Ara l-istatistika tal-Qorti Ġenerali
Minn Vittorio Di Bucci, Reġistratur tal-Qorti Ġenerali
Kull sena, l-istatistiċi ġudizzjarji jitfgħu dawl prezzjuż fuq l-attività tal-Qorti Ġenerali u jikkonfermaw ruħhom bħala għodda indispensabbli sabiex wieħed jifhem il-preżent u jipprepara l-ġejjieni. L-għan ewlieni ta’ din il-kontribuzzjoni huwa li turi l-iktar elementi importanti ta’ din l-istatistika, li tipprovdi ċwievet għall-qari u li tiddeskrivi x-xejriet. Madankollu, fir-rigward tal‑2024, għandhom jiġu enfasizzati bidliet fundamentali fil-funzjonijiet tal-Qorti Ġenerali u fil-kawżi mressqa quddiemha.
Is-sena 2024 wasslet għal bidla fl-istorja tal-Qorti Ġenerali u fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea, li għaddiet mir-riforma l-iktar importanti sa mit-twaqqif tal-Qorti Ġenerali fl‑1989. Mill‑1 ta’ Ottubru, il-Qorti Ġenerali għandha l-kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawżi għal deċiżjoni preliminari f’sitt oqsma speċifiċi. Hija għalhekk irċeviet l-ewwel talbiet mill-qrati nazzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja bagħtitilha bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet statutorji u regolamentari l-ġodda u li jkopru oqsma bħall-VAT, id-dazji tas-sisa, id-dazju doganali jew id-drittijiet tal-passiġġieri. Dawn l-iżviluppi jirrigwardaw in-natura stess tal-Qorti Ġenerali li issa tipparteċipa, flimkien mal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-djalogu mal-qrati nazzjonali u b’hekk tikkontribwixxi għall-applikazzjoni tajba tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri.
Fl-istess ħin, il-Qorti Ġenerali tibqa’ l-qorti li tistħarreġ fl-ewwel istanza l-attività tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni. Dan ir-rwol saħansitra ġie msaħħaħ mir-riforma, li wessgħet l-oqsma li fihom l-appelli mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma suġġetti għal mekkaniżmu ta’ ammissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u limitati għall-każijiet li jqajmu kwistjonijiet sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni. Fir-rigward tal-kontenzjuż ibbażat fuq klawżoli ta’ arbitraġġ jew rikorsi ppreżentati kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell indipendenti ta’ korpi jew organi bħall-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija jew l-awtoritajiet tas-sorveljanza fil-qasam finanzjarju, il-Qorti Ġenerali ħafna drabi ser tkun il-qorti tal-aħħar istanza.
Lil hinn minn dak li tista’ turi l-istatistika, emendi sostanzjali għall-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-riformulazzjoni tad-dispożizzjonijiet prattiċi ta’ implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli, l-adattament tal-istrutturi, tal-metodu ta’ ħidma u tal-għodod informatiċi, kif ukoll il-ħtieġa li l-persunal jitħarreġ eżerċitaw pressjoni qawwija fuq l-attività tal-Qorti Ġenerali u tar-reġistru tagħha fl‑2024.
L-istruttura tal-istatistiċi annwali nbidlet sabiex tirrifletti l-kompetenzi preliminari l-ġodda, anki jekk in-numru ta’ talbiet imressqa fl-aħħar tliet xhur tal‑2024 u mibgħuta lill-Qorti Ġenerali kien biss ta’ 19, li kienu ġejjin minn tnax‑il Stat Membru differenti. Huwa interessanti li wieħed jinnota li tmienja minn dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari joriġinaw mill-qrati supremi ta’ seba’ Stati Membri differenti. B’kuntrast ma’ dan, huwa kmieni wisq sabiex jinsiltu tagħlimiet affidabbli dwar l-importanza rispettiva tat-talbiet irċevuti fid-diversi oqsma li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali jew sabiex tingħata gwida dwar kif il-Qorti Ġenerali tittratta l-kawżi għal deċiżjoni preliminari.
Is-sena 2024 kienet ukoll is-sena tat-tluq ta’ ħames Imħallfin tal-Qorti Ġenerali, maħtura membri tal-Qorti tal-Ġustizzja, u tal-wasla ta’ żewġ Imħallfin ġodda. Il-Qorti Ġenerali, ir-reġistru u d-dipartimenti kellhom jagħmlu sforzi serji sabiex jagħlqu fi żmien xieraq diversi proċeduri li fihom kienu sedenti l-ħames Imħallfin li ngħaqdu mal-Qorti tal-Ġustizzja f’Ottubru 2024.
L-ewwel element ovvju huwa li n-numru ta’ kawżi ġodda jaqa’ ftit taħt il-medda tat‑800 u, bi 786 kawża ġdida, jikkostitwixxi l-iktar ċifra baxxa f’dawn l-aħħar għaxar snin. Huwa probabbli ħafna li dan il-fenomenu jkun fil-biċċa l-kbira ċikliku u jista’ jiġi spjegat b’mod partikolari mill-attività mnaqqsa tal-istituzzjonijiet l-oħra f’sena kkaratterizzata mill-elezzjonijiet Ewropej u mit-tiġdid tal-Kummissjoni.
Madankollu, xi xejriet jista’ jkollhom spjegazzjoni oħra.
Fir-rigward tal-kontenzjuż dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, wieħed josserva tnaqqis żgħir fin-numru ta’ kawżi ġodda (268 meta mqabbla ma’ 310 fl‑2023), minkejja li l-bordijiet tal-appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għalqu iktar proċedimenti meta mqabbla mas-sena preċedenti. It-tendenza ta’ tnaqqis ta’ dan il-kontenzjuż quddiem il-Qorti Ġenerali jista’ jiġi kkonfermat, peress li r-rikorsi ppreżentati quddiem il-bordijiet tal-appell tal-EUIPO naqsu (‑6 %) u l-użu tal-mekkaniżmi alternattivi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim quddiem l-EUIPO sar inkoraġġit.
Il-kawżi li jirriżultaw mill-politika ekonomika u monetarja, qasam li jinkludi b’mod partikolari d-dritt bankarju, qed jonqsu b’mod sinjifikattiv, speċjalment fir-rigward tal-appelli ppreżentati kontra l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Dan huwa spjegat mill-fatt li mill‑2024, jiġifieri wara t-tmiem tal-perijodu inizjali ta’ tmien snin mill‑1 ta’ Jannar 2016, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni waqaf jiġbor il-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet suġġetti għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, li kienu s-sors ewlieni ta’ tilwim. L‑14‑il rikors ippreżentati fl‑2024 jirrigwardaw l-adozzjoni mill-ġdid tad-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall‑2021 u għandhom jitqarrbu lejn 48 kawża li jikkonċernaw il-kontribuzzjonijiet għall‑2023.
Il-kontenzjuż dwar ir-regolazzjoni tas-swieq u tas-servizzi diġitali ra l-introduzzjoni ta’ sitt kawżi dwar ir-Regolament dwar is-servizzi diġitali (UE) 2022/2065 (bl-Ingliż: Digital Services Act, DSA), li jikkonċernaw l-indikazzjoni bħala “pjattaforma online kbira ħafna” jew l-ammont tat-tariffa superviżorja, u żewġ kawżi relatati mar-Regolament dwar is-swieq diġitali (UE) 2022/1925 (bl-Ingliż: Digital Markets Act, DMA), li jirrigwardaw deċiżjonijiet ta’ indikazzjoni bħala “gwardjani”. F’dan l-istadju, il-Qorti Ġenerali għadha ma rċevietx kawżi dwar l-implimentazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-obbligi sostantivi imposti fuq dawn l-atturi ekonomiċi, kawżi li jistgħu tabilħaqq jikkontribwixxu għall-kontenzjuż fis-snin li ġejjin.
