Panorama tas-sena

Rapport annwali 2020

 
Go Down

L-implimentazzjoni, fi żmien rekord, ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi ppermettiet il-funzjonament kemm jista’ jkun normali tal-qrati u l-kontinwità tal-attività fis-servizz tal-ġustizzja Ewropea.

 

DAĦLA TAL-PRESIDENT

... minkejja d-diffikultajiet li kollha kemm aħna ltqajna magħhom fil- ħajja personali u professjonali tagħna, nixtieq nenfasizza, b’ċerta kburija, li l-adattabbiltà u d-determinazzjoni murija mill-persunal b’mod kollettiv ippermettew lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Qorti Ġenerali jiżguraw trattament effettiv tal-kawżi u jiggarantixxu l-kwalità tad-deċiżjonijiet tagħhom, fl-interess tal- individwi.

Koen Lenaerts

President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Fl-Ewropa, bħal fil-bqija tad-dinja, is-sena li għaddiet kienet ikkaratterizzata b’mod sinjifikattiv mill-pandemija tal-Covid-19, li qalbet ta’ taħt fuq il-ħajja privata u soċjali tagħna, kif ukoll l-użanzi tax-xogħol tagħna. Bis-saħħa tal-pjanijiet ta’kriżi li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ħejjiet minn qabel, kif ukoll tal-kapaċità ta’ adattament u tal-isforzi eżemplari murija mill-Membri u mill-persunal tal-istituzzjoni, din is-sitwazzjoni mhux mistennija setgħet tiġi ġestita b’mod effettiv.

L-implimentazzjoni, fi żmien rekord, ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi ppermettiet il-funzjonament kemm jista’ jkun normali tal-qrati u l-kontinwità tal-attività fis-servizz tal-ġustizzja Ewropea.

L-istituzzjoni ħadet miżuri adegwati sabiex tipproteġi l-membri tal-persunal tagħha u sabiex tevita l-imxija tal-virus fi ħdanha, u sabiex tiżgura li l-kundizzjonijiet tax-xogħol ikunu qrib il-kundizzjonijiet abitwali. Wara waqfa furzata tas-seduti bejn nofs Marzu u l-aħħar ta’ Mejju, l-istituzzjoni rnexxielha tiggarantixxi t-tkomplija tagħhom b’mod li jiżgura l-protezzjoni ta’ dawk kollha li kienu meħtieġa jipparteċipaw fihom.

L-istatistika tas-sena tirrifletti, għalkemm b’mod limitat, il-konsegwenzi tal-kriżi sanitarja. Minħabba t-tnaqqis, fl- ewwel xhur tal-pandemija, fl-attività tal-qrati nazzjonali, in-numru ta’ kawżi mressqa ma laħaqx il-livell rekord tal-2019, iżda baqa’ f’livell qrib ħafna ta’ dak tas-snin 2018 u 2017. Min-naħa tiegħu, in-numru ta’ kawżi maqtugħa naqas bi ftit bis-saħħa tad-diversi miżuri introdotti bil-għan li jiġu rrimedjati l-impossibbiltà li jinżammu s-seduti matul perijodu ta’ iktar minn xahrejn kif ukoll il-limitazzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti wara li reġgħu bdew jinżammu seduti. Huwa għalhekk notevoli li, minkejja l-kuntest ta’ kriżi ta’ din is-sena 2020, il-livell ta’ attività taż-żewġ qrati kien simili għal dak tal-2017 u saħansitra superjuri għal dak tal-2016.

Fuq il-mertu, l-iktar ġurisprudenza sinjifikattiva tas-sena, li tingħata ħarsa lejha f’din il-Panorama, tinkludi numru ta’ sentenzi importanti, b’mod partikolari fil- qasam tal-libertajiet fundamentali u tal-prinċipji stess ta’ Stat tad-dritt. Dawn is-sentenzi huma xhieda tar-rwol fundamentali li għandhom il-qrati tal-Unjoni fi ħdan is-sistema istituzzjonali Ewropea u fir-rigward kemm tal-operaturi ekonomiċi kif ukoll taċ-ċittadini.

Is-sena 2020 kienet ikkaratterizzata minn avveniment ieħor: il-ħruġ effettiv, fil-31 ta’ Jannar f’nofsillejl, tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, li ġab fi tmiemu destin komuni ta’ iktar minn 47 sena. Għall-istituzzjoni, Brexit ġab miegħu t-tluq tal-Membri Brittaniċi tagħha, iżda ma affettwax is- sitwazzjoni tal-membri tal-persunal Brittaniċi fis-servizz tagħha.

F’dan il-mument, filwaqt li nanalizzaw il-bilanċ tas-sena 2020 u minkejja d-diffikultajiet li kollha kemm aħna ltqajna magħhom fil-ħajja personali u professjonali tagħna, nixtieq nenfasizza, b’ċerta kburija, li l-adattabbiltà u d-determinazzjoni murija mill-persunal b’mod kollettiv ippermettew lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Qorti Ġenerali jiżguraw trattament effettiv tal-kawżi u jiggarantixxu l-kwalità tad-deċiżjonijiet tagħhom, fl-interess tal- individwi. Il-miżuri u l-passi implimentati sabiex jintlaħaq dan ir-riżutat servew ukoll ta’ esperjenza li minnha l-istituzzjoni ser tislet vantaġġi fil-futur, konformement mal-għan tagħha li ttejjeb b’mod kostanti s-servizz pubbliku tal-ġustizzja Ewropea.

Koen Lenaerts

President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea