Imwieled fl‑1954 f’Mortsel (il-Belġju), Koen Lenaerts kiseb diploma fid-dritt fl‑1977 fil-Katholieke Universiteit Leuven (l-Università Kattolika ta’ Leuven, il-Belġju) qabel kompla l-istudji tiegħu fil-Harvard University (l-Università ta’ Harvard, l-Istati Uniti). Fejn huwa kiseb it-titoli ta’ Master of Laws fl‑1978 u ta’ Master in Public Administration fl‑1979. Lura fil-Katholieke Universiteit Leuven, huwa kiseb dottorat fid-dritt fl‑1982.
Kien f’din l-istess università li beda l-karriera professjonali tiegħu fl‑1979 bħala assistent, imbagħad professur tad-dritt Ewropew fl‑1983. Matul il-karriera akkademika tiegħu, huwa għallem ukoll fil-Collège d’Europe fi Bruges (il-Belġju) mill‑1984 sal‑1989, kif ukoll fil-Harvard Law School (il-Fakultà tal-Liġi ta’ Harvard, l-Istati Uniti), bħala professur mistieden, fl‑1989.
K. Lenaerts daħal fis-servizz tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala référendaire mal-Imħallef René Joliet, kariga li okkupa mill‑1984 sal‑1985, qabel ma pprattika l-professjoni ta’ avukat mill‑1986 sal‑1989 mal-Kamra tal-Avukati ta’ Brussell.
Huwa nħatar Imħallef fil-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fil‑25 ta’ Settembru 1989, il-jum li fih ġiet stabbilita din il-qorti li kienet għadha kemm inħolqot. Huwa qeda dmiru f’din il-kariga għal iktar minn erbatax‑il sena, qabel ma’ nħatar Imħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2003. Huwa ġie fdat minn sħabu l-Imħallfin il-kariga ta’ President ta’ Awla matul żewġ mandati suċċessivi, mid‑9 ta’ Ottubru 2006 sat‑8 ta’ Ottubru 2012, imbagħad il-kariga ta’ Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Ottubru 2012.
Huwa ġie elett President tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Ottubru 2015 u minn dakinhar ilu jaqdi dmiru f’din il-kariga.
Imwieled fl-1962 f’Bedburg/Erft (il-Ġermanja), Thomas von Danwitz segwa l-istudji tiegħu fir-Rheinische Friedrich-Wilhelms-Universität Bonn (l-Università Renana Frédéric-Guillaume ta’ Bonn, il-Ġermanja), fejn għadda l-ewwel eżami tal-istat fid-dritt fl-1986, u fl-université de Genève (l-Università ta’ Genève, l‑Isvizzera). Huwa sostna teżi fir-Rheinische Friedrich-Wilhelms-Universität Bonn u rċieva d-dottorat fid-dritt fl-1988. Bħala student anzjan tal-École nationale d'administration (l-Iskola Nazzjonali tal-Amministrazzjoni, Franza), Thomas von Danwitz minn hemm kiseb id-diploma internazzjonali ta’ amministrazzjoni pubblika fl-1990. Fl-1992, huwa ffinalizza l-preparazzjoni ġuridika tiegħu f’Cologne (il-Ġermanja) bit-tieni eżami tal-istat fid-dritt u kiseb, fl-1996, il-mandat tiegħu fir-Rheinische Friedrich-Wilhelms-Universität Bonn, fejn ħadem bħala kollaboratur xjentifiku.
Filwaqt li indirizza x-xogħol tiegħu ta’ riċerka essenzjalment lejn id-dritt pubbliku Ġermaniż kif ukoll lejn id-dritt Ewropew, Thomas von Danwitz għallem dawn is-suġġetti, mill-1996 sal-2003, bħala professur fir-Ruhr-Universität Bochum (l-Università ta’ Ruhr ta’ Bochum, il-Ġermanja), fejn okkupa, mill-2000 sal-2001, il-pożizzjoni ta’ dekan tal-Fakultà tal-Liġi. Mill-2003 sal-2006, huwa għallem fl-Universität zu Köln (l-Università ta’ Köln, il-Ġermanja) u hemm sar direttur tal-Istitut tad-Dritt Pubbliku u tax-Xjenza Amministrattiva fl-2006.
Il-karriera universitarja tiegħu wasslitu fil-Fletcher School of Law and Diplomacy tat-Tufts University (l-Università Tufts, l-Istati Uniti) bħala professur mistieden fl-2000, fl-université François Rabelais de Tours (l-Università Rabelas ta’ Tours, Franza) bejn l-2001 u l-2006, kif ukoll fl-université de Paris I Panthéon-Sorbonne (l-Università ta’ Pariġi Panthéon-Sorbonne, Franza) mill-2005 sal-2006. Fl-2005, huwa wettaq soġġorn ta’ tagħlim u riċerka fil-University of California, Berkeley (l-Università ta’ California f’Berkeley, l‑Istati Uniti). Huwa ngħaqad, fl-2004, bħala membru, mal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Ġurnata tal-Ġuristi Ġermaniżi (Ständige Deputation des Deutschen Juristentags), li magħhom baqa’ involut sal-2014.
Thomas von Danwitz inħatar Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2006. Elett President ta’ Awla mill-pari tiegħu, huwa okkupa din il-kariga bejn id‑9 ta’ Ottubru 2012 u t‑8 ta’ Ottubru 2018. Mit-8 ta’ Ottubru 2024 T. von Danwitz huwa Viċi President tal-Istituzzjoni.
Imwieled fl-1958 fil-Lussemburgu (il-Gran Dukat tal-Lussemburgu), François Biltgen kiseb, fl-1981, lawrea fid-dritt imbagħad, fl-1982, diploma ta’ studji approfonditi (DEA) fid-dritt Komunitarju fl-université de droit, d’économie et de sciences sociales de l’université de Paris II Panthéon-Assas (l-Università tad-Dritt, tal-Ekonomija u tax-Xjenzi Soċjali tal-Università ta’ Pariġi II ta’ Panthéon-Assas, Franza). Fl-istess sena, huwa ggradwa fl-Institut d’études politiques de Paris (l-Istitut tal-Istudji Politiċi, Franza).
Ammess fl-avukatura tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu fl-1987, huwa eżerċita l-professjoni ta’ avukat mill‑1987 sal-1999. Fl-istess ħin, huwa segwa karriera politika bħala segretarju tal-grupp parlamentari tal-Partit Kristjan Soċjali fil-Parlament Lussemburgiż mill-1983 sal-1994, u, mill-1987 sal-1999, bħala kunsillier komunali tal-belt ta’ Esch-sur-Alzette (il-Lussemburgu), li tagħha ġie nnominat skrivan mill-1997 sal-1999, ħaġa li wasslitu jiġi nnominat membru supplenti tad-delegazzjoni Lussemburgiża fil-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea bejn l-1994 u l-1999. Ġie elett deputat fil-Parlament Lussemburgiż għal mandat ta’ ħames snin fl-1994, u pparteċipa attivament fil-proċessi leġiżlattivi, b’mod partikolari billi assuma l-funzjonijiet ta’ relatur għal numru ta’ abbozzi ta’ liġi dwar atti tad-dritt tal-Unjoni.
Wara l-elezzjonijiet leġiżlattivi tal-1999, huwa ġie inkarigat mill-Gvern Lussemburgiż imexxi diversi ministeri: huwa ġie nnominat suċċessivament Ministru għax-Xogħol u għall-Impjiegi, Ministru għall-Kulti, Ministru għar-Relazzjonijiet mal-Parlament u Ministru Delegat għall-Komunikazzjonijiet mill-1999 sal‑2004, Ministru għax-Xogħol u għall-Impjiegi, Ministru għall-Kulti u Ministru għall-Kultura, għat-Tagħlim Ogħla u għar-Riċerka mill-2004 sal-2009, imbagħad Ministru għall-Ġustizzja, Ministru għas-Servizz Pubbliku u għar-Riforma Amministrattiva, Ministru għat-Tagħlim Ogħla u għar-Riċerka, Ministru għall‑Komunikazzjonijiet u għall-Media u Ministru għall-Kulti mill-2009 sal-2013.
Il-missjonijiet imwettqa fil-kuntest tal-funzjonijiet ministerjali tiegħu huma riflessi wkoll fir-responsabbiltajiet meħuda fuq livell internazzjonali. B’hekk, fl-2005 huwa ppresjeda diversi laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Fl-2005 u fl-2009, François Biltgen assuma l-funzjonijiet ta’ kopresident tal-Konferenza Ministerjali tal-Proċess ta’ Bologna u, mill-2012 sal-2013, tal-Konferenza Interministerjali tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA).
Imwielda fl 1962 f’Haapsalu (l-Estonja), Küllike Jürimäe fl 1986 iggradwat fid-dritt (ekwivalenti għall-Master) mit-Tartu ülikool (l-Università ta’ Tartu, l-Estonja). Hija kompliet l-istudji superjuri tagħha fl-Iskola tad-Diplomazija Estonjana, fejn hija ggradwat fl 1992. Fl 2003, fi tmiem ċiklu ta’ studji fl-Università degli Studi di Padova (l-Università ta’ Padova, l-Italja) u fil-University of Nottingham (l-Università ta’ Nottingham, ir-Renju Unit), hija kisbet European Master fid-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni.
Mill 1986, hija okkupat kariga ta’ Prosekutur Pubbliku f’Tallinn (l-Estonja) għal ħames snin. Mill-1991 sal-1993, hija serviet fil-kariga ta’ konsulent legali u wara, mill-1992 sal-1993, ta’ konsulent ġenerali mal-Eesti Kaubandus-Tööstuskoda (il-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija tal-Estonja). Bejn l-1993 u l-2004, hija serviet fil-kariga ta’ mħallef fit-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn, l-Estonja).
K. Jürimäe nħatret Imħallef fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta’ Mejju 2004. Mit-23 ta’ Ottubru 2013 hija okkupat din il-kariga fil-Qorti tal-Ġustizzja, fejn teżerċita fil-kwalità ta’ Presidenta ta’ Awla mit-8 ta’ Ottubru 2021.
Imwieled fl-1964 f’Nikosija (Ċipru), Constantinos Lycourgos kiseb, fl-1985, lawrea fid-dritt, imbagħad, fl-1987, diploma ta’ studji approfonditi fid-dritt komunitarju fl-université Panthéon-Assas Paris II (l-Università Panthéon-Assas Pariġi II, Franza), università li fiha sostna, fl-1991, it-teżi tiegħu tad-dottorat fid-dritt.
Ammess bħala avukat f’Ċipru fl-1993, huwa eżerċita l-professjoni ta’ avukat fil-Kamra tal-Avukati ta’ Nikosija sal-1996, is-sena li fiha ġie nnominat kunsillier speċjali għall-affarijiet Ewropej fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Ċiprijott. Huwa okkupa din il-pożizzjoni sal-1999, imbagħad dik ta’ kunsillier fid-dritt komunitarju fid-Dipartiment Ġuridiku tar-Repubblika ta’ Ċipru, mill-1999 sal-2002. Huwa kien parti, bejn l-1998 u l-2003, mill-missjoni Ċiprijotta inkarigata min-negozjati ta’ adeżjoni mal-Unjoni Ewropea fl-istess waqt li kien membru, mill-2002 sal-2014, tad-delegazzjonijiet Ċiprijotti Griegi implikati fin-negozjati għas-soluzzjoni globali tal-problema ta’ Ċipru.
Il-perizja tiegħu wasslitu jeżerċita, mill-2002 sal-2007, il-funzjonijiet ta’ ġurista ewlieni u wara, mill-2007 sal-2014, dawk ta’ avukat ewlieni tar-Repubblika ta’ Ċipru. Mill-2003 sal-2014, ġie nnominat kap tad-Dipartiment tad-Dritt Ewropew tad-Dipartiment Ġuridiku tar-Repubblika ta’ Ċipru filwaqt li kien jintalab, mill-2004 sal-2014, jidher, bħala aġent, f’isem il-Gvern Ċiprijott quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea.
Constantinos Lycourgos ġie nnominat Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Ottubru 2014 u ilu jeżerċita l-funzjonijiet ta’ President ta’ Awla mit-8 ta’ Ottubru 2021.
Imwieled fl‑1973 fi Prienai (il-Litwanja), Irmantas Jarukaitis iggradwa fid-dritt fl‑1997 u kiseb dottorat fl‑2008 mill-Vilniaus universitetas (l-Università ta’ Vilnjus, il-Litwanja). L-attivitajiet tiegħu bħala professur żvolġew fi ħdan din l-università, fejn għallem, bħala assistent u mbagħad bħala professur assoċjat, mill‑1999 sal‑2018. Huwa assuma wkoll missjonijiet oħra għall-benefiċċju tar-riċerka legali, kif jixhdu numru ta’ pubblikazzjonijiet tiegħu fl-oqsma tad-dritt Ewropew u tad-dritt kostituzzjonali. Minbarra d-dmirijiet akkademiċi tiegħu, huwa kien involut attivament fil-ħolqien tal-Assoċjazzjoni Litwana tad-Dritt Ewropew, li tagħha huwa kofundatur.
