Fir-rigward tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet dwar is-sistema lingwistika jinsabu fl-Artikoli 36 sa 42 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Fil-każ tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, l-istess dispożizzjonijiet jinsabu fl-Artikoli 44 sa 49 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.
Ir-Regoli tal-Proċedura taż-żewġ qrati tal-Unjoni Ewropea rripproduċew il-mekkaniżmi tal-użu tal-lingwi tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1/58, li jistabbilixxi s-sistema lingwistika tal-Unjoni Ewropea. Ir-regoli kollha l-oħra fil-qasam tal-użu tal-lingwi japplikaw mutatis mutandis għall-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni.
Għal kull kawża li titressaq quddiem il-qrati tal-Unjoni, tiġi stabbilita l-lingwa tal-kawża. Il-lingwa tal-kawża hija waħda mill-erbgħa u għoxrin lingwa uffiċjali. Fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, il-lingwa tal-kawża hija dejjem il-lingwa użata mill-qorti nazzjonali li tkun ressqet it-talba. Fir-rikorsi diretti, ir-rikorrent jista’ jagħżel il-lingwa tal-kawża. Huwa ma huwa marbut la bin-nazzjonalità tiegħu u lanqas b’dik tal-avukat tiegħu. Madankollu, meta l-konvenut ikun Stat Membru, il-lingwa tal-kawża tkun il-lingwa uffiċjali, jew waħda mil-lingwi uffiċjali, ta’ dak l-Istat. Ladarba l-lingwa tal-kawża tkun ġiet stabbilita, hija għandha tibqa’ tintuża tul il-proċedura kollha, kemm fil-proċedura bil-miktub kif ukoll f’dik orali. L-għażla tal-lingwa torbot mhux biss lill-partijiet iżda wkoll lit-“terzi li jistgħu jintervjenu fil-kawżaˮ.
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha bżonn lingwa komuni sabiex tkun tista’ tagħmel id-deliberazzjonijiet tagħha. Din il-lingwa hija tradizzjonalment il-Franċiż. Għaldaqstant, id-dokumenti kollha prodotti mill-partijiet fil-lingwa tal-kawża huma tradotti għall-Franċiż sabiex ikun jista’ jinħoloq proċess intern tax-xogħol. Madankollu, kull skambju ta’ dokumenti bejn ir-Reġistri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-partijiet għandhom ikunu dejjem imħejjija fil-lingwa tal-kawża. Din hija partikolarment importanti lejn tmiem il-kawża peress li l-unika verżjoni awtentika ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali hija dik fil-lingwa tal-kawża. Kemm is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll dawk tal-Qorti Ġenerali jiġu ppubblikati fil-Ġabra tal-Ġurisprudenza fil-lingwi kollha.
Għaldaqstant, id-Direttorat Ġenerali tal-Multlingwiżmu għandu rwol fid-djalogu bejn il-partijiet u l-qorti tal-Unjoni li jsur fil-kors tal-proċedura kollha.
Id-direttorati tat-traduzzjoni legali jiżguraw it-traduzzjoni tad-dokumenti prodotti mill-partijiet, minn kull lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Franċiż, u sussegwentement it-traduzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali fil-lingwi kollha, b’mod partikolari, fil-lingwa tal-kawża. Madankollu, l-Avukat Ġenerali b’mod ġenerali jesprimi ruħu fil-lingwa tiegħu, u l-konklużjonijiet tiegħu jiġu tradotti minn dik il-lingwa għal-lingwa tal-kawża, għall-partijiet, u għal-lingwi l-oħra kollha għall-finijiet ta’ pubblikazzjoni. Peress li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qrati nazzjonali huma mibgħuta lill-Istati Membri kollha fil-ħin li jaslu, dawn għandhom ukoll jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha.
Minħabba dan ir-rwol importanti ta’ intermedjarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikorri biss għal ġuristi. Għaldaqstant, id-Direttorati tat-Traduzzjoni Legali - li jaħdmu għaż-żewġ qrati - huma kompost minn ġuristi lingwisti, li kollha għandhom lawrea fil-liġi. L-Artikolu 42 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi wkoll li d-Dipartiment lingwistiku għandu jkun “kompost minn esperti li għandhom taħriġ ġuridiku adegwatˮ.
Fil-kors tal-proċedura orali, id-Direttorat tal-Interpretazzjoni huwa responsabbli għall-komunikazzjoni bejn il-partijiet u l-qrati. Is-seduti quddiem il-qrati tal-Unjoni jiġu pprovduti b’interpretazzjoni simultanja fil-lingwi kollha meħtieġa.
L-interpretazzjoni għandha bħala għan il-komunikazzjoni orali. Sabiex tiġi rrispettata n-natura tad-dibattitu orali, ma tistax hawnhekk tingħata traduzzjoni letterali. L-għan tal-interpretu huwa li jirriproduċi fedelment il-messaġġ tal-kelliem f’lingwa oħra dak il-ħin stess.
L-interpreti tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollhom, minbarra għarfien sħiħ tal-lingwi tagħhom tax-xogħol, għarfien tajjeb tas-suġġett li jkun ser jiġi ttrattat fis-seduta. Għaldaqstant tingħata importanza kbira ħafna lill-istudju tal-proċessi tal-proċedura. L-interpreti - marbuta b’kunfidenzjalità assoluta - għandhom aċċess sħiħ għall-proċessi tal-kawżi, u dan jiżgura li jkunu familjari mal-kwistjonijiet legali u t-terminoloġija rilevanti.
Peress li l-Franċiż huwa l-lingwa tad-deliberazzjonijiet tal-qrati tal-Unjoni, ċerti dokumenti ma humiex disponibbli f’lingwi oħra, u dan jitlob minn kull interpretu li jaħdem għall-Qorti tal-Ġustizzja jkollu għarfien tajjeb ħafna tal-Franċiż miktub.