20 Sena mill Adeżjoni ta’ 10 Stati mal Unjoni Ewropea: Mument Kostituzzjonali Ġdid għall-Ewropa

Fl‑1 ta’ Mejju 2004, għaxar Stati Membri ġodda ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea: ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja. Dan kien l-ikbar tkabbir f’daqqa kemm f’termini ta’ popli u ta’ pajjiżi. Barra minn hekk, din l-adeżjoni inkorporat fl-ispazju legali komuni tal-Unjoni varjetà kbira ta’ stejjer, kulturi legali, u tradizzjonijiet nazzjonali. Fid-dawl tal-grad ta’ integrazzjoni li l-Unjoni kienet laħqet sal‑2004, minn naħa, u tad-diversità li kienu jirrappreżentaw l-għaxar Stati Membri l-ġodda, min-naħa l-oħra, l-importanza ta’ dan il-mument ma tistax tiġi injorata. Jista’ jintqal li, fih innifsu, it-tkabbir tal‑2004 kien mument kostituzzjonali – bidla fil-paradigma – li għaqqad lill-Ewropa tal-Lvant u lil dik tal-Punent taħt proġett kostituzzjonali komuni. L-Unjoni Ewropea firxet il-valuri u l-prinċipji tagħha lil partijiet tal-Ewropa li għandhom storja partikolarment kumplessa. Filwaqt li l-għaxar Stati Membri l-ġodda ngħaqdu mal-Unjoni b’determinazzjoni partikolari u b’tama ta’ libertà, ġustizzja u prosperità, din id-determinazzjoni kellha tiġi ttestjata minn sfidi kunsiderevoli.

Sabiex tfakkar dan l-anniversarju importanti l-Qorti tal-Ġustizzja se tospita konferenza nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ Mejju 2024, mid‑9.00 sas‑18.00, bit-titolu “20 sena mill‑Adeżjoni ta’ 10 Stati mal‑Unjoni Ewropea: Mument Kostituzzjonali Ġdid għall‑Ewropa”.

Din il-konferenza ser tiċċelebra l-għoxrin anniversarju tat-tkabbir tal‑2004 billi tagħti ħarsa lejn il-kontribuzzjoni li dan it-tkabbir kellu fil-promozzjoni tal-proġett ta’ integrazzjoni tal-Unjoni. Dan it-tkabbir influwenza konsolidazzjoni ikbar tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll regolazzjoni iktar iddettaljata ta’ xi oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni? Jew inkella, bil-kontra ta’ dan, ġab miegħu ostakoli għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni? Wara għoxrin sena, liema huma l-lezzjonijiet li ttieħdu dwar it-twessiegħ u t-tfannid tal-proġett Ewropew ta’ integrazzjoni? L-ikbar tkabbir f’daqqa, bis-suċċessi u l-isfidi tiegħu, wassal għal Unjoni iktar b’saħħitha taċ-ċittadini Ewropej?

L-attendenza għall-konferenza ser tkun fuq stedina biss. Madankollu, ser ikun possibbli wkoll li ssegwi l-avveniment permezz ta’ livestream f’dan is-sit.

Għal iktar informazzjoni:

20 years logo colours MT