Fl‑1997, daħal fis-servizz ta’ pajjiż twelidu billi ngħaqad mad-dipartiment tad-dritt Ewropew tal-Ministeru għall-Ġustizzja Litwan: huwa okkupa l-kariga ta’ speċjalista ewlieni, imbagħad kap ta’ taqsima, mill‑2002 sal‑2003, u, mill‑2004 sal‑2010 dak ta’ assistent direttur ġenerali. Bejn l‑2010 u l‑2018, huwa eżerċita funzjonijiet ġudizzjarji bħala mħallef fil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), li tagħha sar Viċi President mill‑2012 sal‑2017. Mill‑2015 sal‑2017, huwa kien qed jaġixxi bħala President ta’ din il-qorti filwaqt li serva fit-Teisėjų taryba (il-Kunsill Ġudizzjarju, il-Litwanja).
I. Jarukaitis inħatar Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja mit‑8 ta’ Ottubru 2018 u jeżerċita hemmhekk il-funzjonijiet ta’ President ta’ Awla mit‑8 ta’ Ottubru 2024.
Imwielda fl-1959 f’Tarragona (Spanja),Maria Lourdes Arastey Sahún studjat fl-Universitat de Barcelona (l-Università ta’ Barcelona, Spanja) u minn hemm kisbet lawrea fid-dritt fl-1983 qabel ma segwiet, mill-1984 sal-1985, formazzjoni professjonali ta’ ġudikant fi ħdan l-Escuela Judicial (l-Iskola Nazzjonali tal-Ġudikatura, Spanja).
Hija ġiet innominata maġistrat fil-Juzgado de Distrito de Sant Feliu de Llobregat (il-Qorti Distrettwali ta’ Sant Feliu de Llobregat, Spanja) u fil-Juzgado de Distrito de Barcelona (il-Qorti Distrettwali ta’ Barcelona, Spanja) mill-1985 sal-1989. Fl-1989, ġiet assenjata għal sena lill-Juzgado de lo Social nº 7 de Barcelona (il-Qorti tax-xogħol u tas-Sigurtà Soċjali Nru 7 ta’ Barcelona, Spanja) u wara ngħaqdet mal-Awla Soċjali tat-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Catalunya, Spanja), li fiha baqgħet sal-2009. Hija ġiet innominata għat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) bħala mħallef mill-2009. Mill-2013 sal-2021, hija wkoll imħallef fit-Tribunal Amministrattiv tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku ta’ Fuq (NATO) (Brussell, il-Belġju).
Flimkien mal-karriera ġudizzjarja, Maria Lourdes Arastey Sahún iddedikat ruħha wkoll għall-attivitajiet ta’ tagħlim. Mill-1998 sal-2008, hija okkupat il-pożizzjoni ta’ professur assoċjat fid-dritt tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali fl-Universitat de Barcelona. Hija wkoll lettriċi fi ħdan iċ-ċentri nazzjonali tal-istudji ġudizzjarji, b’mod partikolari fi Spanja (regolarment), fil-Bulgarija (2008) u fir-Rumanija (2008), kif ukoll fl-Iskola Juan Carlos I tal-Amerika Ċentrali u tal-Karajbi (2006). Maria Lourdes Arastey Sahún tat numru ta’ konferenzi u pparteċipat f’seminars f’numru ta’ universitajiet. Hija fl-aħħar nett kienet parti minn diversi korpi li joperaw b’mod partikolari fl-oqsma tad-dritt tal-Unjoni, tat-taħriġ u tal-eżami tal-kompetenzi tal-imħallfin kif ukoll ta’ modi alternattivi ta’ riżoluzzjoni tal-kunflitti.
Maria Lourdes Arastey Sahún inħatret Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2021 u hemmhekk teżerċita l-funzjonijiet ta’ President ta’ Awla mit‑8 ta’ Ottubru 2024.
Imwieled fl-1971 fi Krakow (il-Polonja), Maciej Szpunar kiseb lawrea fid-dritt fl-Uniwersytet Śląski (l‑Università ta’ Silesja, il-Polonja) fl-1995 u fil-Collège d'Europe de Bruges (il-Belġju) fl-1996. Huwa sostna t-teżi tad-dottorat tiegħu fid-dritt fl-2000, sar duttur fix-xjenzi ġuridiċi fl-2009, imbagħad professur tad-dritt fl-2013 fi ħdan l-Uniwersytet Śląski. Fl-1998, ix-xogħlijiet universitarji tiegħu wassluh fil-Jesus College ta’ Cambridge (ir-Renju Unit) bħala “Visiting Scholar”, wara fl-université de Liège (l-Università ta’ Liège, il-Belġju) fl-1999 u fl-Istitut Universitarju Ewropew ta’ Firenze (l-Italja) fl-2003.
Fl-2001, huwa daħal fl-avukatura ta’ Katowice biex jibda l-professjoni ta’ avukat, li eżerċita sal-2008. Huwa f’dan iż-żmien li kien parti mill-Kumitat tad-Dritt Internazzjonali Privat tal-Kummissjoni ta’ Kodifikazzjoni tad-Dritt Ċivili fil-Ministeru għall-Ġustizzja Pollakka.
Huwa assuma l-funzjonijiet ta’ sottosegretarju tal-Istat fl-Uffiċċju tal-Kumitat tal-Integrazzjoni Ewropea (il-Polonja) mill-2008 sal-2009, qabel ma ngħaqad mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Pollakk bejn l-2010 u l-2013. Matul dawn it-tliet snin, huwa rrappreżenta, bħala aġent, il-Gvern Pollakk f’numru kbir ta’ kawżi li nstemgħu quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea.
Huwa baqa’ marbut mal-qasam tar-riċerka universitarja, u b’hekk kien parti mill-Kumitat Editorjali ta’ diversi rivisti ġuridiċi, ħaġa li wasslitu fl-istess ħin jikteb diversi pubblikazzjonijiet fil-qasam tad-dritt Ewropew u tad-dritt internazzjonali privat.
Maciej Szpunar ġie nnominat Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Ottubru 2013 u jeżerċita mill‑11 ta’ Ottubru 2018 l-funzjonijiet ta’ Avukat Ġenerali Ewlieni.
Imwieled fl‑1963 f’Żagreb (il-Kroazja), Siniša Rodin iggradwa fid-dritt mill-iSveučilište u Zagrebu (l-Università ta’ Żagreb, il-Kroazja) fl‑1987 u kompla l-istudji universitarji tiegħu fl-Istati Uniti tal-Amerika fejn fl‑1992 kiseb Master of Laws mogħti mill-University of Michigan (l-Università ta’ Michigan). Lura fil-Kroazja, huwa kompla l-istudji tiegħu fl-iSveučilište u Zagrebu, fejn huwa kiseb dottorat fid-dritt fl‑1995. Mill‑2001 sal‑2002, ingħaqad mal-Harvard University (l-Università ta’ Harvard, l-Istati Uniti) bħala Fulbright Fellow u akkademiku mistieden.
Huwa beda l-karriera professjonali tiegħu mal-iSveučilište u Zagrebu u bħala assistent professur fl‑1987. Mill‑2003, huwa okkupa l-pożizzjoni ta’ professur tad-dritt tal-Unjoni hemmhekk u, fl‑2006, ġie fdat il-Katedra Jean Monnet, li tiegħu sar titolari ad personam fl‑2011. Fl‑2012, huwa sar professur mistieden fil-Cornell Law School (il-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Cornell, l-Istati Uniti). Matul il-karriera akkademika tiegħu, S. Rodin ippubblika numru ta’ xogħlijiet li kkontribwixxew għat-tixrid tad-dritt tal-Unjoni fil-Kroazja.
Bejn l‑2006 u l‑2011, S. Rodin kien għamel parti mit-tim Kroat li ddefinixxa l-qafas tan-negozjati kif ukoll il-proċess tal-adeżjoni tal-Kroazja fl-Unjoni waqt li kien, mill‑2009 sal‑2010, membru tal-Kumitat Kroat għar-Riforma Kostituzzjonali u president tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni.
S. Rodin huwa l-ewwel Imħallef Kroat maħtur fil-Qorti tal-Ġustizzja, fejn ilu jaqdi dmiru f’din il-kariga mill‑4 ta’ Lulju 2013.
Imwieled fl-1965 fi Graz (l-Awstrija), Andreas Kumin wettaq l-istudji tiegħu fil-Karl-Franzens-Universität Graz (l-Università Karl-Franzens ta’ Graz, l-Awstrija) u hemm kiseb wieħed wara l-ieħor lawrea fl-1987 u dottorat fid-dritt fl-1990. Din l-istess università assenjatlu diploma tal-ewwel grad fix-xjenzi tat-traduzzjoni fl-1988. Fil-kors tal-formazzjoni tiegħu bħala uffiċjal għażel, fl-1991, lil Franza biex ikompli l-istudji tiegħu fi ħdan l-École nationale d’administration (l-Iskola Nazzjonali tal-Amministrazzjoni, ENA, Franza), li minnha ggradwa fil-kors “Studji internazzjonali approfonditi ta’ amministrazzjoni pubblika” fl-1992.
Huwa beda l-karriera professjonali tiegħu bħala uffiċjal fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Awstrijak fl-1990 u kompliha sal-1994, l-ewwel fid-Dipartiment Ġuridiku, imbagħad fid-Direttorat Ġenerali tal-Politika tal-Integrazzjoni Ekonomika u Ewropea. Mill-1994 sal-2000, huwa kellu l-pożizzjoni ta’ kunsillier fil-missjoni permanenti tal-Awstrija għall-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-istituzzjonijiet speċjalizzati f’Genève (l-Isvizzera). Mill-2000 sal-2019, huwa kompla jaqdi d-dmirijiet tiegħu fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Awstrijak, l-ewwel bħala kap tad-diviżjoni “Kwistjonijiet ġuridiċi tal-ewwel pilastru tal-Unjoni Ewropea”, u wara, mill-2005 sal-2019, bħala kap tad-Dipartiment tad-Dritt Ewropew.
Ir-redazzjoni ta’ pubblikazzjonijiet numerużi fuq id-dritt tal-Unjoni mlew il-karriera universitarja mibdija fl-2007 bħala kap tal-korsijiet fl-Istitut tad-Dritt Ewropew u Internazzjonali tal-Leopold-Franzens-Universität Innsbruck (l-Università Leopold-Franzens ta’ Innsbruck, l-Awstrija), b’mod partikolari bħala kap tal-konferenzi, mill-2012 sal-2018, fid-Diplomatische Akademie Wien (l-Iskola tal-Istudji Għolja Internazzjonali ta’ Vjenna, l-Awstrija) u, mill-2014, bħala kodirettur ta’ diversi seminars fil-Wirtschaftsuniversität Wien (l-Università tal-Ekonomija ta’ Vjenna, l-Awstrija). Fl-aħħar nett, ingħata kuntratt, għall-perijodu mill-2014 sal-2019, ta’ professur fl-Istitut tad-Dritt Ewropew tal-Karl-Franzens-Universität Graz, li bih kompla jgħallem bħala professur onorarju fl-2020.
Andreas Kumin ġie nnominat Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Marzu 2019, pożizzjoni li jokkupa minn dak iż-żmien.
Imwieled fl-1958 f’Mikkeli (il-Finlandja), Niilo Jääskinen kiseb il-lawrea fid-dritt fl-1980 imbagħad, fl‑1982, diploma ta’ studji approfonditi fid-dritt fil-Helsingin yliopisto (l-Università ta’ Ħelsinki, il‑Finlandja). Fl-2008, fi ħdan din l-università sostna teżi tad-dottorat fid-dritt. L-interess tiegħu għat-tagħlim immanifesta ruħu kmieni u huwa wkoll fil-Helsingin yliopisto li sar kap tal-korsijiet mill-1980, pożizzjoni li okkupa sal-1986.
