Ara l-istatistika ddettaljata tal-Qorti tal-Ġustizzja
minn
Marc-André Gaudissart
Assistent Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja
Bħal kull sena, għandi l-unur nikteb fil-qosor il-kummenti dwar l-istatistika ġudizzjarja tas-sena li għaddiet u nipprovdi lill-qarrej xi ċwievet għall-qari u għall-komprensjoni tad-data dwar il-kawżi mressqa quddiem il-qorti jew magħluqa minn din tal-aħħar.
Filwaqt li l-eżerċizzju mhux dejjem ikun faċli peress li l-varjazzjonijiet, minn sena għal oħra, xi drabi ma jkunux sinjifikattivi u għalhekk mhux dejjem jippermettu li jiġu enfasizzati żviluppi notevoli jew li jiġu identifikati xejriet rikorrenti, is-sena 2024 hija eċċezzjoni ċara għar-regola. F’ħafna aspetti, is-sena li għaddiet tista’ fil-fatt tiġi kklassifikata bħala sena straordinarja, fis-sens ewlieni tal-kelma, kemm fir-rigward tan-numru ta’ kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2024 kif ukoll fir-rigward tan-numru ta’ kawżi magħluqa minn din tal-aħħar. Fil-fatt, it-tnejn ifakkru l-għola punti milħuqa fl‑2019 u jagħtu s-sens kollu tagħhom lir-riforma leġiżlattiva li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Settembru 2024 u li twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja taqsam il-ġurisdizzjoni preliminari tagħha mal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li issa hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qrati tal-Istati Membri tal-Unjoni fl-oqsma speċifiċi msemmija fl-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, l-“Istatut”) [1].
F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2024, in-numru tagħhom ġie stabbilit għal 920 kawża. Dan ma huwiex l-ogħla numru fl-istorja tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li r-rekord intlaħaq ħames snin ilu, b’966 kawża ġdida fl‑2019, iżda din iċ-ċifra xorta tirrappreżenta żieda ta’ 12 % meta mqabbla mas-sena preċedenti (821 kawża ġdida fl‑2023) u ma tinkludix il-madwar għoxrin talba għal deċiżjoni preliminari mressqa fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja wara l‑1 ta’ Ottubru 2024 u li ntbagħtu lill-Qorti Ġenerali wara l-analiżi preliminari msemmija fl-Artikolu 93a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-assenza tar-riforma ċċitata iktar ’il fuq, in-numru ta’ kawżi intiżi għall-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2024 kien għalhekk ikun saħansitra ogħla.
Mingħajr sorpriża, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari għadhom jokkupaw il-parti l-kbira tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2024, b’mhux inqas minn 573 talba ġdida għal deċiżjoni preliminari (meta mqabbla ma’ 518 fl‑2023), iżda hemm ukoll żieda fis-sehem meħud mill-appelli fil-kontenzjuż tal-Qorti tal-Ġustizzja peress li n-numru ta’ appelli, appelli għal miżuri provviżorji u appelli fuq intervent ippreżentati fl‑2024 kien ta’ 277, jiġifieri numru ikbar min-numru tal-appelli rreġistrati fl‑2023 (231), iżda wkoll ogħla mil-limitu massimu milħuq fl‑2019 (b’266 appell ġdid ippreżentat dik is-sena). Din iż-żieda toriġina mill-adozzjoni, mill-Qorti Ġenerali, ta’ diversi deċiżjonijiet li jtemmu l-istanza fit-tilwim bejn diversi għexieren ta’ istituzzjonijiet bankarji u l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Peress li d-deċiżjonijiet ta’ dan il-korp dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni ġew annullati mill-Qorti Ġenerali, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew il-banek ikkontestaw id-deċiżjonijiet ta’ din il-qorti. B’hekk ġew ippreżentati mhux inqas minn 76 appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Sa fejn is-suġġett ta’ dawn il-kawżi huwa essenzjalment identiku u sa fejn il-motivi invokati mir-rikorrenti jikkoinċidu fil-parti l-kbira tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, identifikat ċerti kawżi “pilota” u, bil-kunsens tal-partijiet ikkonċernati, iddeċidiet li tissospendi t-trattament tal-kawżi l-oħra sakemm jingħataw deċiżjonijiet futuri fil-kawżi piloti.
