Indikazzjonijiet ta’ sigurtà u regoli ta’ mġiba

Il-viżitaturi fil-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja huma mitluba josservaw l-indikazzjonijiet ta’ sigurtà u r-regoli ta’ mġieba li ġejjin:

  • Minħabba l-kontrolli ta’ sigurtà, il-viżitaturi huma mitluba josservaw bir-reqqa’ kollha l-ħinijiet taż-żjara.
  • Matul iż-żjara tagħhom fil-Qorti tal-Ġustizzja, il-viżitaturi huma mitluba jġibu ruħhom b’mod diskret u dinjituż, kif ukoll jilbsu lbies xieraq.
  • Il-viżitaturi li jassistu għal seduta pubblika huma mistiedna jieħdu posthom fis-sala tas-seduta qabel ma tibda s-seduta; id-dħul jew il-ħruġ mis-sala matul is-seduta ma huwiex permess. Matul is-seduta għat-trattazzjonijiet orali, il-viżitaturi għandhom ikunu siekta. Il-konsum ta’ ikel u xorb ma huwiex permess fis-swali tas-seduti u fis-swali tal-laqgħat.
  • Matul is-seduti, ma huwiex permess li jittieħdu ritratti jew li jiġu rreġistrati d-dibattiti. Sabiex jiġu evitati l-interferenzi mas-sistema ta’ interpretazzjoni, it-telefons ċellulari għandhom obbligatorjament ikunu mitfija.
  • Kull viżitatur għandu jkollu fil-pussess tiegħu karta ta’ identifikazzjoni li għandu jilbes b’mod viżibbli matul iż-żjara kollha. Għal raġunijiet ta’ sigurtà, il-preżenza tal-viżitaturi fil-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata biss fiż-żoni indikati fil-programm taż-żjara.
  • Il-persuni responsabbli għall-gruppi għandhom jeskortaw il-grupp ta’ viżitaturi matul iż-żjara kollha tagħhom fil-Qorti tal-Ġustizzja.
  • Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet obbligata ssaħħaħ il-miżuri ta’ sigurtà fir-rigward tal-aċċess għall-bini tagħha. Għaldaqstant, il-viżitaturi huma mitluba josservaw bir-reqqa’ kollha l-istruzzjonijiet mogħtija lilhom mill-gwardjani jew mill-gwida ta’ akkoljenza. Għandu jiġi nnotat li l-bagalji tal-viżitaturi ser jiġu kkontrollati mal-wasla tagħhom.
  • It-tipjip fil-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa pprojbit.