Fl-1983, huwa eżerċita għal sena l-funzjonijiet ta’ référendaire u ta’ mħallef provviżorju fir‑Rovaniemen kihlakunnanoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Rovaniemi, il-Finlandja). Wara li okkupa, mill-1987 sal-1989, il-pożizzjoni ta’ kunsillier ġuridiku fil-Ministeru għall-Ġustizzja Finlandiż, ġie nnominat kap tat-Taqsima tad-Dritt Ewropew u mexxa din it-taqsima bejn l-1990 u l-1995. Fl-istess ħin, huwa ħadem ta’ kunsillier ġuridiku fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Finlandiż bejn l-1989 u l‑1990. Bħala responsabbli għall-kwistjonijiet ġuridiċi u istituzzjonali, huwa pparteċipa fin-negozjati għall-adeżjoni tal-Finlandja mal-Unjoni Ewropea qabel ma okkupa, mill-1995 sal-2000, il‑pożizzjonijiet ta’ kunsillier u ta’ segretarju għall-affarijiet Ewropej u għall-kummissjoni ewlenija tal-Parlament Finlandiż.
Wara li ntalab jagħti servizz fil-ġustizzja Finlandiża, Niilo Jääskinen wettaq, mill-2000 sal-2002, il‑funzjonijiet ta’ mħallef provviżorju fil-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il‑Finlandja), li fiha wara sar imħallef mill-2003 sal-2009.
Huwa daħal fis-servizz tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala Avukat Ġenerali fis‑7 ta’ Ottubru 2009, pożizzjoni li okkupa sas‑7 ta’ Ottubru 2015. Lura f’pajjiż twelidu, huwa kompla l-missjoni tiegħu ta’ mħallef fil‑Korkein hallinto-oikeus mill-2015 sal-2019, li matulhom wettaq funzjonijiet ta’ viċi president mill‑2018 sal-2019.
Niilo Jääskinen ġie nnominat Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2019, funzjoni li jwettaq minn dakinhar.
Imwieled fl-1957 f’Ateni (il-Greċja), Dimitrios Gratsias kiseb master fid-dritt mill-Ethniko kai Kapodistriako Panepistimio Athinon (l-Università Nazzjonali u Kapodistrijana ta’ Ateni, il-Greċja) fl-1980, kif ukoll diploma ta’ studji fil-fond (DEA) fid-dritt pubbliku fl-université de Paris I, Panthéon-Sorbonne (l-Università ta’ Pariġi I, Panthéon-Sorbonne, Franza) fl-1981. Is-sena ta’ wara, is-Centre universitaire d'études communautaires et européennes, Université Paris I (iċ-Ċentru Universitarju ta’ Studji Komunitarji u Ewropej, Università ta’ Pariġi I, Franza) tah ċertifikat ta’ studji fid-dritt Komunitarju.
Fl-1985, Dimitrios Gratsias beda l-karriera professjonali tiegħu fis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), fejn ħa l-kariga ta’ awditur sal-1992. Huwa wara ġie nnominat, fl-1992, reġistratur tar-rikorsi, u wara kunsillier tal-istat, fl-2005. Fl-istess waqt, huwa ġie nnominat, membru assoċjat tal-Anotato Eidiko Dikastirio (il-Qorti Suprema Speċjali, il-Greċja) għal sentejn (1998-1999), u eżerċita, fl-2006, fl-Eidiko Dikastirio Agogon Kakodikias (il-Qorti Speċjali tal-Kawżi Kontra l-Membri tal-Ġudikatura, il-Greċja). Fl-2008, huwa eżerċita, bħala membru, fl-Anotato Dikastiko Symvoulio Dioikitikis Dikaiosinis (il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura Amministrattiva, il-Greċja). Matul is-sena ġudizzjarja 2009-2010, huwa eżerċita l-funzjonijiet ta’ spettur tal-qrati amministrattivi.
Bejn l-1994 u l-1996, Dimitrios Gratsias ingħaqad mal-Qorti tal-Ġustizzja bħala référendaire fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Georges Cosmas.
Dimitrios Gratsias kien Imħallef fil-Qorti Ġenerali bejn il‑25 ta’ Ottubru 2010 u s‑6 ta’ Ottubru 2021 u kellu l-inkarigu ta’ president ta’ awla għal matul żewġ mandati suċċessivi, mit‑18 ta’ Settembru 2013 sat‑30 ta’ Settembru 2019. Huwa Mħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja mis‑7 ta’ Ottubru 2021.
Imwieled fl-1961 fi Zlín (iċ-Ċekoslovakkja), Miroslav Gavalec l-ewwel kiseb lawrea ta’ inġinier mekkaniku fl-oqsma tal-magni termiċi u tat-tagħmir nukleari fiċ-České vysoké učení technické v Praze (l-Università Politeknika ta’ Praga, iċ-Ċekoslovakkja), u eżerċita diversi funzjonijiet fis-settur nukleari mill-1986 sal-1991.
L-interess tiegħu għax-xjenzi soċjali wassluh isegwi, mill-1990 sal-1995, studji fid-dritt fl‑Univerzita Komenského v Bratislave (l-Università Comenius ta’ Bratislava, is-Slovakkja), imnejn kiseb, fl-1995, master fid-dritt, sussegwentement it-titolu ta’ duttur fid-dritt (PhD) fl‑2010.
Fl-2001, ġie nnominat imħallef għall-affarijiet kummerċjali u familjari u mħallef għall-kontenzjuż amministrattiv fl-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III, is-Slovakkja). Huwa ħadem hemm sal-2005, sena li fiha ngħaqad man-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), li fiha ħadem bħala mħallef tat-taqsima amministrattiva u, mill-2009, bħala president tal-ewwel awla tat-taqsima amministrattiva.
Flimkien mal-karriera ġudizzjarja, Miroslav Gavalec iddedika ruħu wkoll għall-attivitajiet ta’ tagħlim. Bejn l-2005 u l-2011, huwa kien responsabbli għall-korsijiet fl-Istitut tax-Xjenzi Ekonomiċi u għall-Amministrazzjoni tal-Paneurópska vysoká škola (il-Kulleġġ Ogħla Panewropew, is-Slovakkja). Mill‑2006 sal-2014, huwa kien lettur fl-Istituti tad-Dritt Amministrattiv u tad-Dritt Privat tal-Paneurópska vysoká škola.
Miroslav Gavalec kien barra minn hekk membru tal-Forum tal-Imħallfin tal-Unjoni Ewropea għall-Ambjent mill-2005 sal-2020, u kien parti, mill-2006 sal-2015, mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Imħallfin Amministrattivi.
Miroslav Gavalec ġie nnominat Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2021.
Imwielda fl‑1957 fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja), Juliane Kokott studjat id-dritt fl-Universität Bonn (l-Università ta’ Bonn, il-Ġermanja) u fl-université de Genève (l-Università ta’ Genève, l-Isvizzera) mill‑1976 sal‑1982. Titolari ta’ borża ta’ studju Fulbright, hija ngħaqdet wara mal-American University, Washington DC (l‑Università Amerikana ta’ Washington DC, l-Istati Uniti) u hemm kisbet LL.M fl‑1983. Lura l-Ewropa, hija kisbet dottorat fid-dritt mill-Universität Heidelberg (l-Università ta’ Heidelberg, il-Ġermanja) fl‑1985, imbagħad mill-Harvard University (l-Università ta’ Harvard, l-Istati Uniti) fl‑1990. Barra minn hekk, fl‑1985, hija kisbet id-diploma tal-Akkademja Internazzjonali tad-Dritt Internazzjonali li għandha s-sede fit-Tuneżija.
Huwa fil-kwalità ta’ professur mistieden fil-University of California, Berkeley (l-Università ta’ California f’Berkeley, l-Istati Uniti) li Juliane Kokott bdiet il-karriera universitarja tagħha fl-1991. Hija komplietha wara fil-Ġermanja, fejn kienet professur tad-dritt pubbliku Ġermaniż u barrani, tad-dritt internazzjonali u tad-dritt Ewropew fl-Universität Augsburg (l-Università ta’ Augsburg) fl-1992, fl‑Universität Heidelberg fl-1993 u fil-Heinrich-Heine-Universität Düsseldorf (l-Università Heinrich Heine ta’ Düsseldorf) mill-1994 sal-1999. Fl-1999, ingħatat katedra ta’ professur fl-Universität St. Gallen (l-Università ta’ San Gallen, l-Isvizzera), li fih hija għallmet kors tad-dritt internazzjonali, tad-dritt internazzjonali tal-kawżi, u tad-dritt Ewropew. Fl-2000, huwa fl-Istitut tad-Dritt Ewropew u Internazzjonali tal-Kawżi tal-Universität St. Gallen li ntalbet tassumi l-funzjonijiet ta’ direttur u wara, mill-2001 sal-2003, dawk ta’ direttur supplimentari tal-programm ta’ speċjalizzazzjoni fid-dritt tal-kawżi f’din l-istess università.
Hija sussegwentement ikkollaborat mal-Gvern Ġermaniż, li nnominaha, fl‑1995, imħallef supplenti fil-Qorti Internazzjonali ta’ Konċiljazzjoni u ta’ Arbitraġġ tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l‑Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE). Sal‑2003, hija wettqet il-funzjonijiet ta’ viċi president tal-Wissenschaftliche Beirat “Globale Umweltveränderungen” der Bundesregierung (WBGU) (il-Kumitat Konsultattiv tal-Gvern Federali fuq it-Tibdil Globali tal-Ambjent, il-Ġermanja).
Juliane Kokott ġiet innominata Avukata Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2003. Hija eżerċitat il-funzjoni ta’ Avukata Ġenerali Ewlieni mill-2006 sal-2007.
Imwieled fl-1949 fi Blagoevgrad (il-Bulgarija), Alexander Arabadjiev segwa l-istudji tiegħu fid-dritt fis-Sofiyski universitet “Sv. Kliment Ohridski” (l-Università ta’ Sofija “Saint-Klement ta’ Ohrid”, il-Bulgarija), li minnha ggradwa fl-1972.
Fl-1975, huwa ġie nnominat imħallef fir-Rayonen sad Blagoevgrad (il-Qorti Distrettwali ta’ Blagoevgrad, il-Bulgarija) u baqa’ hemm sal-1983, sena li matulha ngħaqad, sal-1986, mal-Okrazhen sad Blagoevgrad (il-Qorti Reġjonali ta’ Blagoevgrad, il-Bulgarija). Sussegwentement daħal fis-servizz tal-Varhoven Sad (il-Qorti Suprema, il-Bulgarija) bejn l-1986 u l-1991, u poġġa fil-Konstitutsionen sad (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Bulgarija) mill-1991 sal-2000. Huwa ġie nnominat membru tal-Kummissjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, mill-1997 sal-1999.
Bejn is-snin 2001 u 2006, huwa waqqaf provviżorjament il-karriera ġudizzjarja tiegħu sabiex jiddedika lilu nnifsu għall-proċess ta’ adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea, liema proċess ħa sehem fih attivament bħala membru tal-Parlament Bulgaru, imma wkoll bħala osservatur tal-Parlament Ewropew minn Awwissu 2005 sa’ Diċembru 2006. Mill-2002 sal-2003, huwa pparteċipa fl-elaborazzjoni tar-risposti strateġiċi għall-isfidi li kienu qegħdin jistennew lill-Unjoni Ewropea fil-kuntest tat-tkabbir tal-2004, bħala membru tal-Konvenzjoni fuq il-Futur tal-Ewropa.
Fit‑12 ta’ Jannar 2007, ftit jiem wara l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea, Alexander Arabadjiev inħatar Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja u ilu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu minn dakinhar. Elett president mill-pari tiegħu, huwa okkupa din il-kariga bejn id‑9 ta’ Ottubru 2012, u t‑8 ta’ Ottubru 2018.
Imwieled fl‑1950 f’Zafra (Spanja), Manuel Campos Sánchez-Bordona ggradwa fid-dritt fl‑1972 fi tmiem l-istudji tiegħu fl-Universidad de Sevilla (l-Università ta’ Sevilla, Spanja) u fl-Universidad de Granada (l-Università ta’ Granada, Spanja). Huwa beda l-karriera legali tiegħu bħala Prosekutur Pubbliku mal-Audiencia Provincial de Palma de Mallorca (il-Qorti Provinċjali ta’ Palma de Mallorca, Spanja) u mal-Audiencia Provincial de Sevilla (il-Qorti Provinċjali ta’ Sevilla, Spanja) mill‑1977 sal‑1982.
Imbagħad kompla l-karriera tiegħu bħala mħallef mal-Awla tal-Kwistjonijiet Amministrattivi tat-Tribunal Superior de Justicia de Canarias (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Canarias, Spanja), tal-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja) tat-Tribunal Superior de Justicia de Andalucía (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Andalucía, Spanja) u tat-Tribunal Superior de Justicia de Cantabria (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cantabria, Spanja). Mill‑1989 sal‑1994, huwa serva f’din il-qorti bħala President tal-Awla tal-Kwistjonijiet Amministrattivi.
