Żjarat għal gruppi

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea taspira li tqarreb il-Qorti tal-Ġustizzja maċ-ċittadini, b’mod partikolari billi torganizza żjarat. Iż-żjarat għandhom l-għan li jippermettu fehim aħjar tar-raġuni u tar-rwol fundamentali tal-qrati tal-Unjoni u li wieħed jiskopri kif is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom impatt dirett fuq il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej.

Minn naħa, minħabba n-natura speċifika tal-attivitajiet tal-Istituzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tirċievi, fis-sede tagħha fil-Lussemburgu, gruppi speċjalizzati, bħal membri tal-ġudikatura nazzjonali, avukati, professuri tal-Università, avukati ta’ kumpanniji, eċċ. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ wkoll numru kbir ħafna ta’ viżitaturi oħra, b’mod partikolari studenti tal-liġi.

Anki jekk iż-żjarat wiċċ imb wiċċ jibqgħu l-forma rrakkomandata sabiex wieħed jiskopri l-Istituzzjoni, żjarat virtwali issa huma possibbli.

Iż-żjarat fil-Qorti tal-Ġustizzja huma limitati għal perijodi ta’ sessjoni ġudizzjarja u jsiru fil-ġranet tax-xogħol mit‑8.00 sal‑17.30.

Għal żjarat individwali jew żjarat turistiċi, jekk jogħġbok irreferi għall-paġna rilevanti.

Iż-żjarat organizzati mid-Diviżjoni Seminars u Żjarat huma mingħajr ħlas u jsiru fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea.

Fil-kuntest tas-sistema “EMAS”, id-Dipartiment taż-Żjarat tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jimpenja ruħu, għall-attivitajiet kollha tiegħu, li jaġixxi b’rispett għall-ambjent u li jtejjeb kontinwament l-azzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari billi joffri programmi virtwali u jqassam dokumentazzjoni diġitali.

Qabel ma tagħmel talba għal żjara lill-Qorti tal-Ġustizzja, mistieden taqra b’attenzjoni l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet sabiex tinkiteb u l-modalitajiet organizzattivi.

Tipi ta’ attivitajiet organizzati mid-Dipartiment taż-Żjarat

Id-Dipartiment taż-Żjarat joffri żewġ tipi ta’ attivitajiet: żjarat u seminars.

Dawn iż-żewġ attivitajiet huma disponibbli f’forma wiċċ imb wiċċ jew virtwali.

Kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni

Hija l-applikazzjoni My Visit li tippermettilek tamministra ż-żjarat wiċċ imb wiċċ u virtwali. Il-persuna responsabbli mill-grupp hija mitluba tuża din l-applikazzjoni sabiex tissottometti t-talba tagħha ta’ riżervazzjoni. Meta tagħmel it-talba tiegħek, jekk jogħġbok speċifika, fit-taqsima “kummenti”, jekk tridx format virtwali.

  • Minħabba n-natura speċifika tal-attivitajiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tingħata prijorità lill-gruppi komposti minn prattikanti tal-liġi jew minn studenti tal-liġi.
  • L-età minima tal-parteċipanti hija ta’ mhux inqas minn 18-il sena. Għat-talbiet li jikkonċernaw gruppi ta’ studenti mingħajr livell universitarju, huwa mitlub li jsir kuntatt mad-Dipartiment taż-Żjarat (formola ta’ kuntatt - taqsima żjarat organizzati).
  • Fid-dawl tal-interess li tqajjem il-Qorti tal-Ġustizzja, talba għal żjara għandha tintbagħat bejn ħames u sitt xhur qabel.
  • Iż-żjarat wiċċ imb wiċċ huma organizzati għal gruppi ta’ mhux inqas minn 7 u mhux iktar minn 35 persuna. Għal gruppi barra minn dawn il-parametri, għandu jsir kuntatt mad-Diviżjoni Seminars u Żjarat (formola ta’ kuntatt - taqsima żjarat organizzati).
  • Iż-żjarat virtwali jiġu organizzati għal gruppi ta’ mhux inqas minn 7 parteċipanti.

Elementi tal-programm għal żjarat wiċċ imb wiċċ jew virtwali

Għal żjarat wiċċ imb wiċċ kif ukoll żjarat virtwali, tista’ tagħżel l-elementi tal-programm li l-iktar jaqdu l-interessi tiegħek u l-għarfien legali tiegħek, fil-limiti tar-restrizzjonijiet ta’ ħin tiegħek.