Kuntrarjament għar-rinviji għal deċiżjoni preliminari u għall-appelli, ir-rikorsi diretti ġarrbu, min-naħa tagħhom, tnaqqis żgħir fl‑2024 meta mqabbla mas-sena preċedenti (53 kawża ġdida, meta mqabbla ma’ 60 fl‑2023), iżda wieħed għandu jindika b’mod partikolari l-preżentata tal-ewwel rikors ibbażat fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, mibgħut f’isem l-Assemblée nationale (l-Assemblea Nazzjonali) tar-Repubblika Franċiża mill-Gvern ta’ dan l-Istat [2], kif ukoll żewġ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentati mill-Kummissjoni kontra r-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 87(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ ta’ dan l-Istat mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. Ippreżentati fl‑20 ta’ Diċembru 2024, jiġifieri ftit jiem biss qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ erba’ snin imsemmi fl-Artikolu ċċitat iktar ’il fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ, dawn ir-rikorsi huma intiżi li jiġi kkonstatat, minn naħa, nuqqas tar-Renju Unit tal-obbligi previsti fl-Artikoli 45 u 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll f’diversi artikoli tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri [3] [4] u, min-naħa l-oħra, nuqqas ta’ dan l-Istat li jwettaq l-obbligi tiegħu taħt diversi dispożizzjonijiet tat-Trattati, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt billi ma silitx il-konsegwenzi kollha tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Achmea [5] u billi ma temmx it-trattati bilaterali ta’ investiment bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri tal-Unjoni [6].
Minbarra ċerti talbiet għal għajnuna legali jew rikorsi għall-intaxxar tal-ispejjeż, fl-aħħar nett għandu jiġi indikat it-tressiq mill-Kummissjoni, fit‑13 ta’ Settembru 2024, ta’ talba għal opinjoni dwar in-natura (esklużiva jew kondiviża) tal-kompetenza tal-Unjoni sabiex tikkonkludi l-ftehim bejn is-Sultanat tal-Oman, minn naħa, u l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, fil-qasam tat-trasport bl-ajru. Din it-talba, imressqa skont l-Artikolu 218(11) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, qajmet interess qawwi ħafna peress li, b’eċċezzjoni waħda, l-Istati Membri kollha tal-Unjoni, kif ukoll il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar il-mistoqsija magħmula mill-Kummissjoni.
Jekk wieħed jeżamina iktar mill-qrib is-suġġett tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja matul is-sena li għaddiet, għandu jiġi nnotat li dan jikkorrispondi, globalment, għal dak tas-snin preċedenti. Bħal fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita, fl‑2024, b’diversi kawżi relatati mal-kompetizzjoni jew mal-għajnuna mill-Istat, mal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ambjent jew anki mal-politika soċjali u mat-trasport, iżda li mingħajr dubju ser jiġbed l-attenzjoni tal-qarrej, huwa n-numru kbir ta’ kawżi li jirrigwardaw il-politika ekonomika u monetarja u l-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tal-gwerra fl-Ukraina, kif ukoll in-numru ta’ kawżi li jaqgħu taħt l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Mhux inqas minn 123 kawża, fosthom 117‑il talba għal deċiżjoni preliminari, tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam fl‑2024, jiġifieri 40 kawża iktar mis-sena preċedenti. Numru minnhom ġejjin mill-Italja.
L-analiżi tal-oriġini ġeografika tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2024 tikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, fattur ieħor b’ħafna indikazzjonijiet. Filwaqt li r-rinviji magħmula mill-qrati Taljani kienu fil-fatt naqsu b’mod qawwi fl‑2023, in-numru tagħhom letteralment sploda fl‑2024, peress li l-qrati Taljani indirizzaw kważi mitt talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2024 (98, meta mqabbla ma’ 43 biss fl‑2023), jiġifieri l-ogħla numru ta’ rinviji li saru minn dan l-Istat mill‑1952. B’kuntrast ma’ dan, in-numru ta’ rinviji magħmula mill-qrati Ġermaniżi segwa d-direzzjoni opposta peress li b’66 talba, in-numru ta’ talbiet mill-qrati ta’ dan l-Istat huwa l-iktar wieħed baxx fl-aħħar ħmistax‑il sena, dan kien għadu jammonta għal 94 talba fl‑2023 u għal 140 talba tliet snin qabel (2020), filwaqt li n-numru ta’ rinviji magħmula mill-qrati Pollakki baqa’ stabbli, peress li dawn il-qrati indirizzaw lill-Qorti tal-Ġustizzja 47 darba fl‑2024 (meta mqabbla ma’ 48 is-sena preċedenti). Dawn huma segwiti, fl-ordni, mill-qrati Awstrijaċi, Bulgari u Belġjani bi, rispettivament, 39, 38 u 36 talba għal deċiżjoni preliminari. F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat ukoll b’interess li mis‑36 talba mressqa mill-qrati Belġjani, mhux inqas minn ħamsa joriġinaw mill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) ta’ dan l-Istat. Id-domandi tagħha jirrigwardaw kwistjonijiet differenti bħall-protezzjoni tad-data personali u l-protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni jew il-validità tal-miżuri meħuda mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex jindirizza l-prezzijiet għoljin tal-enerġija, f’kuntest ġeopolitiku inċert għall-aħħar.