Wara li okkupa pożizzjoni ta’ référendaire mal-Avukat Ġenerali Dámaso Ruiz-Jarabo Colomer tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej mill‑1995 sal‑1999, huwa serva bħala mħallef fl-Awla tal-Kwistjonijiet Amministrattivi tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) mill‑1999 sal‑2015.
Minbarra dawn il-funzjonijiet, M. Campos Sánchez-Bordona kien membru tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi tal-Unjoni Ewropea (ACA-Ewropa) mill‑2006 sal‑2014.
Huwa nħatar Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2015.
Imwieled fl‑1952 f’Kilcoon (l-Irlanda), Eugene Regan wettaq l-istudji tiegħu fil-University College Dublin (il-Kulleġġ Universitarju ta’ Dublin, l-Irlanda), fejn kiseb lawrea fix-xjenzi politiċi u ekonomiċi fl‑1974 u master fl-ekonomija politika fl‑1975. Huwa kkompleta l-kors tal-istudji b’master fid-dritt internazzjonali u fid-dritt ikkomparat fl-Université libre de Bruxelles (l-Università Libera ta’ Brussell, il-Belġju) fl‑1979.
Fl‑1975, huwa wettaq il-funzjonijiet ta’ analista ekonomiku fl-Irish Farmers’ Association (IFA) (l‑Assoċjazzjoni tal-Bdiewa Irlandiżi, Dublin). Mill‑1975 sal‑1979, huwa eżerċita diversi attivitajiet marbuta mal-protezzjoni tas-setturi agrikoli Irlandiżi li wassluh fid-direzzjoni tal-Uffiċċju tal-IFA fil‑Komunità Ekonomika Ewropea. Huwa ġie nnominat direttur ġenerali tal-Irish Meat Exporters Association (l‑Assoċjazzjoni tal-Esportaturi tal-Laħam tal-Irlanda) mill‑1980 sal‑1984. Wara dan il-perijodu, bejn l‑1985 u l‑1988, li matulu kien il-kunsillier politiku ta’ Peter Sutherland, kummissarju inkarigat għall-kompetizzjoni fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, huwa kompla l-attivitajiet tiegħu fis-settur agrikolu, mill‑1989 sal‑1995, bħala direttur ġenerali ta’ attur prinċipali tas-suq Irlandiż tal-kummerċ tal-laħam.
Eugene Regan huwa Barrister fl-Honorable Society of King’s Inns (Dublin) mill‑1985 u hija f’din il-kwalità li kien jeżerċita fl-avukatura tal-Irlanda mill‑1995 sal‑2005, u bħala Senior Counsel mill‑2005 sal‑2015. Mill‑2007 sal‑2011, huwa assuma wkoll il-funzjonijiet ta’ membru tas-Seanad (is-Senat, l-Irlanda).
Eugene Regan inħatar Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2015. Elett mill-pari tiegħu bħala President ta’ Awla, huwa okkupa din il-kariga fil-Qorti tal-Ġustizzja bejn id‑9 ta’ Ottubru 2012 u s‑7 ta’ Ottubru 2024.
Imwieled fl-1957 f’Sintra (il-Portugall), Nuno Piçarra studja d-dritt fl-Universidade de Lisboa (l-Università ta’ Lisbona, il-Portugall); huwa ggradwa fl-1980 u minn hemm kiseb, fl-1986, master fid-dritt. Huwa, iktar tard, fi ħdan il-Fakultà tal-Liġi tal-Universidade Nova de Lisboa (l-Università Ġdida ta’ Lisbona, il-Portugall) li huwa ddedika ruħu għall-formulazzjoni ta’ teżi u kiseb, fl-2003, dottorat fid-dritt.
Fil-kuntest tal-karriera universitarja tiegħu, huwa l-ewwel kien assistent fid-dritt fil-Fakultà tal-Liġi tal-Universidade de Lisboa bejn l-1981 u l-1986, imbagħad professur mistieden fl-institut d’études européennes de l’Universität des Saarlandes (l-Istitut ta’ Studji Ewopej tal-Università ta’ Saarland), mill-1987 sal-1996. Huwa okkupa l-pożizzjonijiet ta’ professur awżiljarju mill-2003 sal-2008 u ta’ professur assoċjat mill-2008 sal-2018 fl-Universidade Nova de Lisboa. Huwa barra minn hekk għallem bħala professur fl-Universidad Pontificia Comillas (l-Università Pontifiċja ta’ Comillas, Spanja) mill-2014 sal-2018. L-impenn tiegħu fir-riċerka xjentifika huwa rifless f’pubblikazzjonijiet numerużi li tagħhom huwa l-kittieb fil-qasam tad-dritt kostituzzjonali u fl-oqsma tad-dritt tal-Unjoni li jirrigwarda b’mod partikolari ż-żona ta’ libertà, is-sigurta u l-ġustizzja, il-moviment liberu tal-persuni u d-dritt istituzzjonali.
Fl-1986 Nuno Piçarra daħal għall-ewwel darba fis-servizz tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa eżerċita l-funzjonijiet ta’ ġurista lingwista sal-1987, imbagħad ta’ ġurista reviżur mill-1987 sal-1990. Huwa sar référendaire fl-1990 bħala parti mill-Qorti tal-Prim Istanza fl-uffiċċju tal-President José Luís da Cruz Vilaça, li miegħu kkollabora sal-1995, qabel ma ngħaqad mal-uffiċċju tal-Imħallef Rui Manuel Gens de Moura Ramos sal-1996.
Mill-1996 sal-1999, il-gvern ta’ pajjiżu fdalu l-funzjonijiet ta’ koordinatur nazzjonali għall-kwistjonijiet tal-moviment liberu tal-persuni fiż-żona Ewropea fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, kif ukoll dawk ta’ membru tal-Kumitat K4 tal-Kunsill u tal-Grupp Ċentrali tal-Istruttura ta’ Konċertazzjoni Permanenti tal-Ftehim ta’ Schengen.
Huwa ġie nnominat membru Portugiż tan-network FreSsco ta’ esperti indipendenti fl-oqsma tal-moviment liberu tal-ħaddiema u tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea u membru tan-network akkademiku Odysseus tal-istudji ġuridiċi dwar l-immigrazzjoni u l-ażil fl-Ewropa, mill-2004 sal-2018. Huwa poġġa wkoll fil-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fi Vjenna (l-Awstrija) mill-2015 sal-2018.
Nuno Piçarra ġie nnominat Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Ottubru 2018, kariga li jeżerċita minn dakinhar.
Imwieled fl‑1959 f’Le Dorat (Franza), Jean Richard de la Tour kiseb master fid-dritt fl-université Paris II (l-Università ta’ Pariġi II, Franza) fl‑1982 qabel beda taħriġ bħala maġistrat fl-École nationale de la magistrature (l-Iskola Nazzjonali tal-Maġistratura, Bordeaux, Franza), mill‑1984 sal‑1986.
Maħtur imħallef fl‑1986, huwa beda l-karriera professjonali tiegħu fit-tribunal d’instance de Limoges (il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Limoges, Franza), fejn serva sal‑1988, qabel ma okkupa, mill‑1988 sal‑1996, kariga ta’ maġistrat fl-amministrazzjoni ċentrali tal-Ministeru għall-Ġustizzja Franċiża fid-Direttorat għall-Affarijiet Ċivili u għall-Ġustizzja. Bejn l‑1996 u l‑2004, huwa kien konsulent référendaire fil-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Pariġi, Franza).
J. Richard de la Tour imbagħad qatta’ parti mill-karriera tiegħu fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, li ngħaqad miegħu fl‑2004 sabiex jeżerċita, sal‑2006, il-funzjonijiet ta’ qarrej tas-sentenzi. Mill‑2006 sal‑2012, huwa serva bħala référendaire fil-Qorti tal-Ġustizzja mal-Imħallef Pernilla Lindh, u mbagħad mal-Imħallef Carl Gustav Fernlund.
Fl‑2012, huwa rritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu fl-okkażjoni tal-ħatra tiegħu bħala Avukat Ġenerali fl-Awla Soċjali tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni). Huwa eżerċita dawn il-funzjonijiet hemmhekk waqt li fl-istess ħin eżerċita l-funzjonijiet ta’ chargé de mission mal-Prosekutur Pubbliku Ġenerali fil-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), sal‑2017. Imbagħad inħatar bħala l-Avukat Ġenerali Ewlieni fl-Awla Kummerċjali, Finanzjarja u Ekonomika tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), pożizzjoni li okkupa mill‑2017 sal‑2020.
Bejn l‑1998 u l‑2002, minbarra l-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu, huwa sar membru tal-Kumitat għar-Rapport u għall-Istudji tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) u tal-Kumitat għar-Reviżjoni tal-Kundanni Kriminali tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) mill‑1999 sal‑2004. Mill‑2016 sal‑2020, huwa kien President tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Institut national des formations notariales (l-Istitut Nazzjonali tat-Taħriġ Nutarili, Franza).
J. Richard de la Tour huwa Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja mit‑23 ta’ Marzu 2020.
Imwieled fl-1953 f’Ateni (il-Greċja), Athanasios Rantos kiseb, fl-1976, lawrea fid-dritt mill‑Panepistimio Athinon (l-Università ta’ Ateni, il-Greċja) u kkompleta l-istudji tiegħu, fl-1990, b’master ta’ speċjalizzazzjoni fid-dritt Ewropew fl-Université libre de Bruxelles (l-Università Libera ta’ Brussell, il-Belġju). Fl-1992, huwa sar “Fellow” fl-Institut international des droits de l’homme (l-Istitut Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Genève (l-Isvizzera) u Strasbourg (Franza)).
Fl-1978, huwa eżerċita għal sena l-professjoni ta’ avukat fl-avukatura ta’ Ateni, qabel ma ngħaqad mas-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja): bejn l-1979 u l-2020, hemmhekk okkupa suċċessivament il-funzjonijiet ta’ awditur, ta’ reġistratur tar-rikorsi mbagħad ta’ kunsillier, u wara laħaq viċi president u president. Mill-2000 sal-2020, huwa kien membru tal-Anotato Eidiko Dikastirio (il-Qorti Suprema Speċjali, il-Greċja) u, mill-2011 sal-2020, president tal-Eidiko Dikastirio Agogon Kakodikias (il-Qorti Speċjali ta’ Kawżi Kontra Membri tal-Ġudikatura, il-Greċja). Mill-1996 sal‑2020, huwa kien parti, bħala membru mbagħad president, tal-Anotato Symvoulio Dioikitikis Dikaiosynis (il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura Amministrattiva, il-Greċja). Mill-2011 sal-2020, huwa ddedika ruħu barra minn hekk għall-funzjonijiet ta’ president tal-Peitharchiko Symvoulio Melon Didaktikou Ereunitikou Prosopikou ton Anotaton Ekpaideutikon Idrymaton (il-Kunsill Dixxiplinari tal-Għalliema fl-Istabbilimenti ta’ Tagħlim Superjuri, il-Greċja).
Fix-xifer tal-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu, Athanasios Rantos ġie inkarigat minn numerużi missjonijiet bħala president ta’ diversi kumitati ta’ elaborazzjoni ta’ abbozzi ta’ liġijiet. Huwa kien membru tal-Κentriki Nomoparaskeuastiki Epitropi (il-Kumitat Ċentrali ta’ Elaborazzjoni tal-Abbozzi ta’ Liġijiet, il-Greċja). L-inklinazzjoni tiegħu lejn it-tagħlim wasslitu barra minn hekk jagħti korsijiet tad-dritt Ewropew u tad-dritt amministrattiv fl-Ethniki Scholi Dimosias Dioikisis (il-Kulleġġ Nazzjonali tal-Amministrazzjoni, il-Greċja) mill-1990 sal-1994 imma wkoll, mill-1995 sal-2016, fl-Ethniki Scholi Dikastikon Leitourgon (il-Kulleġġ Nazzjonali tal-Maġistratura, il-Greċja). Ir-riflessjonijiet tiegħu fuq diversi temi ġuridiċi wasslu għal numru ta’ xogħlijiet ta’ riċerka, li minnhom il-parti l-kbira ġiet ippubblikata.
Athanasios Rantos ġie nnominat Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Settembru 2020, liema funzjonijiet ilu jaqdi minn dakinhar.