Il-kontenzjuż tal-miżuri restrittivi jibqa’ stabbli fil-livell ta’ 63 kawża, eżattament bħal fl‑2023. Bħal fl‑2023, il-kawżi l-ġodda f’dan il-qasam jikkonċernaw fil-parti l-kbira tagħhom (47 rikors minn 63) is-serje ta’ miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-kuntest tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukraina. F’diversi kawżi pendenti li jikkonċernaw tali miżuri restrittivi, ir-rikorrenti adattaw ir-rikors tagħhom bis-saħħa tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura sabiex jikkontestaw it-tiġdid jew l-emenda tal-miżuri li jikkonċernawhom, minflok ma kkontestaw dawn id-deċiżjonijiet permezz ta’ rikors ġdid. Din it-teknika għandha l-vantaġġ li tikkonċentra l-eżami ta’ diversi atti li jirrigwardaw l-istess parti fil-kuntest ta’ kawża waħda, billi tissodisfa l-għanijiet ta’ ċarezza, ta’ ħeffa u ta’ ċertezza legali li kienu ġew assenjati lilha waqt l-introduzzjoni tagħha fl‑2016. Madankollu, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-atti bi skadenza ta’ sitt xhur, hija żiedet il-proċeduri pendenti u kkomplikat il-ġestjoni tagħhom, speċjalment meta l-adattament tar-rikors seħħ waqt it-tħejjija għas-seduta għas-sottomissjonijiet orali jew matulha. Sabiex taffaċċja dawn id-diffikultajiet, il-Qorti Ġenerali emendat ir-Regoli tal-Proċedura tagħha, fil-każijiet fejn it-terminu għall-preżentata ta’ rikors jibda jiddekorri wara l‑1 ta’ Settembru 2024. Issa huwa previst li l-adattament tar-rikors għandu jiġi ppreżentat f’terminu qasir wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura jew, bħala prinċipju, saħansitra qabel in-notifika tad-deċiżjoni li l-kawża tinqata’ mingħajr il-fażi orali tal-proċedura. Ċertament, huwa kmieni wisq sabiex issir evalwazzjoni, iżda din is-sistema l-ġdida tidher li tippermetti li jiġi rrikonċiljat aħjar l-interess tar-rikorrenti li jikkonċentraw it-talbiet tagħhom fil-kuntest ta’ kawża diġà pendenti man-neċessità għall-Qorti Ġenerali li torganizza x-xogħlijiet tagħha b’mod prevedibbli u li tagħlaq il-proċeduri f’termini raġonevoli.
Fil-kuntest tal-oqsma tradizzjonali tal-kontenzjuż tal-Qorti Ġenerali, is-servizz pubbliku stabbilizza ruħu (78 kawża meta mqabbla ma’ 82 fl‑2023). Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, in-numru żdied b’għaxar kawżi fl‑2023 għal 23 fl‑2024, iżda baqa’ ferm inqas mil-livelli storiċi. Fl-aħħar nett, bħal fl‑2022 u fl‑2023, il-kawżi fil-qasam tal-kompetizzjoni huma ftit ħafna fin-numru, b’għaxar kawżi ġodda fl‑2024.
B’922 kawża magħluqa matul is-sena, il-Qorti Ġenerali għamlet aħjar mis-sena l-oħra, u sostanzjalment aħjar mill-medja tal-aħħar snin. Hija rnexxielha wkoll tnaqqas l-istokk ta’ kawżi pendenti b’mod sinjifikattiv: il-kawżi magħluqa jaqbżu l-kawżi l-ġodda ta’ 136 unità u l-kawżi pendenti huma 1 302 (jekk il-grupp ta’ 404 kawżi essenzjalment identiċi mressqa fl‑2023 jiġi kkunsidrat bħala kawża waħda, fejn iċ-ċifra netta hija ta’ 1 705 kawżi). Din hija ċ-ċifra l-iktar baxxa sa mill‑2015. Dan il-progress huwa parzjalment dovut għall-għeluq ta’ ċerti gruppi ta’ kawżi kbar.
Ta’ min jinnota li:
In-numru ta’ seduti għas-sottomissjonijiet orali fl‑2024 naqas għal 232 (286 seduta fl‑2023, 241 fl‑2022) minn 300 kawża li fihom tressqu sottomissjonijiet orali (419 fl‑2023 u 303 fl‑2022).