  • Seduta għas-sottomissjonijiet orali f’kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali, ippreċeduta minn espożizzjoni tal-kawża (ġeneralment it-Tlieta, l-Erbgħa u l-Ħamis mit‑8.20 sal‑11.30; li jdum madwar 3 sigħat). Element tal-programm disponibbli biss għal żjarat wiċċ imb wiċċ!
  • Preżentazzjoni ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja / tal-Qorti Ġenerali (tul: 45 minuta)
  • Preżentazzjoni dwar ix-xogħol ta’ ġurist lingwist (tul: 45 minuta)
  • Preżentazzjoni dwar il-multilingwiżmu fil-Qorti tal-Ġustizzja (traduzzjoni, interpretazzjoni) (tul: 45 minuta)
  • Żjara tal-bibljoteka (tul: 30 minuta; 10 minuti għaż-żjarat virtwali)
  • Żjara ggwidata tal-bini (tul: 45 minuta; 30 minuta għaż-żjarat ggwidati virtwali)

Dawn l-elementi tal-programm jistgħu jintgħażlu fil-kwestjonarju li għandu jimtela fl-applikazzjoni “My Visit” (ara t-taqsima “Konnessjoni ma’ My Visitˮ). Suġġett għad-disponibbiltà tar-riżorsi materjali u umani tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Dipartiment taż-Żjarat ser jagħmel mill-aħjar sabiex josserva l-għażliet tiegħek bl-aħjar mod possibbli.

Żjarat virtwali

Żjarat virtwali huma organizzati taħt l-istess kundizzjonijiet bħal żjarat wiċċ imb wiċċ. Madankollu, id-daqs tal-grupp ma huwiex limitat għal 35 parteċipant. Inti liberu li tagħżel mill-elementi tal-programm imsemmija fil-kapitolu preċedenti sabiex tikkomponi l-programm tiegħek. Iż-żjarat virtwali jistgħu jitfasslu skont il-livell tal-għarfien u l-interess tal-grupp tiegħek. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha pjattaforma prevista għal programmi bħal dawn iżda, taħt ċerti kundizzjonijiet, id-Dipartiment taż-Żjarat jista’ wkoll jaċċetta li ż-żjara virtwali ssir permezz tal-pjattaforma tal-għażla tiegħek. Il-parteċipanti jistgħu jingħaqdu individwalment u d-Dipartiment taż-Żjarat jagħtik il-link tal-konnessjoni u, jekk meħtieġ, id-data u l-link għal test tal-konnessjoni.

Tista’ titlob żjara virtwali permezz tal-applikazzjoni “My Visit” (ara l-kapitolu “Konnessjoni ma’ My Visit”). Meta tagħmel it-talba tiegħek, jekk jogħġbok ippreċiża, fit-taqsima “kummenti”, li trid format virtwali.

F’terminu raġonevoli (mhux iktar tard minn ġimgħatejn qabel id-data), tista’ wkoll titlob li tibdel iż-żjara wiċċ imb wiċċ tiegħek fi żjara virtwali jew viċi versa.

F’każ ta’ diffikultà jew għal kwalunkwe mistoqsija relatata mal-organizzazzjoni taż-żjara tiegħek, jekk jogħġbok ibgħat messaġġ lid-Dipartiment taż-Żjarat (formola ta’ kuntatt - taqsima żjarat organizzati).

Seminars

Seminars li jsiru fuq jum wieħed jew tnejn u li joffru programmi iktar immirati skont l-interessi tal-parteċipanti jistgħu jiġu żviluppati fuq talba ta’ grupp ta’ membri tal-ġudikatura.

L-għan ta’ dawn is-seminars huwa li jikkontribwixxu għat-tixrid u l-fehim aħjar tad-dritt tal-Unjoni għal applikazzjoni aħjar tagħha. Is-seminars huma wkoll intiżi sabiex jiffaċilitaw, minn naħa, id-djalogu bejn l-imħallef nazzjonali u l-imħallef Ewropew u, min-naħa l-oħra, il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri differenti.

Is-seminars huma wkoll disponibbli f’format virtwali.

Jekk inti interessat f’din il-formula, jekk jogħġbok ikkuntattja lid-Dipartiment taż-Żjarat (formola ta’ kuntatt - taqsima żjarat organizzati) li jagħtik l-istruzzjonijiet kollha meħtieġa.