Imwielda fl‑1970 f’Jelgava (il-Latvja), Ineta Ziemele ggradwat fid-dritt fl‑1993 mil-Latvijas Universitāte (l-Università tal-Latvja), u fl-istess sena hija temmet kors fuq l-istudju tas-sistema ġuridika Amerikana tad-dritt u tal-Politika tal-Komunitajiet Ewropej, kif ukoll tas-xjenzi politiċi fl-Aarhus Universitet (l-Università ta’ Aarhus, id-Danimarka). Imbagħad kisbet master fid-dritt internazzjonali mil-Lunds Universitet (l-Università ta’ Lund, l-Iżvezja) fl‑1994 u temmet l-istudji tagħha fil-Cambridge University (l-Università ta’ Cambridge, ir-Renju Unit), fejn iddefendiet, fl‑1999, teżi ta’ dottorat fid-dritt.
Hija bdiet il-karriera professjonali tagħha bħala assistenta parlamentari fil-Parlament Latvjan mill‑1990 sal‑1992, qabel ma okkupat pożizzjoni ta’ konsulenta mal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Latvjan mill‑1992 sal‑1995. Maħtura konsulenta għall-Prim Ministru Latvjan fl‑1995, hija wettqet ukoll dawn il-funzjonijiet fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa fi Strasbourg (Franza) mill‑1999 sal‑2001.
Barra minn hekk, I. Ziemele ilha tgħallem mill‑1993, bħala assistenta universitarja, fid-dipartiment tat-teorija legali u politika kif ukoll fid-dipartiment tad-dritt internazzjonali u tad-dritt tal-baħar tal-Latvijas Universitāte. Kienet imbagħad, sal‑1999, lettriċi tad-dritt internazzjonali u tad-dritt Ewropew, meta waqqfet l-istitut għad-drittijiet tal-bniedem fil-Latvijas Universitāte, li hija mexxiet sa dik l-istess sena. Hija wkoll professoressa Söderberg u sussegwentement professoressa mistiedna fir-Rīgas Juridiskā augstskola (l-Iskola Superjuri tad-Dritt ta’ Riga, il-Latvja) fejn, mill‑2001, kellha katedra ta’ professoressa tad-dritt internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem. Mill‑2001 sal‑2005, hija għallmet ukoll fl-Istitut Raoul Wallenberg tal-Lunds universitet bħala professoressa mistiedna.
Il-karriera ġudizzjarja ta’ I. Ziemele bdiet fl‑2005, bl-ewwel ħatra tagħha bħala mħallef fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasbourg, pożizzjoni li hija okkupat ukoll bħala Presidenta ta’ Awla sal‑2014. Maħtura mħallef fil-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja) fl‑2015, hija kienet il-presidenta tagħha mill‑2017 sal‑2020.
Mill‑2017, hija kienet membru korrispondenti tal-Akkademja tax-Xjenzi tal-Latvja, li magħha tikkollabora permezz tar-riċerka tagħha fid-dritt, li tat lok għall-pubblikazzjoni ta’ numru ta’ xogħlijiet.
I. Ziemele nħatret Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Ottubru 2020 u minn dakinhar ilha taqdi dmirha f’din il-kariga.
Imwieled fl-1974 fi Praga (iċ-Ċekoslovakkja), Jan Passer studja fl-Univerzita Karlova (l-Università Karlu, ir-Repubblika Ċeka) u hemm kiseb il-lawrea fid-dritt li kkompleta, fl-2000, b’master fid-dritt mill-iStockholms universitet (l-Università ta’ Stokkolma, l-Isvezja). Fl-2007, huwa sostna teżi tad-dottorat fl-Università Karlu.
Mill-1997, huwa eżerċita attivitajiet ġudizzjarji f’pajjiż twelidu, l-ewwel bħala awditur tal-ġustizzja fil-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), pożizzjoni li okkupa sal-2001, imbagħad bħala mħallef fl-Obvodní soud pro Prahu 2 (il-Qorti Distrettwali ta’ Praga 2, ir-Repubblika Ċeka), mill-2001 sal-2005. Mill-2005 sal-2016, huwa kien imħallef fin-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka).
L-esperjenza miksuba tul il-prattika wasslet lil Jan Passer jgħallem bħala kap tal-kors fid-dritt tal-Unjoni, fost suġġetti oħra, fl-Univerzita Karlova mill-2001 sal-2003, fil-Masarykova univerzita (l-Università Masaryk, ir-Repubblika Ċeka) mill-2006 sal-2016 kif ukoll fl-Univerzita Palackého v Olomouci (l-Università Palacký ta’ Olomouc, ir-Repubblika Ċeka) mill-2014 sal-2016. Din il-perizja wasslitu wkoll jgħallem id-dritt, mill-2001 sal-2016, fl-Akkademja tal-Ġustizzja tar-Repubblika Ċeka.
Jan Passer ġie nnominat Imħallef fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fid‑19 ta’ Settembru 2016. Huwa eżerċita hemm għal erba’ snin, qabel ma ġie nnominat, fis‑6 ta’ Ottubru 2020, Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja, fejn jeżerċita minn dakinhar il-mandat tiegħu.
Imwieled f’Famagusta (Ċipru), Nicholas Emiliou studja fl-Ethniko kai Kapodistriako Panepistimio Athinon (l-Università Nazzjonali u Kapodistrijana ta’ Ateni, il-Greċja) fejn kiseb lawrea fid-dritt fl‑1986. Kompla l-istudji tiegħu fil-London School of Economics and Political Science (l-Iskola tal-Ekonomija u Xjenza Politika ta’ Londra, ir-Renju Unit) u hemm kiseb master fid-dritt Ewropew fl-1987. Fl-1991, huwa laħaq duttur fid-dritt mill-University College London (il-Kulleġġ Universitarju ta’ Londra, ir-Renju Unit).
Huwa f’din l-università li beda l-karriera universitarja tiegħu bħala riċerkatur supplimentari, mill-1988 sal-1991. Wara kien lettur tad-dritt Ewropew fil-University of Southampton (l‑Università ta’ Southampton, ir-Renju Unit) mill-1991 sal-1993, imbagħad fil-Queen Mary and Westfield College, University of London (il-Kulleġġ Queen Mary u Westfield, l-Università ta’ Londra, ir‑Renju Unit), mill-1993 sal-1994. Bejn l-1995 u l-1997, huwa kien it-titolari tal-katedra Jean Monnet tal-integrazzjoni Ewropea fil-University of Durham (l-Università ta’ Durham, ir-Renju Unit). Mill-1994 sal-1997, fl-istess żmien ta’ dawn l-attivitajiet, Nicholas Emiliou kien id-direttur onorarju tar-riċerka (Honorary Senior Research Fellow) tal-University College London u kunsillier speċjali tal-Ministru Għall-Affarijiet Barranin ta’ Ċipru.
Bejn l-1997 u l-1998, huwa kien ministru plenipotenzjarju fid-Dipartiment tal-Unjoni Ewropea tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta’ Ċipru, sussegwentement, mill-1998 sal-1999, delegat permanenti supplimentari tar-Repubblika ta’ Ċipru għall-Unjoni Ewropea.
Mill-1999 sal-2002, Nicholas Emiliou kien ambaxxatur plenipotenzjarju u straordinarju tar-Repubblika ta’ Ċipru fl-Irlanda.
Bejn l-2002 u l-2004, huwa eżerċita l-funzjonijiet ta’ rappreżentant permanenti tar-Repubblika ta’ Ċipru għall-Kunsill tal-Ewropa u rappreżentant tal-Gvern ta’ Ċipru fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fl-2004, ġie nnominat rappreżentant permanenti tar-Repubblika ta’ Ċipru għall-Unjoni Ewropea u eżerċita dawn il-funzjonijiet sal-2008.
Nicholas Emiliou ġie nnominat segretarju permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta’ Ċipru, liema kariga okkupa sal-2012.
Bejn l-2012 u l-2017, huwa sar rappreżentant permanenti tar-Repubblika ta’ Ċipru għan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, qabel ma ssejjaħ jaqdi l-funzjonijiet ta’ rappreżentant permanenti tar-Repubblika ta’ Ċipru għall-Unjoni Ewropea, mill-2017 sal-2021. Huwa poġġa wkoll fil-Grupp ta’ Arbitri tal-Qorti Permanenti tal-Arbitraġġ f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi) mill-1995 sal-2016.
Nicholas Emiliou ġie nnominat Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2021.
Imwieled fl-1965 f’Budapest (l-Ungerija), Zoltán Csehi kiseb il-lawrea fid-dritt fl-Eötvös Loránd Tudományegyetem (l-Università ta’ Loránd Eötvös, l-Ungerija) fl-1990 u diploma ta’ Master of Laws fir‑Ruprecht-Karls-Universität Heidelberg (l-Università Ruprecht Karl ta’ Heidelberg, il-Ġermanja) fl‑1991. Huwa segwa l-istudji dottorali fl-Eötvös Loránd Tudományegyetem, u sostna teżi dottorali fl-2004. Huwa wkoll lawreat fl-istorja tal-arti mill-Università ta’ Eötvös Loránd Tudományegyetem fl-1992.
Wara li ġie ammess fl-avukatura ta’ Budapest, huwa beda karriera ta’ avukat fl-Ungerija bejn l-1995 u l‑2016. Fl-istess ħin tal-karriera ta’ avukat tiegħu, huwa ġie nnominat arbitru fil-Pénz és Tőkepiaci Állandó Választottbíróság (il-Qorti Permanenti ta’ Arbitraġġ tas-Swieq Finanzjarji u tas-Swieq ta’ Kapitali, l‑Ungerija) u arbitru ad hoc, mill-2004 sal-2016.
Zoltán Csehi barra minn hekk iddedika ruħu għat-tagħlim tad-dritt bħala professur assoċjat, mill‑1991 sal-2005, imbagħad bħala professur, mill-2005 sal-2016, fl-Eötvös Loránd Tudományegyetem. Huwa għallem ukoll fi ħdan il-Pázmány Péter Katolikus Egyetem (l-Università Kattolika Péter Pázmány, l‑Ungerija), bħala kap tad-dipartiment tad-dritt kummerċjali mill-2007 sal-2013, u bħala professur mill‑2013. Hemmhekk assuma l-funzjonijiet ta’ kap tad-Dipartiment tad-Dritt Privat u Kummerċjali mill‑2013 sal-2016, u ta’ professur tar-riċerka fid-dritt privat u kummerċjali mill-2017, kif ukoll ta’ kap tad-Dipartiment tad-Dritt Ċivili mill-2018. Mill-2013, huwa kien professur mistieden fl-Università Kattolika ta’ Lyon (Franza).
Zoltán Csehi ġie nnominat Imħallef fil-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ April 2016 fejn eżerċita dawn il-funzjonijiet għal ħames snin qabel ma’ ġie maħtur f’din il-funzjoni fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2021.
Imwielda fl-1967 f’Vălenii de Munte (ir-Rumanija), Octavia Spineanu-Matei kisbet il-lawrea fid-dritt mill‑Universitatea Alexandru Ioan Cuza din Iași (l-Università Alexandru Ioan Cuza, ir-Rumanija) (diploma ta’ mertu) fl-1990 u dottorat fid-dritt mill-Academia de Poliție “Alexandru Ioan Cuza” (l-Akkademja tal-Pulizija “Alexandru Ioan Cuza”, ir-Rumanija) fl-1999.
Fl-1991, hija bdiet il-karriera professjonali tagħha bħala mħallef fil-Judecătoria sectorului 4 București (il‑Qorti tal-Ewwel Istanza tar-Raba’ Distrett ta’ Bukarest, ir-Rumanija) fejn eżerċitat il-funzjonijiet sal-1996. Mill-1996 sal-1999, hija serviet fil-kwalità ta’ mħallef fit-Tribunalul București (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija), li tagħha kienet il-president tal-awla ċivili bejn l-1997 u l-1999. Wara li ngħaqdet mal-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) bħala mħallef mill-1999 sal-2005, u bħala president tal-awla ċivili mill-1999 sal-2003, ġiet innominata mħallef fl-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) mill-2006 sal-2016.
Mill-2006 sal-2016, Octavia Spineanu-Matei ġiet innominata membru estern tal-bord estiż tal-appell tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi f’Munchen (il-Ġermanja).
Mill-1997, hija ddedikat ruħha wkoll għat-taħriġ tal-membri tal-ġudikatura u tal-awdituri tal-ġustizzja Rumeni bħala formatriċi fl-Institutul Național al Magistraturii (l-Istitut Nazzjonali tal-Ġudikatura, ir‑Rumanija), li tiegħu hija kienet ukoll membru tal-Kumitat Xjentifiku sussegwentement, mill-2011 sal-2016, direttriċi. Hija barra minn hekk ħadet sehem fil-Bord ta’ Tmexxija tal-iȘcoala Națională de Grefieri (l-Iskola Nazzjonali tar-Reġistraturi, ir-Rumanija). Mill-2012 sal-2016, hija kienet membru tal-Kunsill tal-Kulleġġ Dottorali tal-Universitatea din București (l-Università ta’ Bukarest, ir-Rumanija). Koawtriċi ta’ diversi kotba u awtriċi ta’ diversi artikli fil-qasam legali, hija pparteċipat regolarment f’konferenzi nazzjonali u internazzjonali.