Matul is-sena nżammu żewġ seduti b’videokonferenza, għall-ewwel darba mid-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ April 2023, ta’ regoli ġodda dwar l-użu ta’ dan il-mekkaniżmu.
It-tul medju tal-istanza żdied bi ftit. Dan tela’ għal 18.5 xhur fl‑2024 għall-kawżi magħluqa permezz ta’ sentenza jew permezz ta’ digriet, meta mqabbla ma’ 18.2 xhur fl‑2023 u 22.1 xahar fl‑2022 (meta mqabbla ma’ 21 fl‑2023) meta jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kawżi magħluqa permezz ta’ sentenza. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li t-tul medju tal-istanza f’din l-aħħar kategorija jvarja bejn tul medju ta’ 42.6 xhur għall-kawżi tad-dritt tal-kompetizzjoni jew 37.2 xhur għal każijiet ta’ għajnuna mill-Istat u 13.5 xhur għal kawżi dwar proprjetà intellettwali. L-għeluq ta’ diversi kawżi jew gruppi ta’ kawżi kumplessi qodma, b’mod partikolari fl-oqsma tal-għajnuna mill-Istat, tal-kompetizzjoni jew tad-dritt bankarju, ikkontribwixxa għal żieda fit-tul medju tal-istanza. Dan il-fenomenu huwa mistenni li jittaffa u t-tul medju tal-istanza huwa għalhekk mistenni li jonqos fis-snin li ġejjin, peress li l-Qorti Ġenerali għalqet jew qed tagħlaq bħalissa l-aħħar gruppi kbar ta’ kawżi li ntirtu mill-passat.
Mill‑1 705 kawżi pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali fl‑31 ta’ Diċembru 2024 (ċifra netta, inklużi l‑404 rikorsi identiċi ppreżentati fl‑2023), 32 % jikkonċernaw id-dritt istituzzjonali (l‑404 kawżi ċċitati iktar ’il fuq jaqgħu taħt dan il-qasam), kważi 10 % jaqgħu taħt il-politika ekonomika u monetarja, 7 % jikkonċernaw għajnuna mill-Istat u 5 % il-miżuri restrittivi. Fir-rigward tal-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ speċjalizzazzjoni fi ħdan il-Qorti Ġenerali, il-proprjetà intellettwali tirrappreżenta 19 % tal-kawżi pendenti u s-servizz pubbliku 6.5 % ta’ dawn il-kawżi, perċentwali li jibqgħu stabbli meta mqabbla mas-sena preċedenti. Fir-rigward tal-kulleġġi ġudikanti, jista’ jiġi nnotat użu ikbar mill-Awla Manja, b’żewġ kawżi pendenti quddiem dan il-kulleġġ fl-aħħar tal‑2024, waħda fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti u l-oħra dwar l-eżami mill-ġdid ta’ atti mhux leġiżlattivi li fihom dispożizzjonijiet li jistgħu jmorru kontra d-dritt tal-ambjent.
Fl‑2024, il-Qorti Ġenerali għamlet sforzi kunsiderevoli ddedikati għall-finalizzazzjoni u għall-implimentazzjoni tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea, mibdija bit-talba għal riforma tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Novembru 2022. Ir-Regolament li jemenda l-Istatut ġie adottat fil‑11 ta’ April 2024 u daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Settembru 2024. Fl‑10 ta’ Lulju 2024, il-Qorti Ġenerali adottat, bi qbil mal-Qorti tal-Ġustizzja u wara l-approvazzjoni tal-Kunsill, emendi fundamentali għar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li daħlu fis-seħħ ukoll fl‑1 ta’ Settembru 2024 u li huma intiżi b’mod partikolari sabiex jippermettu lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-kompetenzi preliminari l-ġodda tagħha sa minn Ottubru 2024. Id-Dispożizzjonijiet Prattiċi għall-Implimentazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura ġew irriformulati, filwaqt li testi oħra, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-użu ta’ e‑Curia, ġew emendati. Il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet awla magħżula sabiex tittratta t-talbiet għal deċiżjoni preliminari u li għandha tibqa’ fis-seħħ sat-tiġdid parzjali tal-Qorti Ġenerali previst għal Settembru 2025, sabiex tiġi ssostitwita minn żewġ awli li għandhom kompetenza preliminari. Hija eleġġiet tliet Imħallfin (żewġ membri u supplent) imsejħa sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ Avukat Ġenerali għall-ipproċessar tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari. Hija emendat ukoll ir-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-Awla Manja u stabbilixxiet regoli għall-kompożizzjoni tal-awla intermedja ta’ disa’ Imħallfin maħluqa permezz tal-emenda tal-Istatut.