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kontenzjuż tal-urġenza, wieħed għandu jinnota żieda fin-numru ta’ talbiet għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa jew tal-proċedura b’urġenza. Filwaqt li n-numru ta’ dawn it-talbiet kien naqas ħafna matul is-sentejn preċedenti (bi, rispettivament, 52 talba fl‑2022 u 43 talba fl‑2023), dan reġa’ beda jiżdied fl‑2024, b’iktar minn 75 talba, bit-tipi kollha ta’ kawżi kkunsidrati flimkien. Il-proċedura b’urġenza nbdiet sitt darbiet matul is-sena li għaddiet, bħall-proċedura mħaffa li, hija wkoll, ġiet implimentata f’sitt kawżi li jirrigwardaw, rispettivament, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mas-sistema tal-konsenja ta’ persuni għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra [7], l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-istandards minimi għall-għoti ta’ protezzjoni temporanja fil-każ ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati [8] u l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini sigur” kif jinsab, b’mod partikolari, fl-Artikoli 36, 37 u 38 kif ukoll fl-Anness I tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas 26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60) [9].
Għalkemm is-sena li għaddiet tfakkar f’ħafna aspetti s-sena 2019 f’dak li jirrigwarda n-numru ta’ kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-konstatazzjoni tgħodd iktar għal dak li jirrigwarda l-kawżi magħluqa mill-qorti. Fl‑2024, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt għalqet 863 kawża, jiġifieri numru kważi identiku għan-numru rekord ta’ kawżi magħluqa ħames snin qabel (865 kawża). Dan ir-riżultat, li jirrappreżenta żieda ta’ 10 % meta mqabbel mas-sena preċedenti li matulha kienu ngħalqu 783 kawża, jirrifletti l-isforzi kostanti tal-qorti sabiex taffronta l-volum ta’ xogħol tagħha, li qed jiżdied b’mod kostanti, f’kuntest ikkaratterizzat, barra minn hekk, mit-tluq ta’ membru fi Frar 2024 u mill-mewt ta’ membru ieħor attiv, erba’ xhur wara. Fi żmien meta kienet qed tinkiteb din l-analiżi, dawn iż-żewġ membri kienu għadhom ma ġewx issostitwiti, u minħabba f’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja komposta minn 27 Imħallef kienet għadha qed taħdem b’25 Imħallef biss.
Riflessjoni fidila tas-sehem li jirrappreżentaw fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari u l-appelli jikkostitwixxu, mingħajr sorpriża, il-parti l-kbira tal-kawżi magħluqa mill-qorti. Meta jiġi eżaminat iktar mill-qrib il-mod ta’ għeluq tal-kawżi matul is-sena li għaddiet, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja għalqet numru ikbar ta’ kawżi permezz ta’ sentenza. 595 kawża ġew deċiżi b’dan il-mod fl‑2024, filwaqt li dan in-numru kien ta’ 535 sena qabel. B’kuntrast ma’ dan, in-numru ta’ kawżi deċiżi permezz ta’ digriet kien qiegħed jonqos, kemm fir-rigward tal-kawżi għal deċiżjoni preliminari kif ukoll fir-rigward tal-appelli. L-appelli deċiżi permezz ta’ digriet kienu jirrappreżentaw biss 40 % tal-appelli kollha magħluqa fl‑2024 filwaqt li din il-perċentwali kienet tammonta għal iktar minn 50 % sena qabel u għal 60 % fl‑2022! Dan il-fattur għandu, inevitabbilment, impatt fuq it-tul medju tal-proċeduri.