Octavia Spineanu-Matei ġiet innominata Mħallef fil-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Settembru 2016. Hija eżerċitat fiha għal ħames snin qabel ma ġiet innominata Mħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2021.
Imwielda fl-1967 f’Żagreb (il-Kroazja), Tamara Ćapeta bdiet l-istudji tagħha fl-iSveučilište u Zagrebu (l-Università ta’ Żagreb, il-Kroazja), fejn kisbet diploma fid-dritt fl-1991. Hija kompliet l-istudji tagħha fil-Collège d’Europe fi Bruges (il-Belġju) imnejn kisbet, fl-1993, master fl-istudji avvanzati Ewropej. Lura fl-iSveučilište u Zagrebu, hija bdiet ir-redazzjoni ta’ teżi u laħqet duttur tad-dritt fl‑2001.
Tamara Ćapeta bdiet il-karriera professjonali tagħha fl-1992 bħala uffiċjal fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Kroat, fi ħdan id-Dipartiment għall-Integrazzjoni Ewropea u d-Dipartiment tal-Aġenziji tal-ONU b’sede fl-Ewropa. Bejn l-1994 u l-1997, hija wettqet xogħol ta’ riċerka fuq il-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea fl-Institut za razvoj i međunarodne odnose (l-Istitut għall-Iżvilupp u r‑Relazzjonijiet Internazzjonali, il-Kroazja).
Hija bdiet karriera universitarja fl-1997, bħala assistent universitarju fi ħdan id-Dipartiment tad-Dritt Kummerċjali u tal-Kummerċ Internazzjonali tal-Fakultà tal-Ekonomija fl-iSveučilište u Zagrebu. Mill‑2002, hija saret professur fil-Fakultà tal-Liġi fl-iSveučilište u Zagrebu, fejn kienet wieħed mill-membri fundaturi tad-Dipartiment tad-Dritt Pubbliku Ewropew.
Mill-2013 sal-2014, Tamara Ćapeta ġiet innominata kap tad-diviżjoni ta’ traduzzjoni tal-ilsien Kroat fid-Direttorat Ġenerali tal-Multilingwiżmu tal-Unjoni Ewropea, perijodu li fih kompliet l-attività ta’ tagħlim fl-iSveučilište u Zagrebu. Mill-2015 sal-2021, ġiet innominata kap tad-Dipartiment tad-Dritt Pubbliku Ewropew u direttur tal-Programm ta’ Studji tat-Tielet Grad fid-Dritt Ewropew. Fundatriċi, fl‑2018, taċ-Ċentru ta’ Eċċellenza Jean Monnet, iddedikat għar-riċerka fuq l-istat tad-dritt, hija assumiet ir-rwol ta’ koordinatur tiegħu mill-2018 sal-2021.
Tamara Ćapeta hija l-awtur ta’ pubblikazzjonijiet numerużi fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni. Hija l‑fundatriċi ta’ rivista internazzjonali fid-dritt tal-Unjoni, l-unika eżistenti llum fil-Kroazja, li tagħha hija kienet ukoll l-editur ewlieni mill-2010 sal-2015. Fl-istess żmien tal-attività ta’ tagħlim tagħha fl‑iSveučilište u Zagrebu, hija kienet, bejn l-2005 u l-2010, professur mistieden fid-dritt tal-Unjoni fil‑kuntest tal-programm ta’ skambji tal-Fakultà tal-Liġi tal-Indiana University (l-Università ta’ Indiana, l-Istati Uniti) wara, fl-2016, fil-University of Pittsburgh (l-Università ta’ Pittsburgh, l-Istati Uniti) u fiż‑Zhōngguó Zhèngfǎ Dàxué (l-Università Ċiniża tax-Xjenzi Politiċi u tad-Dritt, iċ‑Ċina). Hija għallmet ukoll lill-imħallfin u lill-uffiċjali Kroati fil-kuntest tal-programmi ta’ taħriġ kontinwat fid-dritt tal-Unjoni, organizzati mill-Pravosudna akademija (l-Akkademja Ġudizzjarja, il-Kroazja) u mid‑Državna škola za javnu upravu (il-Kulleġġ tal-Istat tal-Amministrazzjoni Pubblika, il-Kroazja).
Fl-2020, Tamara Ćapeta ġiet innominata minn kumitat imħallat tal-Unjoni Ewropea membru tal-grupp speċjali ta’ arbitraġġ għall-ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit, funzjonijiet li waqfet twettaq wara n-nomina tagħha bħala Avukata Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja.
Tamara Ćapeta ġiet innominata Avukata Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2021.
Imwielda fl-1971 f’Jelgava (il-Latvja), Laila Medina studjat fl-IMO International Maritime Law Institute (l-Istitut tad-Dritt Marittimu Internazzjonali, Malta) u hemm kisbet master fid-dritt marittimu internazzjonali fl-1995. Sussegwentement, fl-2002, hija kisbet master fid-dritt tal-Unjoni fir-Rīgas Juridiskā augstskola (il-Kulleġġ Ogħla tad-Dritt ta’ Riga, il-Latvja).
Mill-1995, daħlet fid-Dipartimenti tal-Ministru għat-Trasport bħala kap tad-Diviżjoni Ġuridika u direttriċi supplimentari tad-Dipartiment Marittimu. Hija eżerċitat il-funzjonijiet tagħha hemm sal‑2002, is-sena tan-nomina tagħha, fi ħdan dan il-ministeru, ta’ pożizzjoni ta’ kunsillier tas-segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej.
Mill-2004 sal-2005, Laila Medina okkupat il-pożizzjoni ta’ kap supplimentari tal-Uffiċċju tal-Affarijiet Ewropej fil-Kanċellerija tal-Istat tar-Repubblika tal-Latvja.
Fl-2005, hija ngħaqdet mad-dipartimenti tal-Ministeru għall-Ġustizzja Latvjan bħala direttriċi tad-Dipartiment tal-Pjanifikazzjoni tal-Politiki. Mill-2006, hija assumiet fil-funzjonijiet ta’ segretarju tal-Istat fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja Supplimentari għall-Politika Settorjali, sussegwentement dawk ta’ segretarju tal-Istat Supplimentari għall-Politika Ġuridika mill-2009 sal-2021.
Il-karriera ta’ Laila Medina inkludiet ukoll attivitajiet ta’ tagħlim. Bejn l-1998 u l-2006, hija kienet responsabbli għall-kors tad-dritt Ewropew u d-dritt istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea fil-Valsts administrācijas skola (il-Kulleġġ ta’ Amministrazzjoni Pubblika, il-Latvja). Fl-2012, hija tat ukoll taħriġ lill-membri tal-ġudikatura u lin-nutara dwar ir-Regolament Ruma III. Fl-aħħar nett, mill-2008, hija kienet membru tal-Kunsill tal-Fakultà tal-Liġi tal-Biznesa augstskola Turība (il-Kulleġġ Ogħla tal-Kawżi “Turība”, il-Latvja).
Laila Medina ġiet innominata Avukata Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2021.
Imwieled fl‑1960 f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi), Bernardus (Ben) Maria Polycarpus Smulders kiseb master fid-dritt fl-Universiteit Leiden (l-Università ta’ Leiden, il-Pajjiżi l-Baxxi) fl‑1983. Huwa kompla l-istudji tiegħu fil-London School of Economics and Political Science (l-Iskola tal-Ekonomija u Xjenza Politika ta’ Londra, ir-Renju Unit) u hemm kiseb master fid-dritt fl‑1984. Fl‑2010 segwa taħriġ fil-London Business School (l-Iskola tan-Negozju ta’ Londra, ir-Renju Unit), fl‑2011 fl‑INSEAD Fontainebleau (Franza) u fl‑2018 fl-iStanford Business School (l-Iskola tan-Negozju ta’ Stanford, l-Istati Uniti).
Fl‑1985, B. Smulders beda l-karriera professjonali tiegħu bħala avukat iskritt fil-Kamra tal-Avukati ta’ Amsterdam u eżerċita dawn il-funzjonijiet sal‑1990.
Huwa ngħaqad mas-Servizz Legali tal-Kummissjoni Ewropea fl‑1991 u ħadem hemm sal‑1994 fi ħdan it-tim “Moviment liberu tal-kapital, libertà ta’ stabbiliment, libertà li jiġu pprovduti servizzi, tassazzjoni, Unjoni Doganali u Unjoni Ekonomika u Monetarja” u t-tim “Kontroll tal-għajnuna mill-Istat u antidumping”.
B Smulders kompla l-karriera tiegħu mal-Kummissjoni bħala membru tal-kabinett tal-Kummissarju inkarigat mir-Relazzjonijiet Esterni u t-Tkabbir Hans van den Broek (1995‑1999), tal-Kummissarju responsabbli għas-Suq Intern, għat-Tassazzjoni u għall-Unjoni Doganali, Frits Bolkestein (1999‑2000) u tal-President Romano Prodi (2000‑2004). Mill‑2004 sal‑2008, huwa kien kap tal-kabinett tal-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes, u sussegwentement konsulent legali prinċipali, bħala direttur, mat-tim “Istituzzjonijiet u Unjoni Ekonomika u Monetarja” tas-Servizz Legali tal-Kummissjoni (2008‑2014). Huwa sar kap tal-kabinett tal-ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Frans Timmermans (2014‑2019), u sussegwentement konsulent legali prinċipali, bħala direttur, mat-tim “Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u Politika Kummerċjali” tas-Servizz Legali tal-Kummissjoni (2020‑2022). Mill‑2022 sal‑2024, huwa kien Assistent Direttur Ġenerali fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni, fejn kien responsabbli għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.
Mill‑2012, huwa jeżerċita okkażjonalment funzjonijiet ta’ Mħallef supplenti fi ħdan l-awla ċivili u kummerċjali tal-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), li tittratta b’mod partikolari kawżi li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-Istat fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, tad-dritt internazzjonali pubbliku jew ta’ kwistjonijiet ta’ immunità minn eżekuzzjoni ta’ pajjiżi terzi. Barra minn hekk, huwa jiddedika ruħu għal karriera universitarja, prinċipalment fid-dritt internazzjonali u Ewropew, bħala lettur tal-konferenzi fil-Fondazione Collegio Europeo di Parma (il-Kulleġġ Ewropew ta’ Parma, l-Italja) mill‑2003 kif ukoll fl-Università Paris-Panthéon-Assas (l-Università ta’ Pariġi-Panthéon-Assas, Franza) mill‑2019 u bħala professur mistieden fil-Vrije Universiteit Brussel (l-Università Libera ta’ Brussell, il-Belġju) kif ukoll fil-Collège d’Europe ta’ Bruges (il-Belġju) mill‑2013. Huwa għallem ukoll fl-Universiteit van Amsterdam (l-Università ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) u fir-Radboud Universiteit Nijmegen (l-Università Radboud ta’ Nijmegen, il-Pajjiżi l-Baxxi) mill‑1994 sal‑2005. Mill‑2002 sal‑2022, B. Smulders kien membru u, sussegwentement, president tal-Curatorium tal-Europa Instituut tal-Fakultà tal-Liġi tal-Universiteit Leiden. Mill‑2008 sal‑2024, huwa kien membru tal-kumitat editorjali tal-Common Market Law Review.
Huwa l-awtur ta’ diversi xogħlijiet u artikli b’mod partikolari fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, tad-dritt istituzzjonali, tal-protezzjoni tal-Istat tad-dritt, tas-suq intern u tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
Ben Smulders ġie nnominat Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2024.
Imwieled fl‑1962 fil-Lussemburgu (il-Gran Dukat tal-Lussemburgu), Dean Spielmann kiseb diploma fid-dritt fl‑1988 fl-Université catholique de Louvain (l-Università Kattolika ta’ Louvain, il-Belġju) qabel ma kompla l-istudji tiegħu fil-Fitzwilliam College tal-University of Cambridge (l-Università ta’ Cambridge, ir-Renju Unit), fejn kiseb it-titolu ta’ Master of Laws fl‑1990.
Huwa eżerċita l-professjoni ta’ avukat mal-Kamra tal-Avukati tal-Lussemburgu mill‑1989 sal‑2004 u barra minn hekk kompla karriera universitarja fit-tagħlim tad-dritt kriminali, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fost oqsma oħra. Mill‑1991 sal‑1997, huwa okkupa pożizzjoni ta’ assistent riċerkatur fl-Université catholique de Louvain (l-Università Kattolika ta’ Louvain) u ta’ lettur assoċjat fl-Université du Luxembourg (l-Università tal-Lussemburgu) mill‑1996 sal‑2006. Bejn l‑1997 u l‑2009, kien ukoll lettur fl-Université Nancy II (l-Università Nancy II, Franza) u, fl‑2017 u fl‑2018, għallem fl-Institut d'études politiques de Paris (l-Istitut ta’ Studji Politiċi ta’ Pariġi, Franza).