Il-Qorti Ġenerali kompliet il-politika tagħha ta’ ġestjoni proattiva tal-kawżi u implimentat b’suċċess il-miżuri l-ġodda adottati fl‑2023 għat-trattament ta’ kawżi kbar ħafna u ta’ gruppi kbar ta’ kawżi sa mill-mument tar-reġistrazzjoni tagħhom. Dawn il-kawżi huma assenjati lill-awli u lill-Imħallfin relaturi skont kriterji speċifiċi, huma s-suġġett ta’ skeda indikattiva, li għandha tiġi riveduta skont l-evoluzzjoni tal-proċedura, u jistgħu jibbenefikaw minn riżorsi ikbar, kif ukoll minn trattament prijoritarju mill-grupp tal-qarrejja ta’ sentenzi u mid-dipartimenti ta’ traduzzjoni. Ġie deċiż li l-Imħallfin involuti fit-trattament tal-kawżi għal deċiżjoni preliminari qatt ma jinħatru bħala relaturi ta’ kawżi kbar ħafna jew ta’ gruppi ta’ kawżi, peress li dan ikun inkompatibbli mal-prijorità mogħtija lil ġestjoni rapida tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, konformement mal-assigurazzjonijiet mogħtija lil-leġiżlatur fl-okkażjoni tar-riforma.
Il-Qorti Ġenerali u r-reġistru tagħha komplew ix-xogħol tagħhom ta’ modernizzazzjoni tas-servizz pubbliku tal-ġustizzja, li jikkontribwixxi għall-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja Ewropea. Is-sena 2024 ġiet iddedikata għall-iżvilupp tal-għodod informatiċi neċessarji sabiex jiġu ttrattati t-talbiet għal deċiżjoni preliminari mibgħuta lill-Qorti Ġenerali, iżda wkoll għall-finalizzazzjoni tal-ewwel stadji fil-ħolqien ta’ sistema integrata ta’ ġestjoni tal-kawżi (SIGA) u għall-preparazzjoni tal-fażijiet ulterjuri. Id-dokumenti ta’ informazzjoni kollha intiżi għall-pubbliku ġenerali ġew aġġornati u t-testi ċċirkolati fil-ħin għad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet il-ġodda. Miżuri dwar l-aċċessibbiltà fiżika u diġitali huma wkoll fuq l-aġenda tar-riflessjonijiet tal-qorti u tar-reġistru tagħha.
It-tnaqqis fin-numru ta’ kawżi ġodda kellu effett pożittiv fuq ir-reġistru, billi naqqas xi ftit il-pressjoni tax-xogħol ta’ kuljum fil-ġestjoni tal-proċeduri ġudizzjarji. Dan ippermetta li jiġu allokati riżorsi u ħin għall-adattamenti meħtieġa mir-riforma tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni u b’mod partikolari għat-tħejjija għall-ġestjoni tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari.
Madankollu, iċ-ċifri juru li l-attività tkompli b’ritmu sostnut:
Ir-reġistru assista lill-Imħallfin tal-qorti matul 346 seduta tal-awla (334 fl‑2023), 232 seduta għas-sottomissjonijiet orali 2022 u 37 seduta għall-għoti tas-sentenza.
Kummenti fuq l‑istatistika dwar l‑attività tal‑Qorti Ġenerali fl‑2024
L-istatistika ġudizzjarja ta' bosta snin preċedenti, jistgħu jiġu wkoll ikkonsultati fis-sit Curia, fil-parti "Storika".