Peress li s-sena l-oħra l-Qorti tal-Ġustizzja qatgħet numru għoli ta’ appelli, b’mod partikolari fl-oqsma tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat, fi tmiem proċedura kompleta li tinvolvi kemm iż-żamma ta’ seduta kif ukoll il-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, it-tul medju ta’ trattament ta’ dawn il-kawżi żdied minn 13.9 xhur fl‑2023 għal 18.4 xhur fl‑2024.
Tista’ tiġi osservata wkoll żieda fit-tul medju tat-trattament tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari u tar-rikorsi diretti, iżda hija ta’ portata iżgħar milli għall-appelli. It-tul medju tat-trattament tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-fatt tela’ minn 16.8 xhur fl‑2023 għal 17.2 xhur fl‑2024, filwaqt li dak tat-trattament tar-rikorsi diretti żdied matul l-istess perijodu minn 20.8 xhur għal 21.5 xhur, li jibqa’ f’limiti raġonevoli fid-dawl tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għalqet numru kbir ta’ kawżi li kienu ilhom pendenti għal diversi snin u, b’mod partikolari, ir-rikorsi ppreżentati minn diversi Stati Membri, f’Ottubru 2020, kontra r-regoli adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam ta’ stabbiliment u ta’ kabotaġġ, ta’ tul massimu ta’ sewqan u ta’ kollokament ta’ xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq. Is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Ottubru 2024 tat deċiżjoni konġuntament fuq ħmistax‑il rikors u waħedha għandha madwar 1 500 punt [10].
Il-kumulu ta’ dawn il-fatturi jwassal, loġikament, għal żieda fit-tul medju tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li kienet stabbilita, bit-tipi kollha ta’ kawżi kkunsidrati flimkien, għal 17.7 xhur fl‑2024, meta mqabbla ma’ 16.1 xahar sena qabel. B’kuntrast ma’ dan, fir-rigward tal-kawżi suġġetti għall-proċedura b’urġenza, li dejjem jeħtieġu viġilanza ikbar fid-dawl tal-oqsma sensittivi li huma jkopru, għandu jiġi nnotat li t-tul medju tat-trattament tagħhom naqas minn 4.3 xhur fl‑2023 għal 3.3 xhur fl‑2024, li huwa tul qrib ħafna ta’ dak previst waqt l-implimentazzjoni ta’ din il-proċedura, f’Marzu 2008 [11].
Għal dak li jirrigwarda t-tqassim tad-deċiżjonijiet mogħtija minn kulleġġ ġudikanti, wieħed għandu jinnota fuq kollox żieda qawwija fin-numru ta’ deċiżjonijiet mogħtija mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fl‑2024, 75 kawża ngħalqu minn dan il-kulleġġ ġudikanti, meta mqabbla ma’ 36 kawża sena biss qabel. Din iċ-ċifra hija spjegata, kif rajna, billi nqata’ grupp ta’ ħmistax‑il kawża relatati li jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam tat-trasport, iżda wkoll mit-tiġdid parzjali tal-kompożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’Ottubru 2024. Peress li l-mandat ta’ numru kbir ta’ Mħallfin intemm f’Ottubru 2024, kien meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-kawżi li kienu sedenti fihom qabel it-tluq tagħhom sabiex jiġu evitati problemi ta’ kworum. Issa, numru kbir ta’ dawn il-kawżi kienu ntbagħtu quddiem l-Awla Manja.
Għalkemm is-sehem tal-awli bi tliet Imħallfin fil-kawżi magħluqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2024 jibqa’ predominanti peress li jirrappreżenta mhux inqas minn 46 % tal-kawżi magħluqa permezz ta’ sentenza jew permezz ta’ digriet ta’ natura ġudizzjarja, is-sehem tal-awli b’ħames Imħallfin madankollu kompla javvanza u kien jammonta għal kważi 42 %. In-numru totali ta’ kawżi magħluqa minn dawn il-kulleġġi ġudikanti fl‑2024 ġie stabbilit, rispettivament, għal 359 kawża għall-awli bi tliet Imħallfin, Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli inkluża, u 324 kawża għall-awli b’ħames Imħallfin. Sena qabel, dan in-numru kien jammonta, rispettivament, għal 381 kawża (awli bi tliet Imħallfin) u 298 kawża (awli b’ħames Imħallfin).
Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja tat, fl‑2024, deċiżjoni fil-formazzjoni l-iktar solenni tagħha (is-seduta plenarja): is-sentenza tat‑30 ta’ April 2024 fit-tieni kawża “Quadrature du Net”. Adita, għal darba oħra, mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) Franċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tagħmel diversi preċiżazzjonijiet addizzjonali importanti dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009, moqrija fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali [12].
Għalkemm, kif rajna, in-numru ta’ kawżi magħluqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2024 kien eċċezzjonalment għoli, xorta jibqa’ inqas, madankollu, min-numru ta’ kawżi ġodda matul din l-istess sena, li għandu bħala konsegwenza loġika żieda fin-numru ta’ kawżi pendenti quddiem il-qorti, li kienu jammontaw għal 1 206 kawżi fil‑31 ta’ Diċembru 2024. Dan huwa l-ogħla numru li qatt ġie rreġistrat fl-annali tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa jixhed, mingħajr dubju, il-fiduċja li ċ-ċittadini u l-qrati tal-Istati Membri tal-Unjoni għandhom fil-Qorti tal-Ġustizzja sabiex issolvi l-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandhom quddiemhom, iżda jenfasizza wkoll l-importanza tar-riforma leġiżlattiva li daħlet fis-seħħ f’Settembru 2024 peress li din hija intiża li tibbilanċja mill-ġdid il-volum ta’ xogħol bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali billi tittrasferixxi lil din tal-aħħar parti mill-kompetenza preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Huwa evidentement prematur, f’dan l-istadju, li jittieħed kont ta’ din ir-riforma, iżda l-iżvilupp tan-numru ta’ kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ser jiġi segwit b’attenzjoni, b’mod partikolari fl-oqsma speċifiċi koperti mit-trasferiment tal-kompetenza, sabiex jiġi evalwat l-impatt ta’ din ir-riforma, kemm fuq it-trattament tal-kawżi kkonċernati mill-Qorti Ġenerali kif ukoll fuq il-volum ta’ xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja u t-tul tat-trattament tal-kawżi, li kien jikkostitwixxi wieħed mill-fatturi li wasslu għat-talba għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal.
*****
[1] Bħala tfakkira, dawn huma s-sitt oqsma li ġejjin: 1) is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, 2) id-dazji tas-sisa, 3) il-Kodiċi Doganali, 4) il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda, 5) il-kumpens u l-assistenza lill-passiġġieri fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark jew ta’ dewmien jew ta’ kanċellazzjoni ta’ servizzi ta’ trasport, u 6) l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra.
[2] Kawża C‑553/24, Assemblée nationale vs Il‑Parlament Ewropew u Il‑Kunsill. Dan ir-rikors huwa intiż għall-annullament tar-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1147 u (UE) 2021/1060 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (ĠU L, 2024/1351, 22.5.2024).
[3] ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.
[4] Kawża C‑892/24, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit.
[5] Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16 (EU:C:2018:158).
[6] Kawża C‑894/24, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit.
[7] Kawżi C‑202/24, Alchaster (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, EU:C:2024:649) u C‑743/24, Alchaster II.
[8] Kawżi magħquda C‑244/24 u C‑290/24, Kaduna (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, EU:C:2024:1038).
[9] Kawżi magħquda C‑758/24 u C-759/24, Alace u Canpelli.
[10] Kawżi magħquda C‑541/20 sa C‑555/20, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-mobbiltà), EU:C:2024:818.
[11] Ara f’dan ir-rigward id-dikjarazzjoni adottata mill-Kunsill fl‑20 ta’ Diċembru 2007 fil-marġni tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tiegħu li temenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li “l-proċedura preliminari ta’ urġenza għandha tiġi konkluża fi tliet xhur” (ĠU 2008, L 24, p. 44).
Kawża C‑470/21, Quadrature du Net et (Data personali u ġlieda kontra l-kontrafazzjoni), EU:C:2024:370.
L-istatistika ġudizzjarja ta' bosta snin preċedenti, jistgħu jiġu wkoll ikkonsultati fis-sit Curia, fil-parti "Storika".