Barra minn hekk, huwa awtur ta’ numru ta’ xogħlijiet u artikli, u membru ta’ Kumitati Xjentifiċi u Editorjali ta’ numru ta’ rivisti legali.
Fl‑2000, huwa nħatar membru tal-kummissjoni konsultattiva tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lussemburgu, li fiha huwa serva sal‑2004. Bejn l‑2002 u l‑2004, kien ukoll membru tal-Kumitati tad-Drittijiet tal-Bniedem u tad-Dritt Kriminali tal-Conseil des barreaux européens (il-Kunsill tal-Kmamar tal-Avukati Ewropej, CCBE), iżda wkoll tan-netwerk tal-Unjoni Ewropea ta’ esperti indipendenti fil-qasam tad-drittijiet fundamentali.
Maħtur imħallef fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasbourg (Franza) fl‑2004, sar suċċessivament president ta’ sezzjoni fl‑2011, Viċi President fl‑2012 u sussegwentement President bejn l‑2012 u l‑2015.
D. Spielmann inħatar Imħallef fil-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ April 2016 fejn żgura l-funzjonijiet ta’ President ta’ Awla mit‑30 ta’ Settembru 2019 u sas‑6 ta’ Ottubru 2024.
Mis‑7 ta’ Ottubru 2024, huwa Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja.
Imwieled fl‑1964 fi Biella (l-Italja), Massimo Condinanzi kiseb, fl‑1988, diploma fid-dritt mill-Università degli Studi di Genova (l-Università ta’ Genova, l-Italja). Fl‑1993, huwa kiseb dottorat fid-dritt tal-Komunitajiet Ewropej mill-Università degli Studi di Bologna (l-Università ta’ Bologna, l-Italja).
M. Condinanzi beda l-karriera professjonali universitarja tiegħu fl‑1990 bħala assistent għall-attivitajiet didattiċi u xjentifiċi fl-Istitut tad-Dritt Internazzjonali tal-Fakultà tal-Liġi tal-Università degli Studi di Milano (l-Università ta’ Milan, l-Italja), funzjonijiet li huwa eżerċita sal‑1996. Mill‑1996 sal‑1998, huwa okkupa pożizzjoni ta’ riċerkatur fid-dritt internazzjonali fi ħdan din l-istess fakultà.
Fl‑1997, huwa ngħaqad mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej bħala référendaire, l-ewwel mal-Avukat Ġenerali Giuseppe Tesauro, imbagħad mal-Avukat Ġenerali Antonio Saggio.
Meta rritorna fl-Italja fl‑1998, wara li sar professur assoċjat, huwa għallem id-dritt internazzjonali fl-Università di Bologna u d-dritt tal-Unjoni Ewropea fil-kampus ta’ Piacenza tal-Università Cattolica del Sacro Cuore (l-Università Kattolika tal-Qalb Imqaddsa, l-Italja), fl-Università degli Studi di Genova u fil-Fakultà tal-Liġi tal-Università degli Studi di Milano. Huwa f’din il-fakultà li huwa sar professur titolari tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fl‑2005, funzjonijiet li ilu jeżerċita minn dak iż-żmien bħala detentur tal-Katedra tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u tal-Katedra tad-dritt tal-kontenzjuż tal-Unjoni Ewropea. Bejn l‑2014 u l‑2018, dejjem f’din l-istess fakultà, huwa kien koordinatur tat-taqsima tad-dritt internazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fi ħdan id-dipartiment tad-dritt pubbliku Taljan u supranazzjonali. Huwa kien professur mistieden fl-università Paris-Panthéon-Assas (l-Università ta’ Pariġi-Panthéon-Assas, Franza), fl-université Montesquieu Bordeaux IV (l-Università Montesquieu ta’ Bordeaux IV, Franza), fl-Universitatea “Alexandru Ioan Cuza” din Iași (l-Università Alexandru Ioan Cuza ta’ Iași, ir-Rumanija) u fl-université de Genève (l-Università ta’ Genève, l-Isvizzera). Huwa kien membru u relatur ta’ bordijiet għat-teżijiet fformulati b’mod partikolari fil-qasam tad-dritt tal-kontenzjuż tal-Unjoni Ewropea f’numru ta’ universitajiet Ewropej.
Minn dejjem interessat fid-dritt tal-kontenzjuż tal-Unjoni Ewropea, huwa kien fundatur, fl‑2023, tar-Revue du contentieux européen, li tagħha huwa d-direttur.
Mill‑2016 sal‑2018 u mill‑2019 sal‑2023, huwa kkoordina l-istruttura tal-missjoni għar-riżoluzzjoni tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri tar-Repubblika Taljana.
Mill‑2005 sal‑2024, huwa eżerċita wkoll il-professjoni ta’ avukat mal-Kamra tal-Avukati ta’ Biella u mal-Kamra tal-Avukati ta’ Milano u pparteċipa f’din il-kwalità fit-trattament ta’ diversi kawżi quddiem il-qrati tal-Unjoni.
Fl-istess ħin, huwa kien membru tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Académie de droit européen fi Trier (l-Akkademja tad-Dritt Ewropew (ERA), il-Ġermanja) u kelliem f’konferenzi, imbagħad espert ta’ taħriġ fis-Scuola Superiore della Magistratura (l-Iskola Superjuri tal-Ġudikatura, l-Italja).
M. Condinanzi huwa l-awtur ta’ diversi xogħlijiet u artikli b’mod partikolari fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni u pparteċipa, ta’ spiss bħala organizzatur, f’diversi konferenzi legali nazzjonali u internazzjonali. Fl‑2017, huwa pparteċipa fil-koordinazzjoni tar-redazzjoni tal-ewwel kummentarju “artikolu b’artikolu” tar-Regoli tal-Proċedura tal-qrati Ewropej bit-Taljan. Kien ukoll, bejn l‑2017 u l‑2023, koordinatur ta’ unità ta’ riċerka li wettqet programm ta’ riċerka ta’ interess nazzjonali (PRIN 2017) intitolat “Dove va l’Europa? (Fejn sejra l-Ewropa?)”.
M. Condinanzi inħatar Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja mis‑7 ta’ Ottubru 2024.
Imwieled fl‑1964 fi Stokkolma (l-Isvezja), Fredrik Schalin kiseb, fl‑1991, diploma fid-dritt mill-iStockholms universitet (l-Università ta’ Stokkolma, l-Isvezja), u, fl‑1990, diploma fid-dritt u sussegwentement, fl‑1994, diploma ta’ studji approfonditi fid-dritt Komunitarju u Ewropew mill-université de Paris I Panthéon-Sorbonne (l-Università ta’ Pariġi I Panthéon-Sorbonne, Franza).
Huwa beda l-karriera professjonali tiegħu bħala référendaire fis-Södertälje tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Södertälje, l-Isvezja) mill‑1991 sal‑1993, u sussegwentement fl-iSvea hovrätt (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, l-Isvezja) mill‑1994 sal‑1995. Huwa serva bħala mħallef fil-Gotlands tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Gotland, l-Isvezja) kif ukoll fin-Norrtälje tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Norrtälje, l-Isvezja) mill‑1995 sal‑1996, u sussegwentement fl-iSvea hovrätt mill‑1996 sal‑1997.
Fl‑1997, okkupa l-pożizzjoni ta’ assistent segretarju tal-kummissjoni parlamentari fil-Ministeru għall-Finanzi Svediż, qabel ma nħatar konsulent legali għall-affarijiet Ewropej fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Svediż fl‑1999.
Huwa daħal fis-servizz tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala référendaire mal-Imħallef Hans Ragnemalm fl‑1998, u eżerċita mill-ġdid dawn il-funzjonijiet mill‑1999 sal‑2006 mal-Imħallef Stig von Bahr.
Meta rritorna lura pajjiżu, F. Schalin eżerċita l-professjoni ta’ ġurista mill‑2006 sal‑2008 u, wara li ġie ammess fil-Kamra tal-Avukati ta’ Stokkolma fl‑2008, dik ta’ avukat. Fl‑2009, ingħaqad mal-korp tal-ġudikatura bħala mħallef u sussegwentement President ta’ Awla fis-Södertörns tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Södertörn, l-Isvezja), fejn serva sal‑2016.
Barra minn hekk, iddedika ruħu għat-tagħlim bħala lettur fl-iStockholms universitet (l-Università ta’ Stokkolma) mill-2006 sal-2008, imbagħad fid-Domstolsakademin (l-Akkademja tal-Qrati Svediżi) mill-2011.
F. Schalin inħatar Imħallef fil-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Ġunju 2016, fejn żgura l-funzjonijiet ta’ President ta’ Awla mid‑19 ta’ Settembru 2022 sas‑6 ta’ Ottubru 2024.
Mis‑7 ta’ Ottubru 2024, huwa Mħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja.
Imwieled fl‑1965 f’Firenze (l-Italja), Andrea Biondi studja fl-Università degli Studi di Firenze (l‑Università ta’ Firenze, l-Italja), fejn kiseb master fid-dritt fl‑1990, u wara dottorat fid-dritt komparattiv fl‑1996.
Huwa beda l-karriera universitarja tiegħu fil-University College London (il-University College ta’ Londra, ir-Renju Unit) fl‑1993, imbagħad, bejn l‑1994 u l‑1997, huwa ngħaqad mal-University of Birmingham (l-Università ta’ Birmingham, ir-Renju Unit). Fl‑1997, huwa ngħaqad mal-King’s College London (il-King’s College ta’ Londra, ir-Renju Unit), fejn huwa sar professur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fl‑2006, funzjonijiet li huwa eżerċita minn dak iż-żmien. Mill‑2001 sal‑2024, huwa kien ukoll direttur taċ-Ċentru tad-Dritt Ewropew fil-King’s College London.
Matul il-karriera tiegħu, A. Biondi għallem regolarment bħala professur mistieden f’universitajiet magħrufa, b’mod partikolari l-Libera Università Internazionale degli Studi Sociali Guido Carli “LUISS” (l-Università Internazzjonali tal-Istudji Soċjali Guido Carli, l-Italja), l-Università Bocconi (l-Università Bocconi, l-Italja), l-Università degli Studi di Roma “La Sapienza” (l-Università ta’ Ruma “La Sapienza”, l-Italja), il-Freie Universität Berlin (l-Università Libera ta’ Berlin, il-Ġermanja), l-université Paris II Panthéon-Assas (l-Università ta’ Pariġi II Panthéon-Assas, Franza), il-Georgetown University (l-Università ta’ Georgetown, l-Istati Uniti) u l-kampus tal-Collège d’Europe (il-Kulleġġ tal-Ewropa) f’Natolin (il-Polonja).
Fl‑2021, huwa sar Viċi President tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER).
A. Biondi ġie ammess fil-kamra tal-avukati Taljana fl‑2001 u sussegwentement ingħaqad ma’ żewġ uffiċċji ta’ avukati f’Londra bħala konsulent espert bejn l‑2003 u l‑2024.
Huwa l-awtur ta’ diversi xogħlijiet u pubblikazzjonijiet b’mod partikolari dwar id-dritt tal-Unjoni.
A. Biondi nħatar Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2024.
Imwieled fl‑1967 fi Voiron (Franza), Stéphane Gervasoni huwa ggradwat mill-Institut d’études politiques (IEP) (l-Istitut ta’ Studji Politiċi) ta’ Grenoble (Franza) fl‑1988 u mill-École nationale d’administration (ENA) (l-Iskola Nazzjonali tal-Amministrazzjoni) (Franza) fl‑1993 (Promotion Léon Gambetta).
Huwa fil-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Pariġi, Franza) li beda, fl‑1993, il-karriera professjonali tiegħu bħala uffiċjal tas-smigħ u sussegwentement, mill‑1996, okkupa l-kariga ta’ maître des requêtes (kariga li żamm sal‑2008, sena li fiha nħatar fil-grad ta’ konsulent tal-Istat). F’din il-kapaċità, huwa eżerċita l-funzjonijiet ta’ mħallef relatur fit-taqsima tal-kontenzjuż sal‑1997, u fl-istess ħin serva fit-taqsima soċjali (mill‑1996 sal‑1997). Fl‑istess waqt, huwa ngħata wkoll, mill‑1994 sal‑1996, il-funzjonijiet ta’ kummissarju tal-gvern mal‑kumitat speċjali ta’ kassazzjoni tal-pensjonijiet, li dak iż-żmien kien temporanjament inkluż fil‑Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), u, mill‑1995 sal‑1997, dawk ta’ konsulent legali mal-Ministeru għas‑Servizz Pubbliku Franċiż u tal-Ville de Paris.
