Sentenza fil-kawża Lietuvos geležinkeliai vs Il-Kummissjoni

Il-Qorti Ġenerali tikkonferma d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa tal-kumpannija ferrovjarja nazzjonali tal-Litwanja fis-suq Litwanjan tal-ġarr tal- merkanzija bil-ferrovija (T-814/17).

2 TA’ DIĊEMBRU

Tressiq ta’ talba għal opinjoni

Il-Belġju jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti opinjoni dwar il-kompatibbiltà tal-abbozz ta’ Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija mmodernizzat mat- Trattati tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fil-qasam tas-soluzzjoni tat-tilwim (Opinjoni 1/20).

4 TA’ DIĊEMBRU

It-68 anniversarju mill-ħolqien tal- Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċelebra l-avveniment fuq in-networks soċjali, permezz tal-pjattaformi Twitter u LinkedIn, billi tipproponi liċ-ċittadini ħarsa lura lejn is- sentenzi prinċipali mogħtija fl-2020.

16 TA’ DIĊEMBRU

Sentenza fil-kawża International Skating Union vs Il- Kummissjoni

Ir-regoli tal-Unjoni Internazzjonali tal-Pattinaġġ (UIP) li jipprevedu sanzjonijiet severi kontra l-atleti li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet ta’ pattinaġġ veloċi mhux irrikonoxxuti minnha jmorru kontra r-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal- kompetizzjoni (T-93/18).

17 TA’ DIĊEMBRU

Sentenza fil-kawża Centraal Israëlitisch Consistorie van België et

Sabiex jippromwovu l-benesseri tal-annimali fil-kuntest tal-qtil ritwali, l-Istati Membri jistgħu, mingħajr ma jiksru d-drittijiet fundamentali stabbiltii fil-Karta, jimponu li l-annimal jiġi stordut minn qabel b’mod reversibbli li ma jistax jikkawża l-mewt tal-annimal (C-336/19).

22 TA’ DIĊEMBRU

Rapport tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-funzjonament tal- Qorti Ġenerali

Fil-kuntest tal-monitoraġġ tal- implimentazzjoni tar-riforma tal-arkitettura ġudizzjarja tal- Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreżenta r-rapport tagħha dwar il-funzjonament tal-Qorti Ġenerali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Ir-rapport jiffoka fuq l-effiċjenza tal-Qorti Ġenerali, in-neċessita u l-effettività taż- żieda għal 54 Imħallef, fuq l-aħjar użu u l-effettività tar-riżorsi, u fuq it-tkomplija tal-ħolqien ta’ awli speċjalizzati.

B | Sena f’ċifri

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rnexxielha żżomm, fl-2020, livell ta’ attività għoli f’kuntest ikkaratterizzat mix-xogħol mid-dar u minn restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li għamilha impossibbli li jinżammu seduti bejn is-16 ta’ Marzu u l-25 ta’ Mejju 2020. Minn wara din id-data, u b’osservanza ta’ miżuri sanitarji stretti, l-awli reġgħu fetħu l-bibien tagħhom għar-rappreżentanti tal-partijiet u għall-pubbliku, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u konformement mal-prinċipju ta’ seduti miftuħa għall-pubbliku.

Madankollu, il-miżuri ta’ lockdown u r-restrizzjonijiet intiżi sabiex titwaqqaf il-pandemija li ġew adottati mill-parti l-kbira tal-Istati Membri kellhom inevitabbilment ċertu impatt fuq l-attività soċjali u ekonomika u fuq l-attività tal- qrati tal-Istati Membri, bil-konsegwenza li kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ kawżi mressqa. B’1 582 kawża mressqa globalment quddiem iż-żewġ qrati tal-Unjoni, dan in-numru huwa inqas min-numru rekord tas-sena preċedenti (1 905), iżda huwa qrib in-numru tas-sena 2018 (1 683) u tas-sena 2017 (1 656).

Xejra simili tista’ tiġi osservata fir-rigward tal-kawżi magħluqa. In-numru tagħhom kien ta’ 1 540, li huwa inqas minn dak tal-2019 u mir-rekord tal-2018, iżda jirrappreżenta livell ta’ attività ekwivalenti għal dak tal-2017 u huwa saħansitra ogħla minn dak tal-2016. Sabiex jiġi evalwat sewwa, dan ir-riżultat għandu jitqies fid-dawl tal-fatt li ż-żewġ qrati ma setgħux iżommu seduti għal iktar minn xahrejn matul is-sena 2020.

Fl-aħħar nett, it-tul medju tal-proċeduri fil-kawżi magħluqa quddiem iż-żewġ qrati kien ta’ 15.4 xhur, l-iktar livell baxx li qatt intlaħaq. Dan huwa xhieda tat-tfittxija kontinwa sabiex jintlaħaq l-għan li tittejjeb l-effettività fil-ġestjoni tal-proċeduri.

L-istituzzjoni fl-2020

81 IMĦALLEF

11 -IL AVUKAT ĠENERALI

minn 27 Stat Membru

2 235 uffiċjali u membri oħra tal- persunal

61% 39% 1 359 1 359 nisa 876 irġiel

BAĠIT 2020 EUR 437 MILJUN

Ir-rappreżentanza tan-nisa f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà fi ħdan l-amministrazzjoni tqiegħed lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-medja ogħla tal-istituzzjonijiet Ewropej.

In-nisa jokkupaw 54% tal-pożizzjonijiet ta’ amministratur 41% tal-pożizzjonijiet ta’ tmexxija (intermedji u superjuri)

Is-sena ġudizzjarja (qrati kollha inklużi)

1 582 kawża mressqa

1 540 kawża magħluqa

2 542 kawża pendenti

159 110 atti proċedurali rreġistrati fir-reġistru miżmum mir-Reġistri

Tul medju tal-proċeduri 15.4 xhur

Il-Qorti tal-Ġustizzja 15.4 xhur

Il-Qorti Ġenerali 15.4 xhur

Perċentwali tal- atti proċedurali ppreżentati permezz ta’ e-Curia

Il-Qorti tal-Ġustizzja 79%

Il-Qorti Ġenerali 95%

kontijiet ta’ aċċess għal e-Curia 7 378 (jiġifieri żieda ta’ 12 % meta mqabbel mal-2019)

2 568 komunikazzjoni ġudizzjarja ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

e-Curia hija applikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija tippermetti lir-rappreżentanti tal- partijiet fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, kif ukoll lill-qrati nazzjonali fil-kuntest tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li jiskambjaw l-atti proċedurali mar- Reġistri b’mezzi esklużivament elettroniċi.


Ara l-video fuq YouTube

Id-dipartimenti lingwistiċi

Il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala istituzzjoni ġudizzjarja multilingwi, għandha tkun tista’ tittratta kawża tkun xi tkun il-lingwa uffiċjali tal-Unjoni li fiha tkun tressqet. Hija mbagħad tippubblika l-ġurisprudenza tagħha fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

24 lingwa tal-kawża potenzjali, jew

552 kombinazzjoni lingwistika possibbli

601 ġurista lingwista sabiex jittraduċu d-dokumenti miktuba

Volum ta’ xogħol (paġni għat-traduzzjoni) 1 145 000 paġna

Paġni prodotti mid-dipartiment tat- traduzzjoni legali 1 170 000 paġna

Riżultat tal-miżuri ta’ ffrankar adottati mill-qrati sabiex jitnaqqas il-bżonn ta’ traduzzjoni 480 000 paġna

70 interpretu għas-seduti għas-sottomissjonijiet orali u għal-laqgħat

445 seduta u laqgħa kellhom interpretazzjoni simultanja