Modalitajiet organizzattivi tal-programmi wiċċ imb wiċċ

  • Il-persuna responsabbli għall-grupp ta’ viżitaturi għandha tibgħat, sa mhux iktar tard minn ġimgħatejn qabel iż-żjara, il-lista tal-parteċipanti kif ukoll id-data ta’ twelid tagħhom permezz tal-applikazzjoni My Visit. Jekk jogħġbok taqbiżx in-numru ta’ parteċipanti miftiehma mingħajr ma l-ewwel tikkuntattja lid-Dipartiment taż-Żjarat bil-miktub.
  • Id-Dipartiment taż-Żjarat jikkomunika l-programm propost bejn wieħed u ieħor ġimgħatejn qabel u l-programm definittiv madwar ġimgħa qabel iż-żjara, permezz tal-ispazju personali My Visit tal-persuna ta’ kuntatt.
  • Dakinhar taż-żjara, il-grupp ta’ viżitaturi huwa mitlub jippreżenta ruħu fid-daħla u fil-ħin indikati fil-programm. Huwa mitlub li tiġi osservata puntwalità stretta. Għandha tinġibed l-attenzjoni tal-viżitaturi fir-rigward tad-densità tat-traffiku fit-toroq fil-Lussemburgu, li ta’ spiss twassal għal traffiku wieqaf filgħodu fuq l-awtostradi u fit-toroq tal-belt kapitali tal-pajjiż.
  • Minħabba miżuri ta’ sigurtà, il-viżitaturi kif ukoll il-basktijiet tagħhom u oġġetti personali oħra se jkollhom jgħaddu minn metal detector.
  • Skont is-sitwazzjoni sanitarja, il-kontroll taċ-ċertifikat sanitarju jista’ jkun meħtieġ.
  • Il-viżitaturi huma mitluba jirrispettaw l-indikazzjonijiet tas-sigurtà u r-regoli ta’ mġiba.
  • Gwida tad-Diviżjoni Seminars u Żjarat tilqa’ l-grupp ta’ viżitaturi fid-daħla tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-persuna takkumpanja u tieħu ħsieb il-grupp matul iż-żjara kollha tiegħu fil-Qorti tal-Ġustizzja. Il-persuni responsabbli għall-gruppi għandhom ukoll jieħdu ħsieb li l-grupp ta’ viżitaturi jibqa’ flimkien u għandhom jassistu lill-gwida.
  • Kull parteċipant huwa mitlub iġib miegħu l-karta tal-identità, il-passaport jew il-liċenzja tas-sewqan tiegħu.
  • Bħala prinċipju, l-aċċess għas-self-service jew għall-kafetterija tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa rriżervat għall-persunal.
  • Fi tmiem iż-żjara tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-persuna responsabbli għall-grupp tintalab timla formola għall-evalwazzjoni taż-żjara, disponibbli fuq l-internet fl-indirizz:

https://ec.europa.eu/eusurvey/runner/MY_Visit_Evaluation

  • Jekk jogħġbok żomm nota tal-fatt li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tirriżerva d-dritt li tikkanċella żjara ppjanata.
  • Id-Dipartiment taż-Żjarat jibgħat lill-persuna responsabbli mill-grupp il-link tal-konnessjoni u, jekk meħtieġ, id-data u l-link għal test tal-konnessjoni.
  • Il-persuna responsabbli mill-grupp timpenja ruħha li tittrasmetti lill-parteċipanti kwalunkwe informazzjoni li tirċievi (programm, link tal-konnessjoni, data tat-test tal-konnessjoni).
  • Il-persuna responsabbli mill-grupp hija mistiedna tispeċifika n-numru ta’ konnessjonijiet mistennija; għal dan il-format ta’ żjara, mhux meħtieġ li tagħti l-ismijiet jew id-dati tat-twelid tal-parteċipanti.
  • Il-persuna responsabbli mill-grupp jiżgura l-kompożizzjoni tal-grupp u jimpenja ruħu li jqassam il-link tal-konnessjoni biss lill-viżitaturi miftiehma.
  • Id-Dipartiment taż-Żjarat jikkomunika l-programm propost bejn wieħed u ieħor ġimgħatejn qabel u l-programm definittiv madwar ġimgħa qabel iż-żjara, permezz tal-ispazju personali My Visit tal-persuna ta’ kuntatt.
  • Fil-jum taż-żjara, il-viżitaturi huma mitluba josservaw l-iktar puntwalità stretta.
  • Kollaboratur mid-Diviżjoni Seminars u Żjarat jieħu ħsieb il-programm virtwali u jiżgura l-iżvolġiment tajjeb tiegħu.
  • Fi tmiem iż-żjara tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-persuna responsabbli għall-grupp tintalab timla formola għall-evalwazzjoni taż-żjara, disponibbli fuq l-internet fl-indirizz:

Modalitajiet organizzattivi tal-programmi virtwali

 https://ec.europa.eu/eusurvey/runner/MY_Visit_Evaluation

  • § Jekk jogħġbok żomm nota tal-fatt li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tirriżerva d-dritt li tikkanċella żjara ppjanata.

Talba għal żjara lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea / Konnessjoni ma’ My Visit

Hija l-applikazzjoni My Visit li tippermettilek tamministra ż-żjarat wiċċ imb wiċċ u virtwali. Il-persuna responsabbli mill-grupp hija mitluba tuża din l-applikazzjoni sabiex tissottometti t-talba tagħha ta’ riżervazzjoni. Meta tagħmel it-talba tiegħek, jekk jogħġbok speċifika, fit-taqsima “kummenti”, jekk tridx format virtwali.

Sabiex tuża l-applikazzjoni, huwa meħtieġ li jkollok indirizz elettroniku validu u trid toħloq l-ispazju personali tiegħek. Permezz tal-ispazju personali tiegħek, tista’:

  • toħloq il-gruppi tiegħek ta’ viżitaturi sabiex tkun tista’ terġa tużahom mill-ġdid fil-każ ta’ żjarat oħra fil-futur;
  • tara d-dati disponibbli għal żjarat qabel ma tagħmel talba;
  • tagħżel elementi tal-programm għaż-żjara tiegħek.

Ladarba tkun ressaqt it-talba, tista’, billi tikkonnettja mal-ispazju personali tiegħek:

  • issegwi l-ipproċessar tat-talba tiegħek għal żjara;
  • temenda ċerta informazzjoni fit-talba tiegħek għal żjara qabel ma tivvalidaha;
  • tikkonsulta jew tipprintja informazzjoni dwar il-fajl tiegħek taż-żjara;
  • iżżomm l-informazzjoni taż-żjarat preċedenti tiegħek.

Jekk għandek xi problemi bl-użu l-applikazzjoni My Visit, inti tista’ tikkonsulta l-manwal disponibbli fuq l-internet billi tagħfas fuq “?” jew tuża’ l-formola ta’ kuntatt – taqsima żjarat organizzati.

Konnessjoni ma’ My Visit

Jekk ma għandekx indirizz tal-posta elettronika, jekk jogħġbok mur fuq Kuntatt.

Żjarat iggwidati tal-bini u tax-xogħlijiet ta’ arti (Art’ tour)

Permezz tal-għotjiet u s-self mill-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija d-depożitarja ta’ kollezzjoni ta’ xogħlijiet ta’ arti rappreżentattiva tal-patrimonju kulturali Ewropew. L-intervent arkitettoniku ta’ Dominique Perrault fil-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja għamilha possibbli li din tiġi mqassma mill-ġdid u li tiġi enfasizzata. Id-Dipartiment taż-Żjarat tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE torganizza, f’intervalli regolari, żjarat iggwidati b’xejn li jippermettu li tiġi apprezzata din il-kollezzjoni artistika fil-kuntest ta’ arkitettura emblematika.

Dawn iż-żjarat huma organizzati, skont skeda ddefinita minn qabel (ara t-tabella), bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż, fil-limitu ta’ 20 viżitatur kull darba. Persuni interessati huma ġentilment mitluba jirreġistraw mill-inqas jumejn ta’ xogħol qabel billi jużaw il-formola ta’ reġistrazzjoni. Kull viżitatur li jirċievi konferma jiġi mistieden jippreżenta ruħu fid-daħla ddedikata għall-viżitaturi (mappa), flimkien ma’ dokument tal-identità, 15‑il minuta qabel il-bidu taż-żjara.

Jistgħu jiġu organizzati żjarat iggwidati supplimentari, esklużivament għal gruppi (komposti minn mhux inqas minn 7 persuni) fuq talba mressqa lid-Dipartiment taż-Żjarat (formola ta’ kuntatt – taqsima żjarat organizzati).