Fl‑1997, Stéphane Gervasoni ngħaqad mal-prefettura tad-Dipartiment ta’ Yonne (Franza) bħala segretarju ġenerali, inkarigat ukoll mill-funzjonijiet ta’ subprefett tad-Distrett ta’ Auxerre, funzjonijiet li huwa eżerċita sal‑1999. Sussegwentement huwa ngħaqad mal-prefettura tad-Dipartiment ta’ Savoie (Franza) fejn assuma, mill‑1999 sal‑2001, il-funzjonijiet ta’ segretarju ġenerali u dawk ta’ subprefett tad-Distrett ta’ Chambéry (Franza).
Il-funzjonijiet li Stéphane Gervasoni eżerċita fi ħdan il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) u l-amministrazzjoni pubblika wassluh fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, fejn huwa ngħaqad bħala référendaire mal-Imħallef Jean-Pierre Puissochet, mill‑2001 sal‑2005. Huwa nħatar Imħallef fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fil‑5 ta’ Ottubru 2005, jum li fih ġiet stabbilita din il-qorti li kienet għadha kemm inħolqot. Huwa eżerċita l-funzjonijiet tiegħu hemmhekk sas‑6 ta’ Ottubru 2011, u dan bħala President ta’ Awla bejn is‑6 ta’ Ottubru 2008 u s‑6 ta’ Ottubru 2011.
Imsejjaħ lura fil-funzjonijiet tiegħu mal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), Stéphane Gervasoni kien, mill‑2011 sal‑2013, assistent tal-President tat-Tmien Awla tat-taqsima tal-kontenzjuż.
Barra minn hekk, huwa ddedika ruħu għal attivitajiet ta’ tagħlim, bħala lettur anzjan, mill‑1993 sal‑1995, fi ħdan l-Institut d’études politiques (IEP) (l-Istitut ta’ Studji Politiċi) ta’ Pariġi, u mal-Université de Luxembourg (l-Università tal-Lussemburgu), mill‑2016. Barra minn hekk, huwa kien ukoll membru titolari tal-Bord tal-Appelli tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) mill‑2001 sal‑2005, u membru tal-Bord tal-Appelli tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) mill‑2011 sal‑2013.
Stéphane Gervasoni nħatar Imħallef tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Settembru 2013. Elett darbtejn minn sħabu bħala President ta’ Awla, huwa serva f’din il-kariga mill‑21 ta’ Settembru 2016 sad-19 ta’ Settembru 2022.
Imwieled fl‑1968 f’Kopenħagen, Niels Fenger kiseb id-diploma tiegħu fid-dritt fl‑1992 fil-Københavns Universitet (l-Università ta’ Kopenħagen, id-Danimarka) u d-dottorat fid-dritt tiegħu fl‑2004 fl‑Aarhus Universitet (l-Università ta’ Aarhus, id-Danimarka).
Huwa beda l-karriera professjonali tiegħu fil-Ministeru għall-Ġustizzja Daniż, fejn okkupa l-pożizzjoni ta’ kap ta’ taqsima fl-Uffiċċju tad-Dritt tal-Unjoni Ewropea mill‑1992 sal‑1993 u fl-Uffiċċju tad-Dritt Ċivili mill‑1993 sal‑1994. Fl‑1994, huwa ngħaqad mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala référendaire fi ħdan l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Michael Bendik Elmer.
Meta rritorna d-Danimarka fl‑1995, huwa għallem, bħala riċerkatur, id-dritt amministrattiv u d-dritt tal-Unjoni fil-Københavns Universitet. Bejn l‑1996 u l‑2000, huwa reġa’ ngħaqad mal-Ministeru għall-Ġustizzja Daniż bħala kap ta’ taqsima fl-Uffiċċju tad-Dritt Kostituzzjonali u Amministrattiv.
Fl‑2001, huwa ngħaqad mal-Ministeru għall-Intern Daniż bħala kap tal-uffiċċju, li għandu l-kompitu li jikkontrolla l-legalità tad-deċiżjonijiet muniċipali fl-oqsma tal-kummerċ u tal-ambjent. Fl‑2002, huwa nħatar Direttur tas-Servizz Legali tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA), funzjoni li huwa eżerċita sal‑2009 bħala rappreżentant ta’ din l-istituzzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti tal-EFTA.
Huwa sar professur fid-dritt amministrattiv fil-Københavns Universitet fl‑2009, pożizzjoni li okkupa sal‑2017. Huwa l-awtur ta’ diversi xogħlijiet u ta’ diversi artikoli fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni, tad-dritt amministrattiv u tar-regoli proċedurali tal-qrati Daniżi.
Mill‑2014 sal‑2015, u sussegwentement mill‑2017 sal‑2019, huwa kien imħallef fil-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka).
Mill‑2014 sal‑2016, huwa għamel ukoll parti mill-kumitat Daniż li għandu l-kompitu li jagħti deċiżjonijiet dwar l-ammissibbiltà ta’ appelli f’materji ċivili u kriminali.
Mill‑2019 sal‑2024, N. Fenger okkupa l-pożizzjoni ta’ Ombudsman Parlamentari Daniż.
N. Fenger inħatar Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2024.
Imwielda fl‑1971 f’Malta u oriġinarjament miż-Żejtun (Malta), Ramona Frendo kisbet mill-Università ta’ Malta diploma fid-dritt fl‑1993 u dottorat fid-dritt fl‑1995. Hija kompliet l-istudji tagħha fil‑University of Cambridge (l-Università ta’ Cambridge, ir-Renju Unit) fejn fl‑1996 kisbet master fil‑kriminoloġija. Fl‑2018, hija kkompletat l-istudji universitarji tagħha permezz ta’ studji ta’ dottorat fid-dritt Ewropew mill-King’s College London (Londra, ir-Renju Unit).
R. Frendo bdiet il-karriera tagħha bħala avukat mal-Kamra tal-Avukati ta’ Malta, professjoni li hija eżerċitat mill‑1996 sal‑2019. Barra minn hekk, il-konoxxenzi pluridixxiplinari tagħha wassluha tokkupa, mill‑1997 sal‑1998, pożizzjoni ta’ konsulent legali fil-Ministeru għall-Protezzjoni Soċjali ta’ Malta u dik ta’ espert legali fi ħdan il-qrati tal-Belt Valletta (Malta) bejn l‑1997 u l‑2019, kif ukoll ma’ diversi kumpanniji tal-assigurazzjoni, mill‑2006 sal‑2019.
Mill‑2006 sal‑2019, hija kienet membru taċ-Ċentru dwar l-Arbitraġġ ta’ Malta u, mill‑2009 sal‑2019, tal-Kummissjoni dwar l-Impjiegi ta’ Malta. Hija nħatret membru tal-Kummissjoni Nazzjonali tal‑Familja (Malta) mill‑2012 sal‑2013, data li fiha hija serviet ukoll fi ħdan il-Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja (Malta) u sussegwentement, bejn l‑2014 u l‑2016, quddiem il-Kummissjoni dwar ir-Riforma fis-Sistema Ġudizzjarja (Malta). Wara li fl‑2016 inħatret mill-Gvern Malti kunsilliera speċjali fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma “Viżi” tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, hija ppresjediet dan il-Grupp ta’ Ħidma fil-kuntest tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill fl-ewwel nofs tal‑2017.
R. Frendo nħatret Imħallef fil-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Marzu 2019. Hija eżerċitat hemm dawn il-funzjonijiet għal ħames snin, qabel ma nħatret, fis‑7 ta’ Ottubru 2024, Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja, fejn teżerċita minn dakinhar il-mandat tagħha.
Imwieled fl‑1979 fi Klaipėda (il-Litwanja), Rimvydas Norkus kiseb master fid-dritt mill-Vilniaus universitetas (l-Università ta’ Vilnjus, il-Litwanja) fl‑2001. Sussegwentement beda studji ta’ dottorat fid-dritt fil-Mykolo Romerio universitetas (l-Università Mykolas Romeris, il-Litwanja) u ddefenda t-teżi tiegħu fl‑2005.
Huwa beda l-karriera professjonali tiegħu bħala assistent legali fil-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) mill‑1999 sal‑2000, u huwa fi ħdan din il-qorti li assuma, mill‑2000 sal‑2003, il-funzjonijiet ta’ konsulent tal-President. Bejn l‑2003 u l‑2009, inħatar direttur tad-dipartiment tal-prassi ġudizzjarja tal-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja).
Mill‑2009 sal‑2010, kien ġurista lingwista fil-Parlament Ewropew qabel ma rritorna lura pajjiżu sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ direttur tad-dipartiment tar-riċerka legali mal-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) mill‑2010 sal‑2012. Huwa nħatar imħallef fil-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) mill‑2012 sal‑2013 u sussegwentement serva għal sena fil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), qorti li huwa ppresjeda mill‑2014 sal‑2019. Barra minn hekk, kien President tal-Lietuvos Teisėjų taryba (il-Kunsill għall-Ġudikatura tal-Litwanja) mill‑2016 sal‑2018.
Mill‑2007 sal‑2008, Rimvydas Norkus iddedika ruħu wkoll għat-tagħlim bħala professur assoċjat mal-Mykolo Romerio universitetas (l-Università Mykolas Romeris), li l-Istitut tad-Dritt Privat tagħha laqgħatu bħala professur mill‑2012 sal‑2019. Huwa wkoll l-awtur ta’ numru ta’ pubblikazzjonijiet legali.
Imwieled fl-1961 f’Valencia (Spanja), Alfredo Calot Escobar wettaq l-istudji tiegħu fl-Universidad de Valencia (l-Università ta’ Valencia, Spanja), fejn kiseb il-lawrea tad-dritt fl-1984.
F’Jannar 1986, huwa ġie rreklutat mill-Kunsill tal-Kmamar tal-Kummerċ tal-Komunità Awtonoma ta’ Valencia sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ analista kummerċjali fl-uffiċċju kummerċjali ta’ Spanja f’Toronto (il-Kanada). Huwa ħadem hemm sad-dħul fil-kariga tiegħu fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, fis‑16 ta’ Lulju 1986, wara li għadda mill-kompetizzjoni ġenerali intiża li timla l-ewwel pożizzjonijiet ta’ ġuristi lingwisti tal-ilsien Spanjol fid-Direttorat tat-Traduzzjoni.
Fl-1990, huwa ġie promoss fil-pożizzjoni ta’ ġurista reviżur u eżerċita din il-funzjoni sal-1993, data li fiha ngħaqad mad-Diviżjoni tal-Istampa u tal-Informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Fl-1995, huwa għadda minn kompetizzjoni ġenerali għal amministraturi organizzata mill-Parlament Ewropew. Din ippermettietlu jingħaqad mas-Segretarjat tal-Kummissjoni istituzzjonali, fejn kien inkarigat jipprepara diversi rapporti ġuridiċi għall-membri tal-parlament, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Konferenza intergovernattiva li nżammet qabel il-konklużjoni tat-Trattat ta’ Amsterdam.
Fl-1996, huwa ssejjaħ mill-ġdid sabiex jingħaqad mal-uffiċċju tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn eżerċita l-funzjonijiet ta’ attaché sal-1999, data li fiha huwa ġie nnominat référendaire fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Dámaso Ruiz-Jarabo Colomer.
Bis-saħħa tad-diversità tal-esperjenza professjonali tiegħu, huwa reġa’ ngħaqad mad-Dipartiment tat-Traduzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-2000 bħala kap tad-Diviżjoni tal-ilsien Spanjol, li għaliha kien ikkontribwixxa għall istabbiliment tagħha 14-il sena qabel.
Fl-2001, ġie nnominat direttur tat-traduzzjoni, f’mument importanti fl-istorja tal-multilingwiżmu, għaliex kienet qiegħda ssir il-preparazzjoni tat-tkabbir tal-Unjoni b’għaxar membri ġodda, u, b’dan, kważi l-irdoppjar tan-numru tal-lingwi uffiċjali, li minn 11 saru 20.
Wara bidla fl-istruttura tad-dipartimenti amministrattivi tal-istituzzjoni, Calot Escobar ġie nnominat direttur ġenerali tat-traduzzjoni f’Ġunju 2007.
Fis‑6 ta’ Ottubru, ġie elett Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkarigu li jokkupa mit-tiġdid tiegħu fl-2022, fi tmiem it-tieni mandat tiegħu.